European Economic
and Social Committee
KESE: ir-ritorn volontarju jista’ jsir ewfemiżmu għad-deportazzjoni
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) laqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tarmonizza l-miżuri li jirregolaw ir-ritorn volontarju tal-migranti u r-riintegrazzjoni tagħhom fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, iżda qal li kellu dubji dwar il-fattibbiltà ta’ xi wħud mill-proposti mressqa u wera tħassib li r-ritorn volontarju jista’ jinbidel f’deportazzjoni ta’ migranti mill-UE.
Il-KESE saħaq li l-maġġoranza tar-ritorn volontarju mhux qed jiffunzjona tajjeb minħabba li l-pajjiżi ta’ oriġini ma jiġux involuti biżżejjed u minħabba li l-migranti f’sitwazzjonijiet irregolari spiss ma jkunux lesti li jmorru lura.
Il-perspettiva tal-KESE kienet ippreżentata fl-Opinjoni dwar L-Istrateġija tal-UE dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni adotta fis-sessjoni plenarja ta’ Settembru, li fiha l-Kumitat ta ħarsa mill-qrib lejn l-istrateġija li hija waħda mill-objettivi ewlenin tal-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.
Il-KESE tenna l-kritika preċedenti tiegħu dwar il-Patt li kien jiffoka kważi b’mod esklużiv fuq l-indirizzar tas-sitwazzjonijiet irregolari fuq il-fruntiera jew permezz ta’ ritorn volontarju jew furzat, filwaqt li ma joffrix approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-migranti permezz tal-promozzjoni għal mobilità legali u sikura. Il-KESE jqis li din hija dgħufija strateġika tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil.
“Jeħtieġ nimmaniġġjaw l-irregolarità qabel ma sseħħ. Dan ifisser li rridu niżguraw mezzi sikuri u effettivi għad-dħul fl-UE. Jekk jirnexxielna nagħmlu dan, ikun possibbli li jitnaqqsu l-wasliet irregolari”, qal ir-relatur tal-Opinjoni, José Antonio Moreno Díaz.
L-approċċ frammentat ta’ bħalissa fih għadd ta’ difetti.
L-inċentivi li jingħataw bħalissa lill-pajjiżi ta’ oriġini jistgħu fil-fatt jiskuraġġuhom milli jippruvaw inaqqsu l-flussi ta’ migranti, peress li dawn l-inċentivi jiġu offruti permezz ta’ programmi bbażati fuq l-eżistenza ta’ persuni f’sitwazzjonijiet irregolari.
Il-KESE qal li kellu tħassib partikolari dwar l-objettiv tal-Patt biex jinżied ir-ritorn volontarju rapidu mill-fruntieri esterni tal-UE.
“Huwa minnu li dan huwa ritorn volontarju rapidu, jew huwa deportazzjoni? Ninsabu inkwetati li dan ir-‘ritorn volontarju’ jista’ jinbidel f’ewfemiżu għad-deportazzjoni jew għal kumpens finanzjarju li jitħallas lill-pajjiżi ta’ destinazzjoni li jirċievu lill-persuni rimpatrijati, mingħajr ma qatt jitqiesu xewqathom jew - aktar inkwetanti minn hekk - drittijiethom,” qal is-Sur Moreno Díaz.
Il-KESE kkonkluda li l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi dwar kwalunkwe aspett trid tkun ibbażata fuq il-fatt li jirrispettaw id-dritt internazzjonali pubbliku, kif ukoll li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.