F’Opinjoni fuq inizjattiva proprja adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Ottubru, il-KESE stabbilixxa miżuri għar-reklamar biex jadatta għall-isfidi tat-tibdil fil-klima u l-irkupru wara l-pandemija filwaqt li jkompli jaqdi r-rwol importanti tiegħu fl-ekonomija u l-kultura tal-Ewropa.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jirrakkomanda qafas għal industrija moderna tar-reklamar li żżomm rwol fundamentali fit-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-appoġġ għall-kultura Ewropea, filwaqt li ssir lieva affidabbli għal konsum responsabbli.

Skont diversi studji, kull euro li jintefaq fuq ir-reklamar jiġġenera 5 sa 7 darbiet aktar għall-ekonomija tal-Ewropa. Qed jinfirxu prodotti u servizzi ġodda, il-kompetizzjoni qed tespandi u l-aċċess pubbliku għall-midja, l-arti u l-isport qed jiġi ffinanzjat. Iżda fl-istess ħin, l-industrija ħafna drabi tiġi kkritikata talli tippromovi konsum żejjed u għal impatti negattivi fuq is-soċjetà u l-ambjent.

Qed nippruvaw nesploraw il-mod kif dan is-settur għandu jevolvi sabiex jibqa’ effiċjenti iżda fl-istess ħin jiżgura li l-iżvilupp tiegħu jkun kompatibbli mal-iżvilupp sostenibbli,” spjega Thierry Libaert, relatur tal-Opinjoni.

L-ewwel nett, il-KESE jistieden lin-negozji u lill-aġenziji biex jiddibattu dwar kif jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra b’55 % sal-2030 u biex ikunu newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2050.

Is-sostenibbiltà għandha tiġi inkorporata f’kull kampanja promozzjonali. F’termini prattiċi, l-operaturi tar-reklamar jistgħu jiġu mħeġġa jnaqqsu l-konsum tal-enerġija tal-billboards diġitali jew jagħmluhom aktar riċiklabbli. Biex jiġu limitati l-impatti ambjentali tar-reklamar stampat, in-negozji jistgħu jużaw karta minn foresti ġestiti b’mod sostenibbli, ttikkettata PEFC u FSC, u linek b’tossiċità baxxa li jikkonformaw mal-istandards REACH tal-UE u tal-GreenGuard.

Il-prattiki ta’ reklamar jistgħu wkoll “iħeġġu” lill-konsumaturi biex inaqqsu l-impronta ambjentali kollettiva tagħhom. Pereżempju, ir-reklami jistgħu jinkoraġġixxu l-kondiviżjoni tal-karozzi billi juru inqas sewwieqa waħedhom fil-karozzi tagħhom. Il-prattika tajba għandha tissaħħaħ permezz ta’ enfasi aktar qawwija fuq kwistjonijiet ambjentali fil-korsijiet universitarji għall-professjonijiet tal-komunikazzjoni.

Diskussjoni oħra li jmissha ilha li saret hija dwar rappreżentazzjonijiet mhux realistiċi, bħal prodotti dannużi li jintużaw darba biss li qed jiġu ppreżentati bħala “sostenibbli”. Fil-fatt, studju tal-2020 mill-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur u l-Kummissjoni Ewropea sab li 42 % tad-dikjarazzjonijiet tal-prodotti “ekoloġiċi” fuq is-siti web tal-kumpaniji ma kinux veri jew kienu eżaġerati.

Fil-fehma tal-KESE, kunsens usa’ fi ħdan il-katina tar-reklamar dwar il-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni fattwali u preċiża jippermetti li aktar konsumaturi jidentifikaw prodotti b’impatt ambjentali ġenwinament imnaqqas. Hawnhekk il-Kummissjoni Ewropea għandha rwol fil-ħidma biex titwettaq regolamentazzjoni fl-UE kollha li tappoġġja l-industrija tar-reklamar fil-ġlieda tagħha kontra d-diżinformazzjoni.

Dan l-approċċ għandu jipprovdi wkoll inċentivi biex dawk li jirreklamaw iħossuhom responsabbli biex jikkonformaw ma’ dawn l-istandards. L-appoġġ inaqqas ir-riskju li dawk li jirreklamaw jemigraw lejn kumpaniji tat-teknoloġija barranin li jikkontrollaw il-parti l-kbira tas-sistemi ta’ reklamar diġitali u jsaħħu industrija li tibqa’ ċentrali għat-tranżizzjoni tal-Ewropa għal konsum aktar sostenibbli. (dm)