Diliġenza Dovuta għas-Sostenibbiltà Korporattiva: Mostru burokratiku jew għodda sinifikanti?

minn Antje Gerstein, Membru tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Fit-23 ta’ Frar, il-Kummissjoni Ewropea nediet il-proposta tagħha għal Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta għas-Sostenibbiltà Korporattiva, li tistabbilixxi l-qafas obbligatorju għall-kumpaniji biex jidentifikaw u jaġixxu fir-rigward ta’ impatti negattivi ambjentali u dawk marbuta mad-drittijiet tal-bniedem fl-organizzazzjonijiet tagħhom stess – u tul il-katina tal-valura kollha tagħhom.

Sfortunatament, il-proposta kif inhi bħalissa ma twassalx għall-għanijiet mixtieqa. Huwa importanti li wieħed jinnota li l-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni stess kien irrimarka dwar nuqqasijiet serji fil-valutazzjoni tal-impatt, pereżempju d-deskrizzjoni tal-problema hija vaga u r-rapport irid ikun allinjat aħjar ma’ inizjattivi oħrajn.

Il-koleġiżlaturi għandhom jimmiraw li jitbiegħdu minn dispożizzjonijiet li jimponu biss obbligi u minflok għandhom jagħżlu approċċ orjentat iktar lejn il-proċess abbażi tal-impenn u l-bini tal-fiduċja. Dan ifisser li n-negozji għandhom ikunu mistennija jfasslu l-proċessi ta’ diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom b’mod li jkun ibbażat fuq ir-riskju u proporzjonat għall-impatti potenzjali u reali tagħhom.

Billi l-kumpaniji jeħtieġsa ċertezza legali u jridu jimminimmizaw ir-riskji ta’ responsabbiltà, jista’ jkun li jħossuhom sfurzati biex iqassru l-ktajjen tal-provvista u jitilqu minn reġjuni fejn potenzjalment hemm sitwazzjonijiet problematici fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem. Dan jista’ jkollu implikazzjonijiet serji, billi l-kummerċ globali jintlaqat b’mod negattiv u ħafna ħaddiema f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u emerġenti ser jitilfu l-impjieg tagħhom.

L-Opinjoni tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju u l-Opinjoni tal-KESE dwar “Governanza korporattiva sostenibbli” (INT/973), it-tnejn jenfasizzaw l-ħtieġa għal koerenza regolatorja u ta’ politika. Il-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNGP) u l-Linji Gwida tal-OECD huma l-punti ta’ riferiment li jistabbilixxu b’mod ċar id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-atturi kollha u jridu nżommu magħhom.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE jridu jagħżlu: iridu joħolqu approċċ kostruttiv, ibbażat fuq is-sħubija, validu għall-futur, orjentat lejn ir-riżultati u fid-dinja reali għal ktajjen tal-provvista globali sostenibbli? Iridu jiżguraw li l-inizjattivi paralleli relatati mal-prodott ikunu allinjati aħjar? Jekk iva, mela għad hemm ħafna li jrid isir. Nistgħu niżguraw lill-koleġiżlaturi li l-impjegaturi huma impenjati li jagħmlu l-parti tagħhom biex jiżguraw eżitu ta’ suċċess. Din id-Direttiva tittratta l-ħidma ewlenija tal-membri tagħna. Għandna għażla waħda biss, li jirnexxielna.


Aqra t-test sħiħ fil-Bullettin tal-Grupp ta’ Min Iħaddem: https://europa.eu/!vYX7Wq