Claudine Otto: Fil-livell Ewropew għandha titqies aktar awtonomija fir-rigward tal-globalizzazzjoni.

Hekk kif tħabbar il-konfinament, it-toroq tbattlu. Dak li huwa impressjonanti huwa s-silenzju. Spiċċa l-ġiri lejn ix-xogħol, l-ivvjaġġar barra l-pajjiż għal laqgħa ta’ sagħtejn, il-ħornijiet tat-traffiku fil-belt, il-karozza tal-linja li ma tasal qatt. Bħal ħafna oħrajn ikkonformajna ma’ dan il-konfinament sfurzat, u għamilna l-almu tagħna biex ngħixu b’dan il-mod ġdid ta’ ħajja. Filwaqt li jien faċilment stajt naħdem mid-dar, żewġi ma setax jagħmel dan, għax xogħolu u l-infrastrutturi la kienu u lanqas huma lesti għal dan. Dan in-nuqqas ta’ adattament madakollu kissritlu l-iljieli bil-ħsibijiet minħabba l-ammont ta’ assentiżmu tal-impjegati tiegħu. Il-biżgħa nfirxet malajr daqs kemm infirex il-virus stess.

Issa li għaddiet l-ewwel mewġa, nistaqsi lili nnifsi: f’liema stat fiżiku, soċjali u ekonomiku se noħorġu minn din il-kriżi? Filwaqt li l-pandemija wasslet biex jiġi prijoritizzat l-essenzjali u jkun hemm sensibilizzazzjoni ekoloġika, din kienet ix-xhieda wkoll ta’ mġiba individwali fil-livell nazzjonali u globali. Ħadd fil-Lussemburgu ma emmen li l-fruntieri kienu se jerġgħu jingħalqu. Ix-xogħol transkonfinali huwa essenzjali fil-Gran Dukat u r-restrizzjoni fil-moviment liberu tal-persuni ġiegħlna nibżgħu li kien se jkun hemm nuqqas ta’ ħaddiema fil-kura tas-saħħa, fost affarijiet oħra.

Din il-kriżi hija wkoll opportunità biex inħarsu lejn il-vulnerabbiltà tagħna. Qegħdin niskopru li niddependu mhux biss mill-ħaddiema fil-kura tas-saħħa, iżda wkoll mill-imġiba ta’ ħaddieħor.

L-irkupru ekonomiku se jinkiseb flimkien. Għandna nevitaw in-nazzjonaliżmu u l-kollass tal-ekonomiji, filwaqt li xi pajjiżi jiddiskutu n-nazzjonalizzazzjoni tal-katini tal-valur, f’isem ir-reżiljenza. Fil-livell Ewropew għandha titqies aktar awtonomija fir-rigward tal-globalizzazzjoni. B’din il-kriżi nistgħu ngħidu li għandna l-opportunità nosserva mument ta’ waqfien, li għandu jgħinna nirriflettu fuqna stess.