Brussell, 24 ta’ Jannar 2024

Lil:

L-Eċċellenza Tagħha, Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea

L-Eċċellenza Tagħha, Roberta Metsola, President tal-Parlament Ewropew

L-Eċċellenza Tiegħu, Willem van de Voorde, Rappreżentant Permanenti tal-Belġju għall-Unjoni Ewropea

 

Ittra miftuħa konġunta mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE u Civil Society Europe: l-istituzzjonijiet Ewropej jeħtiġilhom jirrikonoxxu, jinvolvu u jappoġġjaw lis-soċjetà ċivili bħala parti minn djalogu ċivili strutturat

Għażiża Sinjura von der Leyen,

Għażiża Sinjura Metsola,

Għażiż Sur van de Voorde,

Il-firmatarji ta’ din l-ittra jappellaw lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jieħdu miżuri reali biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mas-soċjetà ċivili fl-oqsma kollha ta’ politika. Il-firmatarji jappellaw lill-istituzzjonijiet tal-UE biex: 1) iniedu ftehim interistituzzjonali dwar id-djalogu ċivili, 2) jistabbilixxu fi ħdan kull istituzzjoni pożizzjonijiet ta’ tmexxija li jkunu responsabbli għar-relazzjonijiet mas-soċjetà ċivili, u 3) iħeġġu u jippromovu kooperazzjoni ikbar bejn l-atturi ċiviċi u soċjali.

Bħala parti mill-prinċipji demokratiċi tal-UE minquxa fit-Trattati, l-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili. Madankollu, minkejja dawn id-dispożizzjonijiet legali, id-djalogu ċivili għadu frammentat u mhux strutturat fl-istituzzjonijiet tal-UE. Id-djalogu ċivili ħafna drabi ġie organizzat fuq bażi purament ad hoc u jvarja ħafna f’termini ta’ kwantità u kwalità, skont il-qasam ta’ politika, l-istituzzjoni Ewropea jew l-Istat Membru.

Reġgħet inġibdet l-attenzjoni ta’ dawk li jfasslu l-politika għall-valur tad-djalogu ċivili meta dan ġie rikonoxxut mill-Plenarja tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li fiha pparteċipaw membri tal-pubbliku, rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE u korpi konsultattivi, rappreżentanti eletti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili organizzata. Ir-rapport finali tal-Konferenza, ippubblikat f’Mejju 2022, ħeġġeġ għal “... riforma tal-mod kif topera l-Unjoni Ewropea billi jiġu involuti aħjar l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata. It-tisħiħ tal-istrutturi eżistenti sabiex jiġu riflessi aħjar il-ħtiġijiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ...” (Proposta Nru 39 fil-kapitolu dwar id-demokrazija Ewropea). Infakkru wkoll fil-Proposta Nru 36, li l-objettiv tagħha huwa li “jiżdiedu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-involviment taż-żgħażagħ”, fost affarijiet oħra billi “tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-leġiżlaturi tal-UE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex isir użu mir-rabtiet bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u ċ-ċittadini li jikkostitwixxu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili”.

Il-firmatarji ta’ din l-ittra b’dan iħeġġu li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu segwiti b’approċċ ambizzjuż. Huma konvinti ferm li l-isfruttar sħiħ tal-potenzjal tal-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika se jirrikjedi approċċ aktar strutturat fil-livell tal-UE. [1]

Għalhekk, huma jistiednu b’mod konġunt lill-istituzzjonijiet Ewropej biex:

