Il-protezzjoni tad-data fil-KESE

Il-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali mnaqqax kemm fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 16) kif ukoll fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (Artikolu 8).

Ir-Regolament (UE) Nru 2018/1725 jistabbilixxi r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fl-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-UE. Barra milli jindika l-prinċipji legali fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, jistabbilixxi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data, l-obbligi tal-kontrolluri tad-data u r-rwol tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD).

Is-suġġetti tad-data (persuni li d-data personali tagħhom tkun ġiet ipproċessata) għandhom id-dritt li jitolbu aċċess għad-data personali tagħhom, mingħajr ħlas u mingħajr restrizzjoni. Huma għandhom id-dritt li jitolbu għal rettifika jew tħassir jew restrizzjoni fuq l-ipproċessar tad-data personali tagħhom. Is-suġġetti tad-data għandhom ukoll id-dritt li joġġezzjonaw għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

Fejn applikabbli, is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt li jirċievu d-data personali tagħhom li ngħatat lill-kontrollur jew li din id-data personali tiġi trażmessa direttament lil kontrollur ieħor (portabbiltà tad-data). Huma għandhom ukoll id-dritt li jirtiraw il-kunsens fi kwalunkwe ħin, f’każi fejn id-data personali tiġi pproċessata fuq din il-bażi legali.

F’ċerti każijiet, bis-saħħa tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u tar-Regoli Interni stabbiliti skont id-Deċiżjoni tal-KESE Nru 160/21/A, wieħed jew aktar mid-drittijiet tas-suġġetti tad-data jistgħu jiġu ristretti għal perjodu ta’ żmien temporanju, inter alia, abbażi tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew raġunijiet applikabbli oħra (kif stabbilit fir-Regoli Interni). Kwalunkwe restrizzjoni bħal din tkun limitata fiż-żmien, proporzjonata u tirrispetta l-essenza tad-drittijiet imsemmija hawn fuq. Din ser titneħħa hekk kif iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni ma jibqgħux applikabbli. Is-suġġetti tad-data ser jirċievu avviż aktar speċifiku dwar il-protezzjoni tad-data meta dan il-perjodu jkun għadda. Bħala regola ġenerali, is-suġġetti tad-data ser jiġu infurmati dwar ir-raġunijiet prinċipali għal restrizzjoni sakemm din l-informazzjoni ma tikkanċellax l-effett tar-restrizzjoni bħala tali.

Il-kontrolluri (entitajiet organizzattivi li jiddeterminaw l-iskop u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali) għandhom jiżguraw li d-data personali tiġi pproċessata biss għal skopijiet definiti b’mod ċar u leġittimi, u tiġi pproċessata b’mod ġust, legali u sigur. Huma responsabbli wkoll li jiżguraw li d-data tkun preċiża, adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva, u ma tinżammx għal aktar żmien milli meħtieġ. Il-kontrolluri għandhom ukoll jinformaw lis-suġġetti tad-data dwar il-mod li bih tiġi pproċessata d-data tagħhom u jiżguraw li d-data tiġi trasferita lil partijiet terzi biss wara li jkunu ġew stabbiliti salvagwardji adegwati.

Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 2018/1725 jistipula li kull istituzzjoni jew korp għandu jaħtar UPD. L-UPD huwa responsabbli biex jinforma u jagħti pariri lill-kontrollur jew lill-proċessur u l-impjegati li jwettqu l-ipproċessar tal-obbligi tagħhom, u biex jinforma lis-suġġetti tad-data dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom. L-UPD għandu jiżgura b’mod indipendenti l-applikazzjoni interna tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata.

L-UPD jipprovdi pariri, meta jintalab jagħmel dan, fir-rigward tal-ħtieġa għal notifika jew komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali u fir-rigward tal-ħtieġa li ssir valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data (inkluż dwar konsultazzjoni minn qabel mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD)). Barra minn hekk, l-UPD jirrispondi għal talbiet mill-KEPD u jikkoopera mal-awtorità superviżorja, u jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-protezzjoni tad-data fi ħdan l-organizzazzjoni. L-UPD jista’ wkoll jinvestiga kwistjonijiet u okkorrenzi li huma relatati direttament ma’ dmirijietu/ha, u jista’ jiġi kkonsultat minn kwalunkwe individwu, mingħajr ma jgħaddi mill-kanali uffiċjali, dwar kwalunkwe kwistjoni li tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tar-Regolament.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar l-ipproċessar tad-data personali tiegħek, tista’ tikkuntattja lis-servizz rilevanti responsabbli għall-ipproċessar tad-data personali kif indikat fl-istqarrija ta’ privatezza. Tista’ tikkuntattja wkoll, fi kwalunkwe ħin, lill-UPD tal-KESE u/jew lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu).

Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-KESE
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Rue Belliard, 99-101, JDE 4030
B-1040 Brussell
Tel: +32 2 546 9836
Formola ta’ kuntatt: Protezzjoni tad-data tal-KESE

Downloads

Use of the Emplifi software platform for social media community management and analysis
Accreditation privacy statement (Nov 2022)
Dynamics privacy statement
Video-surveillance policy
REUReady - privacy policy