Oħorġu vvutaw f’Ġunju 2024: il-KESE qed jappella lill-Ewropej jivvutaw għal Ewropa magħquda u demokratika

Id-demokrazija madwar id-dinja qed tiddgħajjef, id-diżinformazzjoni qed tinxtered dejjem iktar u ċ-ċittadini mhumiex kuntenti bl-inflazzjoni li qed tiżdied u t-theddida dejjem tikber tal-gwerra. F’dan ix-xenarju, il-votazzjoni għall-Parlament Ewropew il-ġdid hija ta’ importanza kbira.

Fl-20 ta’ Marzu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) appella liċ-ċittadini Ewropej biex jużaw id-dritt demokratiku tagħhom li jivvutaw u jitfgħu l-vot tagħhom fl-elezzjonijiet Ewropej li qed joqorbu malajr, bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju 2024.

F’dibattitu dwar L-elezzjonijiet Ewropej tal-2024 mil-lenti tas-soċjetà ċivili, bil-parteċipazzjoni tal-attivisti tas-soċjetà ċivili u tal-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali ta’ Franza u l-Bulgarija, il-KESE qal li xtaq jimmobilizza n-network tiegħu ta’ mill-inqas 90 miljun persuna madwar l-UE u jiżgura li l-Ewropej joħorġu jivvutaw biex jiddeċiedu min se jirrappreżentahom fil-Parlament Ewropew fil-ħames snin li ġejjin.

Il-KESE għamel is-sejħa tiegħu f’Riżoluzzjoni adottata fis-sessjoni plenarja, li laqqgħet flimkien it-tliet gruppi tiegħu li jirrappreżentaw lil min iħaddem, lit-trade unions u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Ewropa.

L-organizzazzjonijiet li l-membri tagħna jagħmlu parti minnhom għandhom għeruq profondi fis-soċjetajiet ċivili nazzjonali u jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jimmobilizzaw u jġiegħlu lin-nies jivvutaw. Nistgħu nilħqu lil kulħadd, nistgħu nġiegħlu lin-nies jivvutaw, u rridu nagħmlu dan: huwa d-dmir morali tagħna, qal il-President tal-KESE Oliver Röpke fil-plenarja.

Huwa qal li l-KESE ngħaqad mal-Parlament Ewropew biex jgħin sabiex il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet tiżdied, għax normalment tkun ħafna aktar baxxa milli fl-elezzjonijiet nazzjonali, b’mod partikolari f’xi Stati Membri.

Il-President tal-KESE enfasizza li, fi sfond fejn id-demokrazija qed sejra lura madwar id-dinja u f’xi Stati Membri, l-elezzjonijiet tal-2024 huma ta’ importanza partikolarment kbira.

Dawn l-elezzjonijiet mhumiex is-soluzzjoni maġika biex intemmu l-inkwiet tagħna, inneħħu l-biżgħat tagħna, jew intaffu t-tħassib taċ-ċittadini, iżda huma mod leġittimu biex nesprimu x-xewqat tagħna, nitolbu futur aħjar, u nżommu lil dawk fil-poter responsabbli, qal is-Sur Röpke.

 

Ir-Riżoluzzjoni tal-KESE dwar l-elezzjonijiet Ewropej

Għaddejna minn żminijiet diffiċli, iżda ħadd ma jista’ jiċħad li l-UE ggarantiet il-paċi, id-demokrazija, il-prosperità ekonomika u l-progress soċjali għall-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħha. Bis-saħħa tal-Unjoni, għandna l-libertà li naħdmu, nistudjaw u nagħmlu negozju fil-pajjiżi kollha tal-UE, il-KESE ddikjara fir-riżoluzzjoni.

Ir-riżoluzzjoni tiddikjara li l-ebda pajjiż tal-UE ma jista’ jlaħħaq waħdu ma’ sfidi bħaż-żieda fl-inflazzjoni, il-gwerer, il-migrazzjoni jew l-emerġenza klimatika: In-nazzjonaliżmu, il-populiżmu u soluzzjonijiet li jinvolvu stat wieħed biss mhumiex it-tweġiba. Il-kollaborazzjoni, il-kooperazzjoni u l-konverġenza huma.

