European Economic
and Social Committee
Roaming: il-KESE jappella għal żona tariffarja unika madwar l-UE
In-nies għandhom igawdu r-rata lokali meta jużaw il-mobiles tagħhom kull fejn ikunu fl-UE, sostna l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew f’Opinjoni li ġiet adottata dan l-aħħar dwar ir-rieżami propost tar-regoli tal-UE dwar ir-roaming.
Fil-fehma tal-KESE, l-għan tal-UE fir-regolamentazzjoni tas-servizzi tar-roaming għandu jkun li tinħoloq żona tariffarja unika, li toffri konsum għat-telefonati u d-data bir-rati lokali għan-nies kollha li jkollhom abbonament tal-mobile fl-Ewropa, bl-istess veloċità u aċċess għall-infrastruttura irrispettivament mill-pajjiż minn fejn issir it-telefonata jew il-pajjiż fejn persuna tirċievi t-telefonata.
Filwaqt li jilqa’ r-rieżami dwar ir-Regolament dwar ir-roaming propost mill-Kummissjoni Ewropea u l-għanijiet tiegħu bħala pass pożittiv fid-direzzjoni t-tajba, il-KESE jemmen li għandu jiġi stabbilit objettiv aktar ambizzjuż.
“L-idea li fuqha hija bbażata l-proposta tal-Kummissjoni hija li s-servizzi tar-roaming għandhom jiġu pprovduti bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw fil-pajjiż tal-individwu, mingħajr ebda restrizzjoni għall-aċċess. Din hija proposta tajba”, qal Christophe Lefèvre, ir-relatur tal-Opinjoni tal-KESE li ġiet adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Lulju. “Madankollu, nemmnu li għandna mmorru lil hinn mill-kundizzjonijiet u niżguraw li l-persuni fl-Ewropa ma għandhomx għalfejn iħallsu aktar għall-komunikazzjonijiet tal-mobile meta huma jsiefru”.
Il-KESE jenfasizza wkoll li mhuwiex biżżejjed li jiġi stipulat li, meta kwalità jew veloċitajiet simili jkunu disponibbli fuq network ta’ Stat Membru ieħor, l-operatur domestiku ma għandux deliberatament jipprovdi servizz tar-roaming ta’ kwalità inferjuri. Dan ifisser li, pereżempju, jekk konsumatur għandu konnettività tal-4G f’pajjiżu, ma għandux jiġi mġiegħel juża t-3G meta jkun qiegħed roaming meta l-4G ikun disponibbli fil-pajjiż fejn il-konsumatur qiegħed iżur.
Parti mill-problema hija infrastruttura lokali fqira, u huwa għalhekk li l-UE għandha tkun lesta li tinvesti f’infrastruttura sabiex timla l-lakuni eżistenti u tiżgura li ma jkun hemm l-ebda “żona bajda”, jiġifieri reġjuni li ma għandhomx kopertura adegwata tal-internet bil-broadband, li ħafna minnhom jinsabu f’żoni rurali u li jiskoraġġixxu r-residenti u n-negozji potenzjali.
Barra minn hekk, il-KESE jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi mitlub li jintbagħtu twissijiet multipli lill-konsumaturi sabiex dawn jiġu protetti minn ħasdiet bil-kont. Meta l-konsumaturi jkunu qed joqorbu lejn il-limiti tal-abbonamenti tagħhom, l-operatur għandu jibqa’ jwissi lill-konsumaturi kull darba li jiġi kkunsmat il-volum stabbilit fit-twissija preċedenti, b’mod partikolari waqt l-istess telefonata jew sessjoni ta’ użu tad-data.
Fl-aħħar nett, il-KESE jirrimarka li l-kwistjoni tal-użu ġust hija kruċjali. Għalkemm il-kuntratti kollha tal-komunikazzjoni mobbli jsemmu użu ġust b’rabta mar-roaming, il-KESE jiddispjaċih li r-Regolament jonqos milli jiddefinixxih. Bil-pandemija tal-COVID-19, in-nies saru jiddependu ħafna fuq l-attivitajiet online u l-użu ġust ħa tifsira kompletament ġdida. Il-KESE jsostni li dan huwa sinifikanti għal studenti tal-Erasmus li jattendu università barra minn pajjiżhom, li jsegwu lezzjonijiet fuq Teams, Zoom jew fuq xi pjattaforma oħra. Dawn l-applikazzjonijiet jużaw ħafna data, u għalhekk l-istudenti malajr jilħqu l-limitu massimu tagħhom ta’ kull xahar. Ikun ġust li l-persuni f’sitwazzjoni simili jkollhom l-istess limitu fil-pajjiż fejn ikunu qegħdin iżuru daqs kemm għandhom f’pajjiżhom. (dm)