Il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil: ma joffrix biżżejjed solidarjetà u ma jqisx il-piż tqil fuq l-Isati Membri tal-ewwel wasla

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, iżda jsostni li se jkun diffiċli li l-proposti li jistabbilixxi jiġu implimentati, u ma jistgħux jitqiesu li huma pass ċar lejn il-ħolqien ta’ strateġija komuni tal-UE li hija reżiljenti u li tħares ’il quddiem dwar il-migrazzjoni u l-ażil. F’żewġ Opinjonijiet, li fihom janalizza diversi proposti għal Regolamenti li jirregolaw il-ġestjoni tal-ażil u l-proċeduri tal-ażil, il-KESE jiddikjara li l-Patt ġdid jista’ ma jkunx kapaċi jiżgura l-ipproċessar ġust u effiċjenti tal-applikazzjonijiet għall-ażil.

Għall-kuntrarju, ma jistax ħlief jiżdied il-piż tar-responsabbiltà u tal-inkonvenjenza għall-pajjiżi tal-ewwel wasla, peress li l-mekkaniżmu ta’ solidarjetà propost, li suppost jirregola l-kontroll tal-flussi ta’ migrazzjoni fil-fruntieri, huwa bbażat fuq sistema ta’ solidarjetà li hija ipotetika u volontarja.

Dan ifisser li, skont il-mekkaniżmu, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jagħżlu jekk jixtiqux jipparteċipaw fir-rilokazzjoni jew ir-ritorn sponsorizzat ta’ persuni f’sitwazzjoni irregolari. Madankollu, ma hemm l-ebda referenza għal inċentivi biex il-pajjiżi jiġu mħeġġa jipparteċipaw, jew għal kriterji ċari dwar kemm kull pajjiż għandu jikkontribwixxi.

Flimkien mal-proposti l-ġodda tal-Patt dwar kontrolli preventivi u l-kontroll tal-fruntieri, li x’aktarx se jwasslu għal proċeduri kumplessi u twal fil-fruntieri esterni tal-UE, il-mekkaniżmu jista’ jwassal għal trasformazzjoni tal-pajjiżi tal-ewwel wasla f’ċentri kbar ta’ qabel it-tluq jew ta’ detenzjoni, li jżid il-possibbiltajiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-pressjoni fuq il-komunitajiet ospitanti.

“Ninsabu kuntenti li l-Regolamenti proposti fil-Patt jinvokaw il-prinċipji tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà; madankollu, l-obbligi ta’ solidarjetà tal-Istati Membri tal-ewwel wasla huma sproporzjonati,” jgħid ir-relatur tal-Opinjoni dwar il-ġestjoni tal-ażil, Dimitri Dimitriadis

Panagiotis Gkofas, ir-relatur għall-Opinjoni dwar il-proċeduri tal-ażil, jibża li r-Regolamenti proposti ultimament ser jitfgħu piż kbir fuq l-Istati Membri tal-Ewropa tan-nofsinhar: “L-Istati Membri se jkunu mġiegħla de facto jirrifjutaw ħafna applikazzjonijiet għall-ażil, anke dawk li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jingħata l-ażil, sabiex jiġi evitat li għadd dejjem jikber ta’ nies jinżammu flimkien f’kundizzjonijiet inumani”.

Huwa kkonkluda li “l-konsegwenza inevitabbli [se tkun] li r-regolamenti mhux se jkunu applikabbli u ma jirnexxilhomx jiksbu r-riżultat maħsub tagħhom”. (ll)