Il-bidla diġitali u s-soċjetà tal-informazzjoni

It-teknoloġija tal-informazzjoni qiegħda tikber kullimkien, madankollu għad irid jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tagħha għat-tkabbir ekonomiku, l-impjieg, l-innovazzjoni u, fuq kollox, it-titjib tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej.

Għaldaqstant, waħda mill-prijoritajiet ewlenin tas-Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni (TEN) fil-qasam diġitali hija l-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, u magħha l-ħolqien ta’ Suq Uniku Diġitali li jiffunzjona.

Fl-Opinjonijiet tiegħu, il-KESE jesprimi t-tħassib u l-aspirazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-impatt fuq is-suq tax-xogħol.

Iċ-ċibersigurtà hija wkoll tħassib prinċipali: kuljum, l-inċidenti marbutin maċ-ċibersigurtà qegħdin jikkawżaw ħsara ekonomika kbira lin-negozji Ewropej u lill-ekonomija b’mod ġenerali, u qegħdin idgħajfu l-fiduċja taċ-ċittadini u tal-atturi ekonomiċi fis-soċjetà diġitali.

Suġġetti ewlenin oħrajn li l-KESE jindirizza kemm fl-Opinjonijiet kif ukoll permezz ta’ kuntatti diretti mal-partijiet ikkonċernati, huma: l-edukazzjoni fil-qasam diġitali, l-attrazzjoni tal-qasam diġitali għan-nisa, il-konsegwenzi tad-diġitalizzazzjoni għall-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-aċċessibbiltà u l-protezzjoni tal-utenti, speċjalment it-tfal u l-persuni b’diżabilità.

Is-Sezzjoni TEN tissorvelja kontinwament id-distakk diġitali u tippromovi aċċess ugwali għal kulħadd: għadd konsiderevoli ta’ unitajiet domestiċi Ewropej għad ma għandhomx konnessjoni tal-internet.