European Economic
and Social Committee
Ir-rwol tas-soċjetà ċivili huwa li jnaqqas id-distakk bejn il-politika u n-nies
KESE Info: “Kif tista’ s-soċjetà ċivili tikkontribwixxi għall-proċess ta’ negozjati u l-adeżjoni futura tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent?
Ionut Sibian: “Il-KESE jemmen bis-sħiħ li s-soċjetà ċivili trid taqdi rwol attiv fil-proċess ta’ tkabbir, biex tnaqqas id-distakk bejn il-politika u n-nies, u tgħin biex tissorvelja jekk prinċipji fundamentali bħal-libertà tal-kelma, l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-midja, it-trattament ugwali, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess humiex fil-fatt implimentati fil-prattika.
Il-Kumitat tagħna dejjem appoġġa involviment sistematiku tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċessi tal-ippjanar, l-ipprogrammar, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ relatati mar-riformi fil-proċess ta’ adeżjoni. Dan għandu jkun prinċipju li mhux biss japplika għall-gvernijiet tal-Balkani tal-Punent u huwa mistenni minnhom, iżda jeħtieġ ukoll li jiġi prattikat mill-istituzzjonijiet tal-UE stess.
Fl-Opinjoni tal-KESE dwar “It-titjib tal-proċess tal-adeżjoni – Perspettiva kredibbli tal-UE għall-Balkani tal-Punent”, li ġiet adottata f’Marzu 2021, aħna nirrakkomandaw lill-Kummissjoni Ewropea li s-soċjetà ċivili tkun rikonoxxuta aħjar fil-kuntest tal-metodoloġija l-ġdida u tingħata rwol ikbar fil-proċess ta’ tkabbir. Dan jgħin biex jiġu indirizzati mhux biss l-isfidi politiċi iżda wkoll dawk ekonomiċi u soċjali. Għal din ir-raġuni, il-bini tal-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali u ta’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali, l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni reġjonali u l-iskambju tal-għarfien espert għandhom jinżammu fost il-prijoritajiet għall-finanzjament tal-UE.
Barra minn hekk, sabiex jinżamm kontroll fuq it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-eliti politiċi fil-Balkani tal-Punent, inħeġġu lill-UE tikkummissjona rapporti paralleli regolari dwar l-istat tad-demokrazija mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-reġjun. Tlabna wkoll lill-Kummissjoni biex ir-rapporti għal kull pajjiż fil- “Pakkett tat-Tkabbir” annwali tagħha jsegwu struttura ċara għall-monitoraġġ ta’ kif il-gvernijiet tal-Balkani tal-Punent jittrattaw is-soċjetà ċivili, f’konformità mal-Linji Gwida u d-Direzzjonijiet Strateġiċi tad-DĠ NEAR għall-Appoġġ tal-UE għas-Soċjetà Ċivili fir-Reġjun tat-Tkabbir għall-perjodu 2021-2027. Dan jipprovdi bażi għal reazzjoni b’azzjoni politika fejn ikun hemm rigress, filwaqt li l-progress ifisser benefiċċji tanġibbli għall-pajjiżi fil-proċess ta’ tkabbir.
X’inhu r-rwol hawnhekk tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent mibdi mill-KESE?
Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent jifforma parti mill-ħidma tal-KESE fil-Balkani tal-Punent. Dan jikkomplementa l-ħidma bilaterali eżistenti tiegħu ma’ pajjiżi li qed jinnegozjaw l-adeżjoni tagħhom mal-UE permezz ta’ Kumitati Konsultattivi Konġunti tas-Soċjetà Ċivili, stabbiliti fuq il-bażi legali provduta fil-qafas tal-Ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.
Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE, li ilu jsir kull sentejn mill-2006 ’il hawn, jipprovdi opportunità għall-iskambju ta’ fehmiet dwar is-sitwazzjoni attwali tas-soċjetà ċivili fir-reġjun, il-ħtiġijiet tagħha u l-iżvilupp futur tagħha. Huwa jlaqqa’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, membri tal-KESE, rappreżentanti tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali u istituzzjonijiet simili u rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-parteċipanti jadottaw rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-istituzzjonijiet Ewropej. Il-Forum ta’ dis-sena, li sar fi Skopje (30 ta’ Settembru – 1 ta’ Ottubru), sar eżatt qabel is-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, li ġie organizzat nhar is-6 ta’ Ottubru f’Brdo, is-Slovenja, u d-Dikjarazzjoni finali tal-Forum tqassmet lill-partijiet interessati kollha qabel is-Summit. Ir-rakkomandazzjonijiet jipprovdu wkoll linji gwida għall-ħidma futura tal-KESE mar-reġjun.
Ionut Sibian, Il-President għall-Kumitat ta' Segwitu UE-Balkani tal-Punent