KATEGORIJA TAL-BDIEWA

Bħalissa, il-Kategorija tal-Bdiewa għandha membri misluta mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u mill-Grupp ta’ Min Iħaddem. Il-membri tagħha huma rappreżentanti tas-settur agrikolu, dak agroalimentari u dak tal-forestrija.

L-għanijiet ewlenin tagħha huma li jkollha dibattitu miftuħ u ta’ firxa wiesgħa dwar il-pożizzjonijiet u l-linji ta’ politika tal-industriji primarji fl-UE. Ħafna mill-membri tal-kategorija huma rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tal-bdiewa u s-sidien ta’ foresti. Huma jfittxu li jipprovdu u jaqsmu informazzjoni aġġornata dwar is-setturi speċjalizzati tagħhom f’pajjiżhom, kif ukoll jenfasizzaw u jeżaminaw il-kundizzjonijiet differenti li jeżistu fi ħdanhom.

Il-kategorija għandha wkoll l-għan li tistabbilixxi pożizzjonijiet dwar għanijiet ewlenin tal-politika agrikola u rurali tal-UE, b’mod partikolari fil-kuntest tar-riformi tal-Politika Agrikola Komuni. Filwaqt li tagħti importanza kbira lill-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet settorjali fi ħdan il-Kumitat innifsu u tfittex li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-gruppi tal-Kumitat, il-kategorija temmen ukoll li huwa importanti li tissaħħaħ il-koordinazzjoni ma’ organizzazzjonijiet fil-livell tal-UE u istituzzjonijiet oħra tal-UE.

Is-segretarjat tal-kategorija huwa pprovdut mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili.