Politika ta’ koeżjoni, reġjonali u urbana

Il-politika reġjonali tal-UE hija l-politika ta’ investiment ewlenija tal-UE. Tindirizza r-reġjuni u l-bliet kollha fl-Unjoni Ewropea sabiex tappoġġja l-ħolqien tal-impjiegi, il-kompetittività tan-negozji, it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u jiġu indirizzati l-ħtiġijiet varji ta’ żvilupp fir-reġjuni kollha tal-UE twarrbu EUR 351,8 biljun – kważi terz tal-baġit totali tal-UE – għall-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2014-2020. Is-solidarjetà hija prinċipju fundamentali tal-UE, u l-politika reġjonali tpoġġiha fil-prattika, partikolarment f’reġjuni li għadhom lura, li jbatu minn żvantaġġi demografiċi severi jew li huma ġeografikament iktar żvantaġġati, bħall-gżejjer u r-reġjuni transkonfinali u muntanjużi. Il-politika ta’ koeżjoni u reġjonali tkopri wkoll ir-reġjuni ultraperiferiċi u ż-żoni urbani.

Il-KESE u l-politika reġjonali u urbana

Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-politika reġjonali tal-UE biex issaħħaħ is-solidarjetà u tippromovi l-iżvilupp. L-Opinjonijiet tiegħu dejjem enfasizzaw ir-rwol attiv tal-politika sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni fost ir-reġjuni differenti tal-UE. Il-KESE huwa favur il-prinċipju tas-sħubija u jgħin jiżgura li dan jiġi implimentat. Apparti l-Opinjonijiet, il-KESE, permezz tal-membri tiegħu, huwa proattiv fid-diskussjonijiet u fl-appoġġ tal-attivitajiet tas-soċjetà ċivili. Hemm ukoll interess qawwi sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni territorjali li tmur lil hinn mill-fruntieri amministrattivi u tindirizza l-ħtiġijiet reali fil-livell lokali (bħal fiż-żoni makroreġjonali u ż-żoni urbani funzjonali). Il-KESE minn dejjem appoġġja b’mod attiv u appella għal inizjattivi Ewropej favur l-iżvilupp u l-integrazzjoni taż-żoni urbani madwar l-Unjoni Ewropea.