AFFARIJIET ISTITUZZJONALI U L-BAĠIT TAL-UE

It-Trattat ta’ Lisbona witta t-triq għal era ġdida, b’opportunitajiet ġodda għaċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom biex jieħdu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet u t-tfassil tal-politika tal-UE, u b’hekk tissaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet Ewropej u l-ħidma tagħhom. Madankollu, fil-kuntest tan-negozjati dwar il-Brexit, kif ukoll tal-isfidi ġeopolitiċi, ta’ sigurtà, ekonomiċi u soċjali reċenti li qed tiffaċċja l-UE, tnieda proċess ġdid ta’ riflessjoni għall-UE-27 biex tittieħed deċiżjoni dwar il-ġejjieni tal-Unjoni tagħhom.

L-Unjoni Ewropea għandha baġit biex tħallas għall-politiki li jitwettqu fil-livell Ewropew. Dan il-baġit jammonta għal madwar 1 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tal-UE-28, jew EUR 157,9 biljun (2017). Madwar 94 % tal-baġit tal-UE jiffinanzjaw programmi u proġetti kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll barra l-UE. Madwar 6 % tal-baġit jintużaw għal spejjeż amministrattivi. Il-flus essenzjalment jiġu mill-kontribuzzjonijiet nazzjonali kkalkulati abbażi tal-ING u l-VAT u minn riżorsi proprji tradizzjonali (dazji doganali fuq importazzjonijiet minn barra l-UE). Il-kategoriji prinċipali tal-infiq huma t-tkabbir (it-tisħiħ tal-kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali), ir-riżorsi naturali (l-agrikoltura u s-sajd), is-sigurtà u ċ-ċittadinanza, il-politika barranija u l-amministrazzjoni.

Il-KESE dwar l-affarijiet istituzzjonali u l-baġit tal-UE

Il-KESE influwenza b’mod attiv it-tibdil fit-trattati tal-UE u għen fir-riforma tal-istituzzjonijiet. Ser ikompli jagħmel dan permezz tal-Opinjonijiet tiegħu li jirrappreżentaw il-fehmiet tas-soċjetà ċivili fi ħdan id-djalogu politiku dwar il-ġejjieni tal-Ewropa u l-istituzzjonijiet tagħha.

Il-KESE jirrakkomanda li l-baġit tal-UE jintuża biex jitnedew mill-ġdid it-tkabbir ekonomiku u l-impjieg, tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-kompetittività u biex jindirizza l-isfidi interni u esterni. Barra minn hekk, għandu jkun hemm enfasi akbar fuq ir-riżultati miksuba bil-baġit tal-UE. L-introduzzjoni ta’ sistema ġdida għall-finanzjament tal-baġit tal-UE li tkun aktar ibbażata fuq ir-riżorsi proprji għandha tgħin biex jiġi abbandunat id-dibattitu dwar il-bilanċi netti għal kull Stat Membru li jmur kontra l-valuri ta’ solidarjetà u benefiċċju reċiproku li jikkostitwixxu l-bażi tal-integrazzjoni Ewropea. Huwa kruċjali li jiġu ssemplifikati l-proċeduri fl-użu tal-baġit, kif ukoll li jkun hemm aktar flessibilità fl-indirizzar ta’ sfidi urġenti.