Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent (NAT)

Is-Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent (NAT) hija responsabbli għal firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet, bħall-Politika Agrikola Komuni (PAK), is-sostenibbiltà tal-ikel, il-ħarsien tal-ambjent, l-ekonomija ċirkolari, l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs) u t-tibdil fil-klima.

Il-kwalità tal-arja, il-bijodiversità, il-ġestjoni tal-iskart, is-sajd, il-forestrija, il-biedja organika, is-sikurezza tal-ikel, it-trattament xieraq tal-annimali u l-protezzjoni ċivili huma xi wħud mis-suġġetti speċifiċi li naħdmu fuqhom.

Minbarra l-Opinjonijiet li tipproduċi, is-Sezzjoni torganizza wkoll diversi seduti u konferenzi biex jinġabru l-fehmiet tas-soċjetà ċivili. Hija għandha network kbir ta’ kuntatti fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali u l-NGOs.

Ninsabu konvinti li politiki agrikoli u ambjentali aħjar jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet għall-kriżi ekonomika, li kellha impatt verament dannuż fuq it-tkabbir, l-impjieg u l-kapaċità tal-akkwist fl-Ewropa.

Jeħtieġ li jiġu salvagwardjati l-40 miljun impjieg fis-settur agrikolu, jiġu ppreservati l-foresti u l-kampanja tagħna, u titnaqqas il-ħela tal-ikel, peress li terz ta’ dak li nipproduċu bħalissa jispiċċa jintrema.

Għal dan il-għan, il-ħidma reċenti tas-Sezzjoni kopriet suġġetti prattiċi bħar-riforma tal-PAK, l-iżvilupp territorjali bbilanċjat, sistemi sostenibbli tal-ikel, l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni għal futur Ewropew iżjed sostenibbli.

Downloads

NAT work programme 2023-2025
End of mandate report 2020-2023 NAT section
NAT secretariat – organigram 2023