Il-preżenza tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (Grupp III), flimkien mal-Grupp ta’ Min Iħaddem u l-Grupp tal-Ħaddiema, tiżgura li l-Kumitat ikun forza dinamika bis-setgħa li jesprimi b’mod sħiħ u konkret il-preokkupazzjonijiet tad-diversi organizzazzjonijiet ekonomiċi, soċjali, okkupazzjonali, u ċiviċi li jsawru s-soċjetà ċivili fl-Istati Membri.
B’konformità mat-tibdil introdott fit-Trattat ta’ Lisbona, il-Grupp III huwa magħmul minn “rappreżentanti u partijiet interessati oħra tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari fis-settur ekonomiku, ċiviku, professjonali u kulturali”.
l-karatteristika unika li ssawwar l-identità tal-Grupp III hija l-firxa wiesgħa ta’ setturi rappreżentati. Il-membri tiegħu jiġu minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi ta’:
- l-akkademja (xjentisti naturali, ekonomisti, soċjoloġisti, eċċ.)
- il-parteċipazzjoni u t-tisħiħ tal-pożizzjoni taċ-ċittadini
- l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili
- il-konsumaturi
- l-ambjent, il-wirt u l-iżvilupp sostenibbli
- il-biedja, is-sajd u l-komunitajiet kostali, il-forestrija
- il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem (kwistjonijiet li jikkonċernaw lit-tfal, l-anzjani, il-familji, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-gruppi marġinalizzati u inqas privileġġati, il-migranti u r-refuġjati, il-minoranzi, il-persuni b’diżabbiltà, in-nisa u ż-żgħażagħ)
- il-professjonijiet liberi (avukati, tobba, inġiniera, eċċ.)
- l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju u l-artiġjanat
- l-ekonomija soċjali (karitajiet, kooperattivi, fondazzjonijiet, assoċjazzjonijiet mutwi u intrapriżi soċjali).
L-għan ġenerali tal-Grupp III huwa li tabilħaqq isaħħaħ id-demokrazija parteċipattiva fl-Unjoni Ewropea u li jiżgura li l-Opinjonijiet tal-KESE dwar proposti leġiżlattivi tal-UE jirriflettu l-interessi tal-Ewropej kollha. L-attivitajiet tal-Grupp III għalhekk huma bbażati fuq tliet pilastri:
- id-diversità fid-demokrazija;
- il-bini ta’ kunsens;
- l-impenn ċiviku Ewropew – azzjoni lokali.
Matul il-Presidenza 2020-2023, il-Grupp se jiffoka ħidmietu fuq “Il-faqar u r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiġġilduh”.