European Economic
and Social Committee
Grupp Permanenti dwar is-Semestru Ewropew
Fl-2017, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew stabbilixxa l-Grupp dwar is-Semestru Ewropew (GSE) b’reazzjoni għall-importanza dejjem akbar tas-Semestru Ewropew.
Il-GSE huwa korp orizzontali magħmul minn 34 membru tal-KESE u l-għan tiegħu huwa li jsaħħaħ u jappoġġja l-ħidma mwettqa fis-sezzjonijiet tal-KESE. Il-Grupp janalizza proposti mis-soċjetà ċivili Ewropea dwar il-politika ekonomika, fiskali, soċjali u tal-impjiegi, u b’hekk jiżgura li l-KESE jikkontribwixxi b’mod kontinwu għaċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew.
Is-Semestru Ewropew jagħmel parti mill-qafas tal-governanza ekonomika tal-Unjoni Ewropea. Jippermetti sorveljanza u koordinazzjoni integrati tal-politika ekonomika, fiskali, soċjali u tal-impjiegi tal-Istati Membri tal-UE. L-objettivi ewlenin tal-proċessi tas-Semestru Ewropew huma: (1) l-iżgurar ta’ finanzi pubbliċi sodi, il-prevenzjoni ta’ defiċits baġitarji eċċessivi u l-prevenzjoni jew it-tnaqqis tad-dejn tal-gvern; (2) l-iżgurar tal-konverġenza u l-istabbiltà fl-UE; (3) it-trawwim tat-tkabbir ekonomiku; (4) il-prevenzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi fl-UE; (5) il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza; u (6) il-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki soċjali u tal-impjiegi. Peress li preċedentement dawn il-politiki nazzjonali kienu ttrattati separatament, is-Semestru Ewropew jiżgura li dawn jiġu analizzati u vvalutati flimkien fil-qafas ta’ kalendarju annwali komuni. L-iskeda tiegħu ssegwi ċiklu rikorrenti, li jibda fil-ħarifa bil-preżentazzjoni tal-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali mill-Kummissjoni Ewropea, u jintemm f’Ottubru tas-sena ta’ wara meta l-Istati Membri tal-UE jippreżentaw l-abbozzi tal-pjani baġitarji tagħhom. Imbagħad, iċ-ċiklu jerġa’ jibda. Is-Semestru Ewropew ġie adattat biex jirrifletti l-bidliet fl-ambjent politiku billi inkorpora l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Patt Ekoloġiku Ewropew. Is-Semestru integra wkoll l-irkupru ta’ wara l-COVID u l-kriżi tal-enerġija li rriżultat mill-gwerra fl-Ukrajna fil-qafas tal-governanza makroekonomika. Aktar reċentement, is-Semestru Ewropew reġa’ evolva b’reazzjoni għall-pakkett leġiżlattiv tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni Ewropea sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE u tiġi żgurata tħejjija aħjar għall-isfidi futuri billi jiġi appoġġjat il-progress lejn ekonomija ekoloġika, diġitali, inklużiva u reżiljenti.
L-attivitajiet ewlenin tal-Grupp dwar is-Semestru Ewropew tal-KESE jinkludu: (1) l-abbozzar ta’ opinjonijiet relatati mal-Pakkett tal-Ħarifa tas-Semestru Ewropew u ta’ rapporti ta’ informazzjoni (li jinkludu r-rakkomandazzjonijiet tar-rappreżentanti nazzjonali tas-soċjetà ċivili organizzata) u opinjonijiet fuq inizjattiva proprja (li jenfasizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE dwar tema ewlenija tas-Semestru Ewropew) fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili organizzata fl-Istati Membri; (2) l-organizzazzjoni ta’ konsultazzjoni annwali ġenerali tas-soċjetà ċivili organizzata fl-Istati Membri, permezz ta’ żjarat fil-pajjiżi u kwestjonarju; (3) l-organizzazzjoni ta’ erba’ laqgħat tal-GSE fis-sena; (4) l-organizzazzjoni ta’ konferenza annwali tal-GSE bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti mill-istituzzjonijiet Ewropej, il-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali, l-imsieħba soċjali nazzjonali, is-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet rilevanti oħra. Permezz tal-attivitajiet tiegħu, il-GSE jgħin biex itejjeb il-kwalità tal-proċess, il-leġittimità u l-valur miżjud tas-Semestru Ewropew permezz ta’ sens ta’ sjieda nazzjonali akbar, definizzjoni aktar ċara tal-prijoritajiet, implimentazzjoni aktar effiċjenti u sensibilizzazzjoni akbar fil-livell nazzjonali. F’konformità ma’ dan, il-GSE beħsiebu jkompli l-ħidma importanti tiegħu biex jiġbor, jidderieġi u jippromovi l-fehmiet ta’ politika tal-organizzazzjonijiet nazzjonali tas-soċjetà ċivili permezz ta’ żjarat nazzjonali regolari u fora ta’ diskussjoni.
Għall-aħħar aġġornamenti dwar l-attivitajiet tal-GSE, ara d-dokumenti elenkati fuq in-naħa tax-xellug tal-paġna.
Downloads
-
End of mandate report 2023–2025 – Luca JAHIER, ESG president
-
End of mandate report 2020–2023 – Javier Doz Orrit, ESG president