Żvilupp sostenibbli

F’Settembru 2015, il-mexxejja dinjija adottaw l-Aġenda tan-NU Nittrasformaw id-dinja tagħna: L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, u stabilixxew sett ta’ Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) biex jintemm il-faqar, tiġi protetta l-pjaneta, tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tiġi garantita l-prosperità għal kulħadd. L-adozzjoni ta’ din l-Aġenda tirrappreżenta bidla storika għal paradigma ġdida billi jiġu indirizzati d-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali b’mod universali u integrat. Dan il-proċess jirrifletti bis-sħiħ il-valuri Ewropej tal-ġustizzja soċjali, il-governanza demokratika u l-ekonomija soċjali tas-suq, kif ukoll il-protezzjoni ambjentali.

Permezz tal-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli (SDO) tagħna, aħna qed naħdmu għal Ewropa li tmexxi billi tagħti eżempju madwar id-dinja billi tikkonforma bis-sħiħ mal-Aġenda tan-NU għall-2030 u timplimentaha.

B’mod partikolari, identifikajna l-oqsma ta’ politika ewlenin li ġejjin għal bidla trasformattiva lejn żvilupp sostenibbli fl-UE:

  • tranżizzjoni ġusta għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, ċirkolari u effiċjenti fir-riżorsi;
  • tranżizzjoni għal soċjetà u ekonomija soċjalment inklużivi – xogħol deċenti u drittijiet tal-bniedem;
  • tranżizzjoni għal produzzjoni u konsum tal-ikel sostenibbli;
  • l-investiment fl-innovazzjoni u fil-modernizzazzjoni tal-infrastruttura fuq perjodu ta’ żmien twil, u l-inkoraġġiment ta’ negozji sostenibbli;
  • ħidma biex il-kummerċ ikun kompatibbli ma’ żvilupp sostenibbli globali.

L-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli jaħdem biex jindirizza dawn it-tranżizzjonijiet kollha b’mod konsistenti u integrat sabiex is-soċjetà tgawdi mill-aqwa benefiċċji possibbli.