European Economic
and Social Committee
Tolleranza żero għall-fastidju permezz tal-Kodiċi ta’ Kondotta l-ġdid tal-KESE
Aktar ċarezza, aktar trasparenza finanzjarja, regoli stretti dwar il-fastidju u sanzjonijiet aktar b'saħħithom għan-nuqqas ta' konformità. Fit-28 ta' Jannar 2021, il-membri tal-KESE vvutaw gal bidliet kbar għall-Kodiċi ta' Kondotta tagħhom. Dan huwa l-ewwel pass importanti fir-riforma tal-Kumitat li qiegħda twettaq it-tmexxija l-ġdida tal-KESE.
Ir-regoli l-ġodda jinkludu għadd ta' titjib biex jiġi evitat b'mod effettiv il-fastidju u biex każijiet ta' mġiba ħażina jiġu ttrattati b'mod effiċjenti. Għalkemm l-ewwel prijorità hija l-prevenzjoni, issa se jkun possibbli li jiġu imposti firxa ta' sanzjonijiet fuq membru ta' Kumitat f'każ konfermat ta' għemil ħażin.
Il-President tal-KESE, Christa Schweng, wegħdet li ssaħħaħ il-Kodiċi ta' Kondotta f'Ottubru li għadda, fil-bidu tal-Presidenza tagħha. "Wettaqna din il-wegħda. Il-ħidma kbira tal-kummissjoni tar-Regoli ta’ Proċedura kisbet appoġġ wiesa’ għal din il-proposta. Dan juri l-impenn tagħna għal standards etiċi għolja u metodi ta' ħidma moderni u trasparenti", qalet is-Sinjura Schweng.
F'każ ta' allegazzjoni ta' imġiba ħażina, il-kwistjoni se tiġi investigata mill-Kumitat tal-Etika l-ġdid, li se jkollu setgħat investigattivi definiti b'mod ċar. Kemm il-membri tal-KESE kif ukoll il-persunal se jkunu jistgħu jressqu lmenti lill-Kumitat tal-Etika. F'każ li ssir investigazzjoni, kull informatur rikonoxxut se jiġi protett u l-Kumitat se jikkoopera mill-qrib mal-OLAF.
Skont l-eżitu tal-investigazzjoni u l-gravità tal-imġiba ħażina, il-membri jistgħu jiġu imposti fuqhom għadd ta' sanzjonijiet, fosthom:
- it-tneħħija minn kariga, waħda jew aktar, okkupati mill-membru fil-Kumitat;
- it-tiswija ta' kwalunkwe ħsara;
- it-telf temporanju tad-dritt għall-indennizz tas-sussistenza ta' kuljum li l-membru jirċievi;
- is-sospensjoni mill-parteċipazzjoni fl-attivitajiet jew fil-missjonijiet, kollha jew uħud minnhom, tal-KESE;
- il-projbizzjoni ta’ rappreżentanza tal-KESE fi kwalunkwe forum nazzjonali, interistituzzjonali jew internazzjonali;
- it-telf tad-drittijiet ta’ aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali jew klassifikata.
Fl-aktar każijiet gravi, se jkun possibbli wkoll li membru jitkeċċa mill-KESE.
Ir-regoli aġġornati jżidu aktar it-trasparenza finanzjarja, speċjalment fir-rigward tar-rimborż ta' missjonijiet jew attivitajiet tal-membri. Kull sena l-membri se jkunu obbligati jippreżentaw dikjarazzjoni finanzjarja li se tkun disponibbli fuq is-sit web tal-KESE. Id-dokument jikkjarafika wkoll il-każijiet ta' kunflitt ta’ interess potenzjali.
It-tibdil iqis it-talbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew u tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF).