Kategorija tat-Trasport

“It-trasport: nikkollegaw l-Ewropa”

L-għan ewlieni tal-Kategorija tat-Trasport huwa li taġixxi bħala forum ta’ diskussjoni u ta’ tagħlim għall-membri kollha tal-KESE interessati fil-kwistjonijiet tat-trasport. L-atturi u l-partijiet interessati kollha involuti fil-“katina tat-trasport” huma mistiedna jipparteċipaw u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-kollegi. Għaldaqstant, il-kategorija tipprovdi dimensjoni addizzjonali għad-diskussjonijiet li jsiru fid-diversi korpi tal-KESE. Normalment, il-Kategorija tat-Trasport tiltaqa’ wara kull laqgħa tas-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni (TEN) sabiex teżamina l-progress li sar u tiddiskuti kwalunkwe fajl kritiku li jkun tressaq qabel is-sezzjoni. Il-Kategorija tat-Trasport ikollha wkoll tliet laqgħat straordinarji fis-sena, li jiffukaw fuq temi speċifiċi. Barra minn hekk, il-membri tagħha jiġu infurmati dwar l-iżviluppi u l-kwistjonijiet marbutin mat-trasport tal-UE kuljum. Il-membri għandhom ukoll l-opportunità jipparteċipaw fi żjarat ta’ studju speċifiċi.