Il-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Ukrajna

This page is also available in

Il-kapitoli politiċi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna ġew iffirmati fil-21 ta’ Marzu 2014 u l-bqija tat-taqsimiet fis-27 ta’ Ġunju 2014. Partijiet importanti mill-Ftehim, b’mod partikolari bl-eċċezzjoni tal-parti dwar il-kummerċ, bdew jiġu applikati b’mod provviżorju sa mill-1 ta’ Novembru 2014; l-applikazzjoni provviżorja tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-kummerċ bdiet fl-1 ta’ Jannar 2016. Il-Ftehim ser jidħol fis-seħħ bis-sħiħ malli dan ikun irratifikat mill-Istati Membri kollha tal-UE.

Id-dispożizzjonijiet istituzzjonali, ġenerali u finali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-UE mal-Ukrajna (Artikolu 469) jistipulaw l-istabbiliment ta’ Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili, bil-kompitu li tippromovi laqgħat regolari tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili taż-żewġ partijiet, “sabiex dawn jinżammu infurmati, u jiġbru l-kontribut tagħhom għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim”. B’hekk, il-Pjattaforma tikkomplementa l-korpi politiċi eżistenti fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna, u tippermetti lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili miż-żewġ naħat jissorveljaw il-proċess ta’ implimentazzjoni mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili u jippreparaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom lill-awtoritajiet rilevanti.

Il-kompożizzjoni tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili UE-Ukrajna hija stipulata fl-Artikolu 469: “Din tikkonsisti minn Membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), minn naħa waħda, u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Ukraina min-naħa l-oħra(...)”

Il-Pjattaforma ġiet stabbilita fis-16 ta’ April 2015 u għandha membri fuq kull naħa. Min-naħa tal-UE, tinkludi membri tal-KESE u osservaturi permanenti minn netwerks Ewropej tas-soċjetà ċivili (Eurochambres, BusinessEurope, KETU, Copa-Cogeca, Cooperatives Europe u l-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant).

Il-Pjattaforma tista’ tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (fil-livell ministerjali); barra minn hekk, il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni (fil-livell tal-impjegati taċ-ċivil f’kariga għolja) u l-Kumitat Parlamentari ta’ Assoċjazzjoni huma obbligati jorganizzaw kuntatti regolari mar-rappreżentanti tagħha sabiex jiksbu l-fehmiet tagħhom rigward it-tilħiq tal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (Artikolu 470).