European Economic
and Social Committee
L-enerġija
Settur tal-enerġija sostenibbli huwa dimensjoni essenzjali tal-pjani tal-UE biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050, u l-Unjoni hija determinata li tkun minn ta’ quddiem fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji u kapaċitajiet rinnovabbli. Madankollu, f’dawn l-aħħar snin, l-enerġija ntużat bħala arma ġeopolitika u kisbet rwol ċentrali fid-diskussjonijiet ta’ politika, mhux biss dwar id-dekarbonizzazzjoni u s-sostenibbiltà, iżda wkoll bħala element ewlieni għall-awtonomija strateġika u s-sigurtà Ewropea.
X’inhu r-rwol tal-KESE fit-tfassil tal-politika tal-enerġija tal-UE?
- Jindirizza l-impatti soċjali billi jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjonijiet soċjali marbuta mal-bidliet fil-produzzjoni u l-użu tar-riżorsi tal-enerġija.
- Jappoġġja tranżizzjoni kompetittiva u ġusta billi jgħin biex in-negozji jibqgħu kompetittivi u jaħtfu l-opportunitajiet teknoloġiċi u ekonomiċi tat-tranżizzjoni lejn livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju waqt li jenfasizza t-tħassib relatat mal-prezzijiet tal-enerġija, id-distorsjonijiet tas-suq u s-sigurtà tal-provvista.
- Jirrappreżenta l-interessi tal-konsumaturi billi jissalvagwardja l-aċċess għal enerġija affordabbli u affidabbli, b’attenzjoni partikolari għall-gruppi vulnerabbli f’riskju ta’ faqar enerġetiku, u billi jippromovi l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-swieq tal-enerġija.
- Jippromovi tfassil ta’ politika parteċipattiv billi jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu involuti b’mod attiv fit-tfassil tal-politika tal-enerġija tal-UE.
Il-Kumitat kif isegwi dawn l-għanijiet?
Il-KESE jinvolvi ruħu fil-politiki tal-UE dwar l-enerġija permezz tal-Opinjonijiet, l-avvenimenti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.
- Jipproduċi bosta Opinjonijiet bi tweġiba għall-inizjattivi tal-Kummissjoni bħall-Pakkett dwar il-Grilji Ewropej u l-Opinjoni dwar l-Istrateġija l-ġdida għar-Reatturi Modulari Żgħar. Il-Kumitat tagħna jikkollabora wkoll mal-Presidenzi tal-Kunsill permezz ta’ Opinjonijiet esploratorji marbuta mal-prijoritajiet tas-semestru, pereżempju l-Opinjoni tagħna dwar Il-konnettività tal-enerġija, il-grilji tal-elettriku mitluba mill-Presidenza Ċiprijotta u l-Opinjoni tagħna dwar L-ippjanar tal-infrastruttura tal-enerġija transfruntiera żviluppata f’kooperazzjoni mal-Ministeru Belġjan tal-Enerġija.
- Fuq inizjattiva tiegħu stess, il-KESE jista’ jfassal ukoll Opinjonijiet dwar suġġetti speċifiċi ta’ interess biex jappoġġja l-ħolqien ta’ momentum politiku u jqiegħed lis-soċjetà ċivili fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet interistituzzjonali. Fl-2026, il-Kumitat qed jiffoka fuq Il-ħżin strateġiku tal-enerġija għal Unjoni tal-Enerġija Ewropea u fuq Niżguraw enerġija affordabbli u stabbli għall-industriji Ewropej intensivi fl-enerġija.
- Il-KESE jippromovi djalogu attiv li jinvolvi l-esperti, il-partijiet ikkonċernati, u dawk li jfasslu l-politika minn madwar l-Ewropa. Permezz ta’ firxa ta’ inizjattivi, inklużi dibattiti f’waqthom dwar kwistjonijiet ewlenin għas-settur tal-enerġija bħall-Istrateġija għall-investiment fl-enerġija nadifa, ir-reviżjoni tal-ETS u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Elettrifikazzjoni, il-KESE jsaħħaħ ir-rabta bejn is-soċjetà ċivili u r-regolaturi. Il-membri tagħna jipparteċipaw ukoll b’mod attiv u regolari f’avvenimenti esterni annwali, bħall-Ġimgħa għall-Enerġija Sostenibbli, il-Forum Ewropew dwar l-Enerġija Nukleari u l-Forum taċ-Ċittadini dwar l-Enerġija.
- Is-Sezzjoni TEN tapprezza ħafna wkoll l-għarfien espert tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fis-settur tal-enerġija, u tinvolvi lir-rappreżentanti tagħhom fil-proċess tal-abbozzar tal-Opinjoni permezz tat-Test taż-Żgħażagħ tal-UE. Barra minn hekk, permezz tal-Inizjattiva tal-Membri Kandidati tat-Tkabbir, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili mill-pajjiżi kandidati tal-UE huma involuti b’mod attiv fil-ħidma konsultattiva tal-Kumitat. B’dan il-proġett, il-KESE għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rabtiet u jappoġġja l-integrazzjoni gradwali tagħhom fis-sistema tal-enerġija u fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE.