Agrikoltura, Żvilupp Rurali u Sajd

Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) hija parti essenzjali mill-politika tal-UE li tipprovdi provvista sostenibbli ta’ ikel sikur u ta’ kwalità tajba għal 500 miljun ċittadin tal-UE bi prezzijiet affordabbli, biex b’hekk jiġi żgurat livell raġonevoli ta’ dħul għal 11-il miljun bidwi tal-UE u taqdi rwol fundamentali mil-lat tal-iżvilupp soċjali, ambjentali u ekonomiku fiż-żoni rurali Ewropej.

Il-PAK qdiet tajjeb l-Ewropa u ċ-ċittadini tal-UE matul dawn l-aħħar 60 sena. Madankollu, id-dinja nbidlet ħafna minn mindu tnediet il-PAK fl-1962. It-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, id-degradazzjoni tal-kwalità tal-ħamrija, l-iskarsezza tal-ilma, id-depopolazzjoni taż-żoni rurali u l-ostakli għat-tiġdid ġenerazzjonali u huma fost l-isfidi ewlenin li bħalissa qed tiffaċċja l-agrikoltura Ewropea.

Permezz tas-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent (NAT), qed naħdmu biex nippromovu agrikoltura sostenibbli u żvilupp territorjali bbilanċjat fl-Ewropa.

B’mod partikolari, aħna qed naqdu rwol attiv billi nipproponu miżuri ta’ politika aktar effettivi u soluzzjonijiet potenzjali biex tinkiseb il-protezzjoni ambjentali u jkun hemm użu aktar effiċjenti tar-riżorsi naturali fl-agrikoltura, il-ħolqien tal-impjiegi fiż-żoni rurali, l-għoti ta’ taħriġ vokazzjonali kontinwu, appoġġ għal azjendi agrikoli żgħar, in-nisa u ż-żgħażagħ, pussess tal-art sigur u provvista ta’ ikel sikur u ta’ kwalità għolja. Tlabna wkoll żvilupp aktar ibbilanċjat fl-inħawi kollha tal-UE, bil-għan li aż-żoni rurali jsiru iżjed attraenti fid-dawl tal-pass mgħaġġel ferm tal-proċess tal-urbanizzazzjoni fl-Ewropa.