Servizzi finanzjarji u swieq tal-kapital

L-UE wieġbet għall-kriżi ekonomika u finanzjarja li bdiet fl-2008 b’sensiela ta’ riformi biex tiżgura l-istabilità tas-suq finanzjarju u biex issaħħaħ is-superviżjoni tas-swieq finanzjarji. It-tisħiħ tal-impjiegi, tat-tkabbir u tal-investiment huwa prijorità ewlenija għall-Unjoni Ewropea. Għalhekk huwa essenzjali li tinħoloq bażi soda għal sistema finanzjarja tal-UE li twassal għat-tkabbir, l-impjiegi u l-investiment. Is-settur finanzjarju jrid iwettaq ir-rwol tiegħu li jiffinanzja l-ekonomija reali.

Inizjattiva ewlenija biex jinkiseb dan l-objettiv huwa l-ħolqien ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali li għandha l-għan li tiżgura l-iżvilupp ta’ swieq finanzjarji regolati sew, stabbli, effiċjenti u globalment kompetittivi fl-interess tan-negozji u l-konsumaturi. Huwa wkoll importanti li tiġi kkompletata l-Unjoni Bankarja bħala parti mill-proċess ta’ approfondiment tal-UEM sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE kontra l-kriżijiet finanzjarji u jiġu protetti d-depożituri.

Il-KESE dwar is-servizzi finanzjarji u s-swieq tal-kapital

Il-KESE jqis li approċċ armonizzat, olistiku u integrat biex ikun regolat is-settur finanzjarju huwa importanti sabiex jinħolqu kundizzjonijiet indaqs kemm fost l-istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll fost l-Istati Membri, kif ukoll biex jitnaqqsu r-riskji fis-settur finanzjarju. Il-miżuri ta’ riforma jridu jsaħħu l-qafas prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni tal-Ewropa għall-banek u għal atturi finanzjarji oħrajn. Aktar kondiviżjoni tar-riskju fl-Unjoni Bankarja għandha tkun akkumpanjata minn aktar tnaqqis tar-riskju. Il-KESE jinsab konvint li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv sabiex jinħoloq irkupru ekonomiku sod u stabbli f’ambjent regolatorju aktar unifikat.