Ittra miftuħa konġunta mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE u Civil Society Europe #EUCivilDialogueNow

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

L-istituzzjonijiet tal-UE jridu jirrispettaw it-Trattat dwar l-UE u jimplimentaw djalogu ċivili strutturat issa stess

Fl-24 ta’ Jannar, is-soċjetà ċivili Ewropea bagħtet ittra miftuħa lill-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew, u lill-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-firmatarji tal-ittra jħeġġu lit-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea (UE) involuti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE biex jieħdu miżuri konkreti favur l-implimentazzjoni ta’ djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-oqsma kollha ta’ politika, kif stabbilit fl-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-ittra miftuħa kienet proposta mill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u Civil Society Europe, u tinkludi proposti speċifiċi għall-implimentazzjoni. L-ittra kisbet l-appoġġ ta’ 156 firmatarju minn 26 Stat Membru. Il-firmatarji jinkludu 39 network Ewropew, 85 organizzazzjoni nazzjonali u 60 membru tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE[1].

Id-djalogu ċivili għadu frammentat u mhux strutturat fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE, minkejja d-dispożizzjonijiet legali.

Huwa għalhekk li l-firmatarji tal-ittra miftuħa #EUCivilDialogueNow qed jitolbu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex:

  • jibdew proċess għal ftehim interistituzzjonali dwar id-djalogu ċivili;
  • jistabbilixxu f’kull istituzzjoni pożizzjonijiet ta’ tmexxija inkarigati mir-relazzjonijiet mas-soċjetà ċivili;
  • jinkoraġġixxu u jippromovu kooperazzjoni akbar bejn l-atturi ċivili u soċjali;

u, b’hekk, jibnu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

Bħala l-ewwel pass, il-firmatarji jissuġġerixxu Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tisħiħ tad-djalogu ċivili fil-livell tal-UE.

L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom l-għodod kollha meħtieġa biex jagħmlu progress konsiderevoli fir-rigward tal-proposti tagħna, qal Séamus Boland, il-President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE, lejlet it-tnedija tal-ittra. Fil-Kummissjoni Ewropea li jmiss, għandu jkun hemm Viċi President li jassumi l-kompitu tad-djalogu mas-soċjetà ċivili, u f’kull direttorat ġenerali għandhom jinħatru koordinaturi tas-soċjetà ċivili, żied jgħid is-Sur Boland.

Gabriella Civico, il-President ta’ Civil Society Europe, qalet: Is-Segretarjat tal-Kunsill tal-UE u l-uffiċċji tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea fil-livell nazzjonali jeħtieġ li jistabbilixxu djalogu regolari mas-soċjetà ċivili. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jeħtieġu kanali diretti biex jinvolvu ruħhom fil-proċess tat-tfassil tal-politika tal-UE.

Għalkemm il-firmatarji jirrispettaw il-prerogattivi tal-imsieħba soċjali fid-djalogu soċjali, huma qed jitolbu li dan jiġi kkomplementat minn djalogu ċivili strutturat. Séamus Boland spjega li: L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili effettivi u responsabbli jistgħu jikkooperaw mal-gvernijiet u mal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema f’ħafna oqsma ta’ politika. Il-kontribut tal-għarfien espert u l-kompetenza tagħhom jista’ jiżgura li l-politiki tal-UE fl-oqsma kollha u dwar il-kwistjonijiet soċjoekonomiċi kollha jkunu aktar immirati u effettivi.

Gabriella Civico kkonkludiet li: Djalogu u kooperazzjoni ċivili ġenwini se jwasslu biex il-politiki tal-UE jiżguraw aħjar l-appoġġ taċ-ċittadini u jiksbu aktar leġittimità f’għajnejhom, u b’hekk jiżguraw li l-politika tiġi implimentata b’inqas xkiel. Dan huwa partikolarment importanti f’dinja kumplessa, li qed tinbidel malajr u li qed tiffaċċja ħafna sfidi li l-komunitajiet u s-soċjetajiet tagħna jeħtieġ li jindirizzaw.

Aqra l-ittra miftuħa: https://www.eesc.europa.eu/mt/agenda/our-events/events/eu-civil-dialogue-now/open-letter


Informazzjoni ġenerali:

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa korp konsultattiv istituzzjonali mwaqqaf mit-Trattat ta’ Ruma tal-1957. Huwa jassisti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni Ewropea. Il-KESE huwa leħen is-soċjetà ċivili organizzata fl-Ewropa. Jirrappreżenta lil min iħaddem, lill-ħaddiema u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. L-għarfien espert tat-329 membru tiegħu jgħin biex jottimizza l-kwalità tal-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE huwa magħmul minn 106 “[rappreżentant] u [parti interessata] oħra tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari fil-qasam ekonomiku, ċiviku, professjonali u kulturali”.

Il-membri tiegħu jintgħażlu minn fost organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-oqsma li ġejjin:

  • l-akkademja (xjenzati naturali, ekonomisti, soċjologi, eċċ.)
  • il-parteċipazzjoni u t-tisħiħ tal-pożizzjoni taċ-ċittadini;
  • l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili;
  • il-konsumaturi;
  • l-ambjent, il-wirt u l-iżvilupp sostenibbli;
  • il-biedja, is-sajd u l-komunitajiet kostali, il-forestrija;
  • il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem (kwistjonijiet li jikkonċernaw lit-tfal, l-anzjani, il-familji, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-gruppi marġinalizzati u inqas privileġġati, il-migranti u r-refuġjati, il-minoranzi, il-persuni b’diżabbiltà, in-nisa u ż-żgħażagħ);
  • il-professjonijiet liberi (avukati, tobba, inġiniera, eċċ.);
  • l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-artiġjanat;
  • l-ekonomija soċjali (karitajiet, kooperattivi, fondazzjonijiet, assoċjazzjonijiet mutwi u intrapriżi soċjali).

L-għan ġenerali tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili huwa li tabilħaqq tissaħħaħ id-demokrazija parteċipattiva fl-Unjoni Ewropea u li jiżgura li l-Opinjonijiet tal-KESE dwar proposti leġiżlattivi tal-UE jirriflettu l-interessi tal-Ewropej kollha.

Civil Society Europe (CSE) ġiet stabbilita fi Frar 2016 bil-kompiti li tikkoordina l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE. Din tlaqqa’ flimkien 22 network Ewropew ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu biex jirriġeneraw il-proġett Ewropew abbażi tal-valuri kondiviżi tal-ugwaljanza, is-solidarjetà, l-inklużività u d-demokrazija. L-għan ewlieni tagħha huwa li: tiffaċilita u tippermetti djalogu orizzontali u vertikali bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej u dawk li jfasslu l-politika u tgħin biex jissaħħu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-attivitajiet u r-relazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjonijiet.

Il-missjoni tas-CSE hija li tikkontribwixxi biex l-UE tirrikonoxxi r-rwol u l-valur essenzjali ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti u pluralistiċi fil-bini u t-trawwim ta’ soċjetà demokratika li hija bbażata fuq id-drittijiet fundamentali. Is-CSE taħdem ukoll biex toħloq il-kundizzjonijiet għall-iżvilupp ta’ vuċi b’saħħitha u indipendenti tas-soċjetà ċivili u djalogu ċivili effettiv, miftuħ u strutturat fil-livell tal-UE, kif ukoll spazju ċiviku b’saħħtu u abilitanti fl-Unjoni.


[1] Għall-kalkolu tan-numru ta’ firmatarji (156), il-membri tal-KESE li ffirmaw ukoll f’isem l-organizzazzjoni tagħhom ingħaddu bħala firmatarji uniċi.

Downloads