Il-pandemija tal-coronavirus qed tagħmel ħerba fis-settur tat-turiżmu tal-Ewropa. Fi żmien sitt xhur nofs in-negozji jistgħu jgħibu sakemm l-UE ma tiħux passi malajr, jgħid il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew f’Opinjoni ġdida.
F’Opinjoni ta’ Panagiotis Gkofas, li adotta f’Settembru, il-KESE jistqarr li tinħtieġ azzjoni tal-UE biex in-negozji fil-qasam tat-turiżmu jibqgħu f’wiċċ l-ilma u l-ħaddiema tagħhom jibqgħu impjegati fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19. U m’hemmx ħin x’nitilfu: jekk nistennew sitt xhur oħra nofs dawn in-negozji jaf ikunu għalqu.
Biex jappoġġja d-dikjarazzjonijiet tiegħu, il-KESE wettaq stħarriġ online matul is-sajf li involva 175 organizzazzjoni li jirrappreżentaw eluf ta’ negozji tat-turiżmu u li jimpjegaw mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema fl-UE.
It-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju tal-KESE pittru stampa ta’ diżastru imminenti.
88,2 % ta’ dawk li wieġbu qalu li l-kriżi tal-COVID-19 affettwathom b’mod “negattiv ħafna”, 80,6 % bassru li l-effetti tagħha se jolqtuhom b’mod aktar qawwi fil-perjodu twil u 45 % jaħsbu li jkunu għadhom jeżistu fl-2021.
L-Opinjoni tfasslet b’reazzjoni għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar It-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn.
Is-settur tat-turiżmu fl-UE huwa stmat li qed jitlef madwar EUR 1 biljun fi dħul fix-xahar u jista’ jitlef 6,4 miljun impjieg fl-2020 bħala riżultat tal-COVID-19.
Biex tagħti spinta mill-ġdid lill-industrija, l-ewwel u qabel kollox l-UE trid tieħu azzjoni biex tirrestawra l-fiduċja tan-nies fis-sikurezza tal-ivvjaġġar, jistqarr il-KESE.
Sakemm tinstab tilqima, il-KESE jappoġġja l-idea ta’ passaport tas-saħħa tal-UE b’Formola armonizzata għal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri (PLF) u kodiċi QR flimkien ma’ Pjattaforma multilingwi għall-Assistenza tas-Saħħa.
In-nies ikunu jistgħu jużaw il-kodiċi QR biex jaċċessaw l-informazzjoni u s-servizzi tas-saħħa fil-pajjiż li jkunu qed iżuru u jkollhom aċċess ta’ emerġenza għas-sistemi tas-saħħa u tas-sigurtà soċjali.
Prijorità ewlenija oħra hija li jkun hemm likwidità disponibbli malajr kemm jista’ jkun għan-negozji fil-qasam tat-turiżmu u l-impjegati tagħhom, peress li n-nuqqas ta’ fluss ta' flus qed jhedded is-sopravivenza tagħhom.
Fil-fehma tal-KESE, il-programm SURE għall-mitigazzjoni tal-qgħad għandu jipprovdi għajnuna għall-ħaddiema qiegħda fis-settur tat-turiżmu u kumpens tal-pagi għall-SMEs sa mill-inqas it-30 ta’ Ġunju 2021.
Il-Kumitat jemmen ukoll li l-UE għandha twaqqaf mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ appoġġ peress li ħafna minn dawk li wieġbu l-istħarriġ ilmentaw li ma ngħataw l-ebda għajnuna finanzjarja wara li l-UE ħabbret li kienet qed tagħmel fondi disponibbli. (dm)