L-ewwel, il-biża’ u l-istagħġib
Biża’, dik reali. Dik li waqqfet kollox, dik li meta jitħabbar l-ammont ta’ mwiet kull filgħaxija, iġġiegħlek tibża’ għall-qraba tiegħek, għaż-żgħażagħ, għall-anzjani, għall-vulnerabbli. Biża’ li tfakkarna li d-dlam qed jitlajja’, qed jistenna.
L-istagħġib ġie minħabba li s-servizzi ċentrali tas-saħħa ta’ Franza, mill-korp mediku saċ-ċittadini, ma kienux ippreparati; kollha kienu nieqsa mill-mezzi bażiċi biex jipproteġu lilhom innifishom, biex jieħu ħsieb tagħhom stess. Stagħġib ukoll minħabba l-kapaċità tas-soċjetà ta’ pajjiż bħall-Franza, inklużi t-territorji Franċiżi extra-Ewropej, li f’mument wieħed, twaqqaf kull ħoss ta’ attività, tabbanduna l-bliet u l-iskejjel, wara xitwa b’xenqa soċjali leġittima fit-toroq.
Id-dinja, globalizzata dejjem aktar minħabba l-pandemija, tkissret mill-konfinament f’ammont limitat ta’ individwi li jgħixu fejn xulxin, iżda separatament. Il-pandemija kabbret d-disparitajiet kollha.
Ir-ritorn tal-Istat
Il-kompitu tas-servizzi pubbliċi, partikolarment tas-saħħa, huwa li l-ħajja toħroġ rebbieħa; bil-mod il-mod ingħataw il-loġistika meħtieġa, b’xi miżuri li kienu biss għall-għajn, bħat-trasferimenti ta’ xi pazjenti bil-ferrovija jew l-elikotteri, filwaqt li l-kliniċi privati, li kienu lesti jgħinu, ma ntużawx.
L-Istat għen lill-intrapriżi ta’ servizzi essenzjali fil-belt, biex ikun żgurat li l-ħajja tibqa’ għaddejja, permezz tal-provvisti, l-indafa, eċċ.
Iżda l-impjegati tagħhom kienu f’sitwazzjonijiet differenti ħafna fir-rigward tal-protezzjoni mill-virus, u ma rċevewx kumpens b’mod sistematiku.
Imbagħad, ir-reżiljenza
Din waslet permezz tar-rabta, bejn l-għalliema u l-istudenti tagħhom, permezz tan-networks, it-telefown, ir-radju, it-televiżjoni, il-midja, b’messaġġi essenzjali u allegri: imla l-ħin, immaniġġja l-ħin u aħdem. Kull filgħaxija fit-8, iċ-ċittadini, minn wara t-twieqi tagħhom, ċapċpu lill-persunal mediku; l-Istat ma rrikonoxxihomx kif kien jistħoqqilhom.
L-impjegati skoprew il-kapaċitajiet tagħhom ta’ innovazzjoni. It-telexogħol, li xi drabi ċċaħħad lil xi impjegati, infirex malajr. Il-ġenituri, speċjalment l-ommijiet, kellhom jagħmlu żewġ xogħlijiet, tagħhom u dak ta’ għalliema.
Ir-rwol tat-trade unions bħala intermedjarji bejn l-impjegati, l-impjegaturi u l-gvern reġa’ ġġustifika l-azzjoni tagħhom fil-pajjiż. Wieħed jispera li nisimgħuhom u nisimgħu minnhom.
L-Ewropa
Permezz tal-ewwel dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-UE mmeraviljat lin-nies!
Tħabbar ħafna iktar minn Pjan Marshall. Nifs ta’ rkupru! Iżda, il-gvernijiet u l-Parlament malajr sabu raġuni biex ikarkru, bħalma jagħmlu s-soltu.
Madankollu, ħafna negozji żgħar – dawk bi ftit impjegati u ftit li xejn fondi – diġà fallew fil-pajjiż, ristoranti żgħar li nbiegħu bit-telf, żgħażagħ li kienu għadhom kemm jibdew. Il-banek ma kinux hemm għalihom. L-impjegati għandhom id-dritt li jirċievu benefiċċji parzjali tal-qgħad sa Settembru. U wara? Kumpaniji kbar, minkejja l-għajnuna li rċevew mingħand l-Istati, bħall-Air France-KLM (EUR 7 biljun riċevuti min-Netherlands u Franza), l-Airbus ... keċċew b’mod skandaluż lill-impjegati tagħhom. Dan kollu meta 700 000 żagħżugħ u żagħżugħa se jibdew ifittxu xogħol wara s-sajf.
Il-ġurnata ta’ wara?
Qed tidher dejjem aktar bħall-ġurnata ta’ qabel! L-ewwel nett minħabba li l-virus għadu jdur. It-tieni nett, minħabba li r-riformi li kienu bdew “qabel” ser ikomplu “wara”, waqt li d-dinja tax-xogħol fi Franza xebgħet. Il-gvern assigura liċ-ċittadini li t-taxxi mhux se jintużaw biex jiġi ffinanzjat it-tnaqqis ta’ 13 % tal-PDG; iżda l-litanija ta’ tkeċċijiet u ta’ żieda fil-prezzijiet ta’ dan is-sajf ma tieqaf qatt, kemm jekk l-enerġija, it-trasport, il-frott u l-ħaxix.
Meta jitqiesu l-lezzjonijiet misluta minn din il-kriżi, l-organizzazzjoni tax-xogħol se tinbidel. It-telexogħol, ix-xogħol fil-pjattaformi, bil-konferenzi bil-vidjo, se jeħtieġu regolamenti li għadhom ma jeżistux. Wara r-reżiljenza, hemm bżonn tal-viġilanza. Il-kriżi se turina li dawk li huma l-aktar b’saħħithom ekonomikament se jkunu l-aħjar u li dawk bl-inqas riżorsi se jkomplu jsofru? Fir-reġjun ta’ Pariġi, kien l-ifqar dipartiment li kellu l-aktar mard. Sfortunatament xejn ġdid!