Ejjew nħarsu d-demokrazija u fis-6-9 ta’ Ġunju nivvutaw għal Unjoni Ewropea demokratika, magħquda, sostenibbli, kompetittiva u soċjali, qalet Christa Schweng, Eks President tal-KESE u relatur għar-Riżoluzzjoni, u li tirrappreżenta lill-Grupp ta’ Min Iħaddem.

Irridu niddefendu l-valuri u d-drittijiet tal-UE. Neħtieġu aktar integrazzjoni, minn perspettiva soċjali, ekonomika iżda wkoll politika; huma meħtieġa aktar koeżjoni u solidarjetà biex jiġu indirizzati l-isfidi li għandna quddiemna, qalet ir-relatur Cinzia Del Rio, li tirrappreżenta lill-Grupp tal-Ħaddiema.

Ejjew nivvutaw għal UE biċ-ċittadini kollha fil-qalba tagħha, nipprovdu opportunitajiet lil kulħadd, nippermettuhom jilħqu l-potenzjal tagħhom u nippromovu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja ċivika u politika, qal ir-relatur Ioannis Vardakastanis, li jirrappreżenta lill-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili.

 

Leħen is-soċjetà ċivili tal-UE

Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li pparteċipaw fid-dibattitu tas-sessjoni plenarja lkoll enfasizzaw ir-rwol ċentrali tal-elezzjonijiet Ewropej għall-futur tal-proġett Ewropew u l-preżervazzjoni tal-valuri Ewropej u d-demokrazija.

Marilyn Neven, mill-Istitut Internazzjonali għad-Demokrazija u l-Assistenza Elettorali (IDEA), qalet li l-protezzjoni tal-integrità elettorali saret l-aktar prijorità importanti jekk irridu nieħdu ħsieb il-futur tad-demokrazijau rriduha tkompli tiffunzjona.

Is-soċjetà ċivili organizzata għandha d-dmir li tinforma u tiddokumenta l-elezzjonijiet Ewropej tal-2024 biex tappoġġja liċ-ċittadini kontra d-diżinformazzjoni. Dan huwa kruċjali għall-futur tal-proġett Ewropew u d-demokrazija, qal Thierry Beaudet, president tal-Kunsill Ekonomiku, Soċjali u Ambjentali Franċiż.

L-awturi tal-kampanja parteċipattiva ta’ qabel l-elezzjoni EurHope, il-Federalisti Żgħażagħ Ewropej u l-organizzazzjoni Make.org, ippreżentaw l-Aġenda ta’ Tama tagħhom, li telenka l-prijoritajiet għall-Ewropa magħżula miż-żgħażagħ, bl-istituzzjonijiet, l-ekonomija u l-ambjent fuq nett tal-lista.

It-tama ma tfissirx li tintefa’ fuq is-sufan tittama li l-affarijiet jitjiebu iżda li tqum u tieħu azzjoni. L-affarijiet ma jinbidlux waħedhom; irridu nagħmluhom realtà. Dan huwa l-qofol taċ-ċittadinanza attiva, ivvota u pparteċipa fil-ħajja ċivika! qalet Christelle Savall, president tal-Federalisti Żgħażagħ Ewropej.

 

Il-passi li jmiss

Il-KESE ser jadotta riżoluzzjoni oħra f’Lulju, li tiffoka fuq it-talbiet tas-soċjetà ċivili għall-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni li jkunu ġew eletti. Dawn se jinkludu appelli għal aktar parteċipazzjoni taċ-ċittadini; aktar djalogu mas-soċjetà ċivili organizzata; aktar involviment taż-żgħażagħ, spazju pubbliku aktar demokratiku u inklużiv; u ekonomija li taħdem għal kulħadd.