Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

Din is-sena, iċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji għal Xogħol Deċenti nhar is-7 ta’ Ottubru kienet aktar rilevanti minn qatt qabel. Il-pandemija tal-COVID-19 aggravat id-difetti eżistenti fis-soċjetajiet tagħna, b’mod partikolari fir-rigward ta’ xogħol, paga u introjtu deċenti. Iżda għal darb’oħra, ċerti persuni – li kienu diġà fost l-aktar vulnerabbli – intlaqtu b’mod sproporzjonat: żgħażagħ f’impjiegi prekarji, nisa rappreżentati b’mod sproporzjonat: fis-setturi l-aktar milquta jew nisa li jibqgħu d-dar sabiex jieħdu ħsieb l-edukazzjoni tat-tfal jew jieħdu ħsieb membri tal-familja, ħaddiema li jaħdmu għal rashom u ħaddiema tal-pjattaformi, ħaddiema b’pagi baxxi u dawk f’xogħol mhux iddikjarat.

Fil-Jum Dinji għal Xogħol Deċenti, il-Grupp tal-Ħaddiema ngħaqad mal-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Internazzjonali u mal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions fl-appell għal Kuntratt Soċjali Ġdid għall-Irkupru u r-Reżiljenza sabiex jiġu miġġielda l-effetti tal-kriżi tal-COVID-19 b’mod sostenibbli billi fl-aħħar tingħata risposta għall-ħtiġijiet tan-nies. Tiġdid ġenwin tal-proġett Ewropew jeħtieġ investiment soċjali b’saħħtu sabiex jiġu kkomplementati l-politiki ekonomiċi, ikun hemm enfasi fuq iż-żamma u l-ħolqien ta’ impjegi ta’ kwalità għolja, il-paga ekwa u t-tneħħija tax-xogħol prekarju.

Il-Kummissjoni trid tkompli b’mod urġenti bl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u b’mod partikolari bl-inizjattivi relatati mal-pagi minimi ġusti, l-introjtu minimu, it-trasparenza tal-pagi u t-tisħiħ tar-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu garantiti n-negozjar kollettiv u l-interessi tal-ħaddiema prekarji u vulnerabbli. Huwa kruċjali wkoll li tiġi żgurata l-ekwità fis-settur tal-pjattaformi, li jiġġenera profitti kbar għall-kumpaniji filwaqt li l-ħaddiema f’dan is-settur jinsabu f’sitwazzjoni estremament prekarja f’termini tad-drittijiet tax-xogħol, il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.