Ġranet tas-Soċjetà Ċivili

L-avveniment Ġranet tas-Soċjetà Ċivili huwa simbolu tal-kooperazzjoni bejn il-KESE u l-membri tal-Grupp ta’ Kuntatt li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet u n-netwerks tas-soċjetà ċivili Ewropea.

Din l-inizjattiva tikkontribwixxi biex il-Kumitat jiġi affermat bħala msieħeb speċjali għal dawn l-organizzazzjonijiet u n-netwerks dwar kwistonijiet ta’ interess komuni bħal dak ta’ “djalogu u parteċipazzjoni”, fid-dawl tal-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Għandha l-għan ukoll li ssaħħaħ il-valur miżjud tad-djalogu politiku bejn il-Kumitat u l-organizzazzjonijiet u n-netwerks Ewropej tas-soċjetà ċivili fil-qafas tal-ħolqien ta’ djalogu ċivili strutturat u ġenwin bejn dawn l-organizzazzjonijiet u n-netwerks u l-istituzzjonijiet Ewropej.

Għalhekk, l-għan globali tal-avveniment Ġranet tas-Soċjetà Ċivili huwa li jiġi enfasizzat il-kontribut tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-bini ta’ Unjoni Ewropea li tkun eqreb tal-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini.

Huwa jagħmilha possibbli wkoll li jiġi affermat ir-rwol tagħhom fit-trawwim ta’ kontribut akbar mis-soċjetà ċivili fil-proġett Ewropew fil-livelli kollha, u b’hekk tiżdied il-leġittimità demokratika tal-azzjoni u l-istituzzjonijiet tal-UE, bħala appendiċi għad-demokrazija rappreżentattiva.