  1. Iniedu ftehim interistituzzjonali dwar id-djalogu ċivili[2], li jipprovdi struttura, regolarità, trasparenza u inklużività għad-djalogu ċivili fit-tfassil tal-politika tal-UE u nazzjonali bħala parti mill-implimentazzjoni sħiħa tal-Artikolu 11(1) u (2)[3] tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea[4].
  1. F’dan il-qafas, jistabbilixxu l-kariga ta’ “Koordinatur tas-Soċjetà Ċivili” f’kull Direttorat Ġenerali tal‑Kummissjoni Ewropea, simili għall-kariga proposta ta’ “Koordinaturi tad-Djalogu Soċjali”. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jistabbilixxu pożizzjonijiet ta’ tmexxija li jkunu responsabbli għar-relazzjonijiet mas-soċjetà ċivili. Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għandu jassumi l-kompitu ta’ djalogu mas-soċjetà ċivili u r-rwol tal-Viċi President tal-Parlament Ewropew inkarigat mill-kuntatti mas-soċjetà ċivili għandu jissaħħaħ. Is-Segretarjat tal-Kunsill u, fil-livell nazzjonali, l-Uffiċċji tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu wkoll djalogu regolari mas-soċjetà ċivili. L-introduzzjoni ta’ mezzi diretti għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jinvolvu ruħhom fil-proċess tat-tfassil tal-politika tal-UE tista’ twassal għal politiki aktar immirati u effettivi fl-oqsma u l-kwistjonijiet soċjoekonomiċi kollha.
  1. Il-firmatarji jirrispettaw bis-sħiħ il-prerogattivi tal-imsieħba soċjali fid-djalogu soċjali, in-negozjati tripartitiċi u n-negozjar kollettiv. Fl-istess ħin, il-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili għandhom għarfien, għarfien espert u networks estensivi fil-komunitajiet u s-soċjetajiet, għalhekk il-firmatarji jemmnu li l-atturi tas-soċjetà ċivili għandhom isemmgħu leħinhom meta jkun adatt. Wara kollox, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jkunu effettivi u responsabbli jistgħu jikkooperaw mal-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema fil-promozzjoni tad-drittijiet fuq il-post tax-xogħol, l-inkoraġġiment tal-ħolqien tal-impjiegi, l-implimentazzjoni tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u t-tisħiħ tal-protezzjoni soċjali.

L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom l-għodod kollha meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħhom biex jimpenjaw ruħhom fir-rigward ta’ dawn il-proposti u jagħmlu progress konsiderevoli fuqhom qabel l-elezzjonijiet Ewropej fl-2024. L-ewwel pass f’din id-direzzjoni jista’ jkun Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tisħiħ tad-djalogu ċivili fil-livell tal-UE u Proposta għal Rakkomandazzjoni dwar il-promozzjoni tad-djalogu ċivili fl-Istati Membri, simili għall-inizjattiva dwar it-Tisħiħ tad-djalogu soċjali[5], u li tagħti segwitu għar-Rapport Annwali dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali[6]. Dan ikun konformi wkoll mas-sejħa għal Strateġija għas-Soċjetà Ċivili[7].

Il-firmatarji ta’ din l-ittra jinsabu lesti li jaħdmu fi sħubija mal-istituzzjonijiet sabiex jiddefinixxu l-elementi kostitwenti u r-rekwiżiti ewlenin biex dawn il-proposti jiġu implimentati fil-prattika.

Dejjem tagħkom,

Networks Ewropej;

Organizzazzjonijiet nazzjonali

Membri tal-Grupp tal-KESE tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili

Appendiċi: Lista dettaljata tal-firmatarji (bl-Ingliż)

 

[1]           Is-sejħa għall-firem għal din l-ittra kienet miftuħa bejn Settembru u Novembru 2023.

[2]           Kif mitlub mill-KESE (fl-Opinjoni SOC/672) u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (ara l-Manifest Elettorali tal-UE tas-Soċjetà Ċivili 2024 – Għal spazju ċiviku u djalogu ċivili aħjar, mhux disponibbli bil-Malti).

[4]          Il-KESE ripetutament talab għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 11 tat-TUE. Ara r-Riżoluzzjoni tal-KESE Magħqudin għad-Demokrazija, adottata mill-plenarja tal-KESE f’Marzu 2023; il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE dwar L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiddefendu u jsaħħu d-demokrazija Ewropea li saret fit-30 ta’ Marzu 2023; l-Opinjonijiet tal-KESE SOC/605, SOC/639, u SOC/672.

[5] “Il-Kummissjoni tistabbilixxi azzjonijiet konkreti għal aktar involviment tas-sħab soċjali fil-livell nazzjonali u dak tal-UE”, https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_23_290

[6] Spazju ċiviku b’saħħtu għaż-żamma tad-drittijiet fundamentali fl-UE: Rapport Annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

[7]          KESESOC/672 u r-Rapport Finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (Proposta 36(8)).

Downloads

Open Letter and Annex: Detailed list of signatories