Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri għall-ħidma dwar kjarifiki għat-termini tal-impjieg fl-ekonomija tal-pjattaformi, peress li nuqqas ta’ definizzjonijiet standardizzati kemm dwar l-istatus tal-ħaddiema kif ukoll dwar dak tal-impjegaturi jista’ jikkomplika l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol u ta’ ħafna drittijiet tal-protezzjoni tax-xogħol.

Il-kunċetti ewlenin li jirrikjedu kjarifiki huma dawk li jiddefinixxu l-pjattaformi bħala “intermedjarji tal-provvista u d-domanda” aktar milli dawk li jiddefinixxu lil “impjegaturi”. Dan iwassal biex il-ħaddiema jitqiesu bħala “persuni li jaħdmu għal rashom” minflok “impjegati”, li ħafna drabi jwassal biex tineħħilhom il-protezzjoni legali u soċjali, inklużi s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew il-protezzjoni tal-impjiegi, li l-importanza tagħhom ħarġet b’mod partikolari matul il-pandemija attwali.

Bħala l-kejl li jiddetermina jekk ħaddiem huwiex impjegat jew ħaddiem għal rasu, il-KESE ssuġġerixxa li l-UE u l-Istati Membri għandhom jadottaw il-kunċett ta’ dipendenza u subordinazzjoni ekonomika. Qal ukoll li l-UE u l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw bir-reqqa l-adozzjoni tal-prinċipju li ħaddiem jitqies bħala impjegat fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja. Madankollu, il-ħaddiema ġenwinament indipendenti għandhom ikunu jistgħu jżommu dak l-istatus jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan.

Il-KESE wissa wkoll li r-riskji li ma għandhomx jiġi sottovalutati, filwaqt li semma l-flessibbiltà u l-awtonomija tax-xogħol, id-dħul supplementari għall-ħaddiema u l-aċċess aktar faċli għal persuni vulnerabbli għall-impjieg bħala wħud mill-benefiċċji li ġġib magħha l-ekonomija tal-pjattaformi.

Minbarra l-ħaddiema bit-theddida li jinċaħdulhom id-drittijiet bażiċi tagħhom, inklużi d-drittijiet tagħhom li jorganizzaw lilhom infushom u għal negozjar kollettiv, hemm ukoll theddid għas-soċjetà inġenerali, minħabba r-riskju akbar ta’ kompetizzjoni bbażata fuq it-twaqqigħ tal-istandards soċjali. Dan għandu wkoll konsegwenzi dannużi kemm għall-impjegaturi, li huma soġġetti għal pressjoni kompetittiva mhux sostenibbli, kif ukoll għall-Istati Membri, li jitilfu d-dħul mit-taxxa u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

Il-KESE ppreżenta l-argumenti tiegħu fl-Opinjoni dwar Xogħol ġust fl-ekonomija tal-pjattaformi, adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Settembru u abbozzata fuq talba mill-presidenza Ġermaniża tal-UE. Ir-relatur tal-Opinjoni kien il-membru Portugiż Carlos Manuel Trindade. (ll)