Stqarrija tal-KESE – Il-KESE jappoġġja l-poplu tal-Belarussja fil-ġlieda kuraġġuża tiegħu għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali

This page is also available in

Il-KESE jikkundanna bil-qawwa l-ksur kostanti tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fil-Belarussja mill-elezzjonijiet presidenzjali ’l hawn, li la kienu ħielsa u lanqas ġusti. Il-forza tal-brutalità u t-torturi kontra l-protestanti paċifiċi, b’mod partikolari n-nisa u ż-żgħażagħ, u l-arrest u d-detenzjoni arbitrarji bla waqfien u mingħajr spjegazzjoni ma jisgħux ma jiġux ikkastigati. 

Il-poplu tal-Belarussja qed jissoktaw bla heda u b’kuraġġ il-ġlieda paċifika tiegħu għall-ħelsien u d-demokrazija. Madankollu, għadha għaddejja r-repressjoni brutali. Matul dawn l-aħħar ħames ġimgħat, ġew detenuti ’l fuq minn 7 500 protestant paċifiku. Ġew irreġistrati u dokumentati tal-inqas 500 każ ta’ tortura.

L-UE ma għandhiex tagħlaq għajnejha; għall-kuntrarju, jeħtieġ li żżomm pressjoni politika b’saħħitha u ttenni t-talba tagħha għal elezzjonijiet ġodda taħt is-superviżjoni tal-OSKE. Is-sanzjonijiet imwiegħda fil-konfront ta’ dawk responsabbli għall-vjolenza, ir-repressjoni u l-falsifikazzjoni tar-riżultati tal-elezzjonijiet għandhom jiġu adottati qabel ma jiltaqa’ l-Kunsill Ewropew fl-24 u l-25 ta’ Settembru, jekk nixtiequ li nżommu ħajja l-kredibbiltà Ewropea. 

Bħala leħen is-soċjetà ċivili organizzata tal-UE, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-determinazzjoni tal-Belarussi li jibnu l-futur ta’ pajjiżhom skont il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem. Aħna solidari għalkollox mas-soċjetà ċivili organizzata u l-atturi kollha involuti fid-diskussjonijiet dwar il-futur tal-Belarussja, inklużi l-membri tal-Kunsill ta’ Koordinazzjoni, li jeħtieġ li jiġu protetti kontra l-intimidazzjoni, l-eżilju sfurzat, l-arrest arbitrarju u l-vjolenza. 

Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jadottaw strateġija ta’ dieskalazzjoni għal din is-sitwazzjoni u ma jużawx il-forza kontra dawk li jinġemgħu b’mod paċifiku.Jeħtieġ li l-persuni kollha detenuti illegalment jiġu lliberati minnufih, inklużi l-priġunieri politiċi, u jeħtieġ li jiġu investigati bis-sħiħ l-allegazzjonijiet ta’ tortura u t-trattament ħażin tad-detenuti. L-awtoritajiet Belarussi għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-ġustizzja u l-protezzjoni tal-avukati li jiddefendu l-persuni detenuti.

Il-kriżi attwali tista’ tiġi solvuta biss permezz ta’ djalogu approfondit fuq skala wiesgħa mingħar l-ebda ndħil estern; riformi, u dover ta’ rendikont fil-konfront tal-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, li għandhom jibdew minnufih fl-interess tad-demokrazija u l-istabbiltà ġeopolitika. Ma jista’ jkun hemm l-ebda ġustizzja mingħajr l-impenn inekwivoku tal-Istat fil-konfront tad-dover ta’ rendikont u r-rimedju għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Il-Kumitat jemmen li jeħtieġ li jiġu eżaminati iżjed fil-fond ċerti oqsma ta’ koperazzjoni bejn l-UE u l-Belarussja, b’enfasi fuq il-kuntatti bejn il-persuni u l-appoġġ għas-soċjetà ċivili. Dan il-punt tqajjem ukoll fl-iskambji reċenti tagħna mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja li jitolbu lill-UE tgħin lil din is-soċjetà ċivili b’saħħitha u mobilizzata – li għadha kif inħolqot – f’oqsma differenti, bil-għan li jkun iżjed viżibbli l-kontribut ċiviku u politiku tagħha.

Huwa biss bis-saħħa ta’ djalogu paċifiku u inklużiv, imrawwem minn midja indipendenti u soċjetà ċivili b’saħħitha, li tkun tista’ titwitta t-triq għal soluzzjonijiet sostenibbli u kostruttivi għall-Belarussja.

Downloads

EESC statement: The EESC stands by Belarusians in their courageous combat for democracy rule of law and fundamental rights