Trasport

Politika dinamika u ambizzjuża

It-trasport huwa settur ta’ importanza vitali għall-Ewropa. Dan jinkludi wieħed mill-iżjed oqsma sinifikanti tal-UE u għandu impatt kbir fuq il-benesseri soċjali u ambjentali kemm fil-bliet kif ukoll fiż-żoni rurali. Kull sena, għadd kbir tal-Opinjonijiet tas-Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni (TEN) jittrattaw it-trasport.

Il-progress fis-settur tat-trasport jinvolvi b’mod ċar il-bini ta’ infrastruttura aħjar u aktar ekoloġika, li ser tagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku u ser issaħħaħ il-kummerċ. Iżda dan ifisser ukoll tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-enerġija, u l-indirizzar tal-konġestjoni u n-nuqqas ta’ aċċess li jista’ jiżola lill-individwi – speċjalment il-persuni mdaħħlin fl-età jew il-persuni b’diżabilità – fi djarhom. Is-settur tat-trasport għandu jibqa’ wkoll intelliġenti u kompetittiv bħala parti minn tranżizzjoni soċjalment ġusta għal enerġija nadifa u d-diġitalizzazzjoni. Il-KESE jeżamina u jivvaluta l-politiki tat-trasport tal-UE mil-lat tal-ħtiġijiet u l-interessi tal-partijiet kollha tas-soċjetà ċivili Ewropea u t-tħassib tagħha.

Ninvolvu l-atturi tas-soċjetà ċivili

Huwa rikonoxxut li sabiex jiġu ssodisfati l-ambizzjonijiet tal-UE fil-qasam tat-trasport jinħtieġ kontribut aktar b’saħħtu u aktar inklużiv mis-soċjetà ċivili kemm fit-tfassil tal-politika kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-politika. Is-Sezzjoni TEN stabbilixxiet grupp ta’ studju tematiku biex jippromovi livell għoli ta’ parteċipazzjoni u kontribut min-naħa tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet relatati mat-trasport.