Unjoni Ekonomika u Monetarja

It-tnedija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u l-ħolqien tal-euro kienu fost l-aktar stadji importanti fl-integrazzjoni Ewropea. Għall-pajjiżi fiż-żona tal-euro, l-UEM torbot politika monetarja unika ma’ responsabbiltà deċentralizzata għall-biċċa l-kbira tal-politiki ekonomiċi tagħhom, għalkemm l-istrateġiji baġitarji nazzjonali jibqgħu soġġetti għal xi limitazzjonijiet.

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika internazzjonali li bdiet fl-2008 kixfet il-limitazzjonijiet strutturali u l-kontradizzjonijiet fl-UEM, li kkontribwixxiet għall-akkumulazzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi u wasslet biex ċerti pajjiżi tal-UE jkunu iktar ekonomikament stabbli minn oħrajn. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) introduċa sensiela ta’ miżuri mhux konvenzjonali ta’ politika monetarja, filwaqt li l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra u l-Istati Membri taw bidu għal inizjattivi biex tinbena Unjoni Bankarja u biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni ekonomika u baġitarja, b’mod partikolari fiż-żona tal-euro.

Dan il-proċess ta’ bilanċjar mill-ġdid għadu għaddej. Id-diskussjonijiet dwar il-politiki makroekonomiċi u monetarji adatti, l-għodod u l-istituzzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll l-istatus tal-pajjiżi barra miż-żona tal-euro għadhom intensi ħafna.

Il-KESE dwar l-UEM

Il-KESE jemmen li munita unika tista’ tkun sostenibbli biss fil-kuntest ta’ tkabbir b’saħħtu, ibbilanċjat u inklużiv żgurat minn iktar investiment pubbliku u privat, konverġenza ekonomika ’il fuq bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro u kompetittività globali aħjar. Dawn l-objettivi jeħtieġu impenn kemm ekonomiku kif ukoll politiku fil-livell tal-UE. F’dan ir-rigward, miżuri biex tissaħħaħ u tiġi kkompletata l-UEM huma ta’ importanza kruċjali għall-ġejjieni tal-UE kollha kemm hi.