Fil-5 u s-6 ta’ Novembru, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) organizzaw it-Tielet Forum ta’ Tagħlim dwar il-Politiki (PLF) dwar perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet. Dan laqqa’ flimkien l-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tal-gvern u tas-soċjetà ċivili rilevanti f’dan il-qasam, li wissew li l-pandemija attwali tista’ tkompli taċċellera l-bidliet fid-dinja tax-xogħol li diġà ġabet magħha r-rivoluzzjoni diġitali, u b’hekk it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid isiru dejjem aktar rilevanti.

Il-parteċipanti fil-PLF għalhekk enfasizzaw l-urġenza li jiġu implimentati l-perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet, il-proposta leġiżlattiva adottata bħala Rakkomandazzjoni tal-Kunsill fl-2016. Dan jifforma l-pedament tal-Aġenda għall-Ħiliet tal-UE, bl-għan li l-Ewropej kollha jingħataw il-ħiliet meħtieġa biex jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tagħhom biex jirnexxu, kemm bħala individwi kif ukoll bħala membri tas-soċjetà.

Skont ir-riċerka mis-Cedefop, 128 miljun adult fl-Ewropa se jkollhom jaġġornaw il-ħiliet tagħhom jew jiksbu oħrajn ġodda sabiex iżommu l-impjieg jew jiksbu wieħed li jikkorrispondi mal-kompetenzi u l-livelli tal-ħiliet tagħhom. Din hija ċ-ċifra totali għall-UE-27, l-Iżlanda, in-Norveġja u r-Renju Unit, u tikkorrispondi għall-proporzjon qawwi ta’ 46.1 % tal-popolazzjoni.

“Jeħtieġ li nenfasizzaw li dak li qed noffru huwa parti minn kit ta’ sopravivenza, kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem, minħabba li l-affarijiet mhux se jibqgħu bħas-soltu. Ħiliet b’saħħithom huma xprun għall-kompetittività fil-livell tal-UE, kif ukoll għas-sodisfazzjoni personali u l-iżvilupp professjonali tal-individwi,” qal il-president tas-Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza tal-KESE, Laurenţiu Plosceanu.

 

“Irridu niżguraw li l-adulti kollha jkollhom opportunitajiet tul il-ħajja biex jaġġornaw il-ħiliet eżistenti u jiksbu ħiliet ġodda biex jgħinuhom jinnavigaw fi żminijiet inċerti u jirnexxu f’ħajjithom u fil-karriera tagħhom”, qal Jürgen Siebel, direttur eżekuttiv tas-Cedefop, filwaqt li żied jgħid li s-sistemi tat-titjib tal-ħiliet u tat-taħriġ mill-ġdid jeħtieġ li jqisu wkoll il-ħtiġijiet tal-intrapriżi, li huma parti importanti mill-formola għall-kisba ta’ għanijiet ambizzjużi.

It-tielet PLF ta ħarsa aktar mill-qrib lejn l-esperjenzi fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet fil-Finlandja, l-Irlanda u n-Netherlands, fejn il-gvernijiet stabbilixxew miri ambizzjużi bi strateġiji komprensivi, u introduċew ukoll riformi fit-tagħlim tul il-ħajja u għall-adulti li diġà qed jagħtu l-frott.

Il-PLF esplora wkoll il-programm tal-gvern Portugiż li rnexxielu jsaħħaħ id-disponibbiltà tat-taħriġ għall-adulti f’pajjiż fejn, mill-2016, nofs il-popolazzjoni kienet għadha ma temmitx l-edukazzjoni sekondarja. (ll)