European Economic
and Social Committee
L-irkupru tal-UE – L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata huwa kruċjali
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) adotta riżoluzzjoni li tindika li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata jistgħu joffru kontribut imprezzabbli għall-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza u għandu jkollhom vuċi f’dan il-proċess.
Il-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza ikunu aktar effiċjenti u effettivi jekk l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata jiġu involuti aktar malajr u b’mod aktar estensiv. Dan huwa l-messaġġ ewlieni tar-Riżoluzzjoni dwar L-involviment tas-Soċjetà Ċivili Organizzata fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza – X’jaħdem u x’ma jaħdimx?, adottata fis-sessjoni plenarja tal-KESE ta’ Frar u ppreżentata waqt dibattitu ma’ Christa Schweng, il-President tal-KESE u Johannes Hahn, il-Kummissarju Ewropew għall-baġit u l-amministrazzjoni.
Waqt li kkummentat dwar ir-riżultat, is-Sinjura Schweng qalet li: “Din ir-riżoluzzjoni, li tanalizza varjetà wiesgħa ta’ aspetti ekonomiċi u soċjetali, tippermetti li nibagħtu sinjal qawwi li l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata huwa kruċjali. Il-pjani ta’ rkupru jeħtieġ li jagħtu riżultati biex verament jappoġġjaw l-irkupru mill-kriżi attwali u t-tranżizzjoni ġusta, ekoloġika u diġitali. Bħala t-tieni pass, ladarba l-fondi jkunu operattivi, il-membri tal-KESE jinsabu f’pożizzjoni tajba ħafna biex jivvalutaw jekk il-flus humiex qed jintefqu b’mod effettiv u humiex qed jilħqu lin-negozji, lill-ħaddiema u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-bżonn”.
Min-naħa tiegħu, is-Sur Hahn qal li r-regoli huma fis-seħħ, u li l-Kummissjoni se tkompli tinsisti fuq l-involviment tal-partijiet interessati f’dawn il-proċessi ta’ riforma: “Ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jinkoraġġixxi konsultazzjonijiet wesgħin, interazzjonijiet b’saħħithom, u komunikazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni. Dan se jiġġenera sjieda ġenwina tal-pjani, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni b’suċċess tagħhom. B’mod aktar speċifiku, l-Istati Membri jeħtieġ li jinfurmawna kif il-kontribut tagħkom bħala rappreżentanti tas-soċjetà ċivili huwa rifless fil-pjan”.
Ir-Riżoluzzjoni tal-Kumitat
Ir-riżoluzzjoni tfasslet mill-membri tal-KESE Gonçalo Lobo Xavier (Grupp ta’ Min Iħaddem), Javier Doz Orrit (Grupp tal-Ħaddiema) u Luca Jahier (Grupp Diversità Ewropa). Huma kkoordinaw il-ħidma ta’ 27 delegazzjoni ta’ tliet membri kull waħda, li qed jimmonitorjaw l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fl-abbozzar, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
Huwa u jitkellem waqt id-dibattitu, is-Sur Jahier wissa li "Minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew u r-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili mhijiex biżżejjed f’ħafna pajjiżi. Il-KESE jitlob li dan jiġi rettifikat, kemm issa kif ukoll fil-fażi ta’ monitoraġġ u implimentazzjoni”.
Fuq l-istess linja, is-Sur Lobo Xavier iddikjara li: “L-involviment tas-soċjetà ċivili fil-pjani ta’ rkupru mhuwiex retorika tal-KESE jew mod kif inwebbsu rasna. Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-isfidi reali tas-saħħa pubblika u l-irkupru ekonomiku u soċjali jkunu fil-qalba tad-deċiżjonijiet u l-politiki dwar it-tkabbir”.
Fl-aħħar nett, is-Sur Doz Orrit enfasizza li: “L-investimenti fl-ekonomija ekoloġika u fid-diġitalizzazzjoni u fit-tranżizzjonijiet ġusti għandhom ikunu mmirati lejn bidla fil-mudell tal-produzzjoni, b’soċjetajiet aktar soċjalment koeżivi, u lejn il-konverġenza bejn l-istati”.
L-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali: l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili
Bl-adozzjoni ta’ din ir-Riżoluzzjoni, il-Kumitat qed jibgħat sinjal qawwi dwar l-importanza li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata jiġu involuti fil-ħidma ta’ rkupru u reżiljenza, u jipprovdi kontribut komuni fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa li għandu jsir fil-25 u s-26 ta’ Marzu 2021.
Fil-futur, fl-istadji li jmiss tal-programm Next Generation EU, meta l-implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-impatt tagħhom fuq l-ekonomija u s-soċjetà tal-Istati Membri se jkollhom jiġu vvalutati, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili se jkollhom jerġgħu jiġu kkonsultati.
Il-mod kif l-UE tirreaġixxi għall-kriżi tal-COVID-19, it-tifsira tal-Pjan ta’ Rkupru, kif inhu ffinanzjat kif ukoll il-kapaċità li tinvolvi lis-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tiegħu, għandu l-potenzjal li jsir mument deċiżiv fil-proġett Ewropew. Dan jista’ jfisser bidla minn kriżi politika ovvja għal pass profond u pożittiv ’il quddiem fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea.
Madankollu, biex dan iseħħ, l-implimentazzjoni tal-Pjan trid tirnexxi fl-objettivi tiegħu. L-UE għandha ħafna x’titlef. U l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili tista’ tikkontribwixxi ħafna għas-suċċess tagħha.
Work organisation
Downloads
-
EU recovery – Involvement of organised civil society is key
Recommended for you
Euro-Med – L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma essenzjali biex l-ekonomija u s-soċjetà jaħdmu tajjeb
News
Matul is-sessjoni plenarja ta’ Diċembru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) sar dibattitu dwar ir-rikostruzzjoni u r-reżiljenza tar-reġjun Ewro‑Mediterranju wara l-pandemija tal-COVID-19.…
Il-KESE jiftaħ il-bibien tiegħu għas-soċjetà ċivili tal-Ukrajna
News
Bil-għan li jibdel is-solidarjetà mal-Ukrajna f’azzjoni konkreta, il-KESE qed iħalli lill-NGO Promote Ukraine tuża parti mill-bini tiegħu f’Rue de Trèves 74, flimkien ma’ tagħmir loġistiku.
Is-soċjetà ċivili Ewropea u Ukrena id f’id kontra l-barbariżmu
News
Is-soċjetà ċivili fl-Ukrajna u fl-Ewropa kollha qed jaħdmu id f’id biex jgħinu lill-popolazzjonijiet f’diffikultà. Isma’ l-poddata tal-KESE the Grassroots view, fejn ir-rappreżentanti tal…
Il-KESE jagħti bidu għall-Premju għas-Soċjetà Ċivili 2022 b’enfasi fuq żewġ temi: iż-żgħażagħ u l-Ukrajna
News
Il-ħolqien ta’ futur aħjar għaż-żgħażagħ u l-għajnuna lill-vittmi tal-gwerra fl-Ukrajna huma ż-żewġ temi tal-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili ta’ din is-sena Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali…
Il-KESE jiftaħ l-applikazzjonijiet għall-Premju tiegħu għas-Soċjetà Ċivili li se jkun qed jindirizza s-saħħa mentali
News
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-individwi u l-kumpaniji privati issa jistgħu jdaħħlu l-proġetti tagħhom mingħajr skop ta’ qligħ għall-premju tal-KESE ddedikat għall-appoġġ tal-benesseri…