Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) talab lill-UE u lill-Istati Membri biex joffru appoġġ sistematiku u maħsub għall-volontarjat. B’dan il-mod, huwa jirrikonoxxi l-impatt enormi tal-volontarjat fuq l-iżvilupp soċjali tal-Ewropa u r-rwol kruċjali tiegħu fl-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u t-trawwim tal-inklużjoni soċjali.

Fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu dwar il-volontarjat, il-KESE ppropona li l-UE tiddikjara l-2025 is-Sena Ewropea tal-Volontarjat, testendi l-iskemi tal-volontarjat tal-UE u tiffinanzja lill-anzjani u tiżviluppa metodu mal-UE kollha biex tiġbor data dwar il-volontarjat li pajjiżi u organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jaqsmu bejniethom.

Ir-relatur tal-Opinjoni, Krzsysztof Pater, qal: “Il-futur tal-Ewropa mhux ħa jinbena minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijeit, mill-politiċi jew mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, iżda minn ċittadini u volontieri attivi – minn persuni li jiddedikaw il-ħin liberu tagħhom għall-benefiċċju tas-soċjetà.”

Fl-Ewropa, kull sena wieħed minn kull ħamsa huwa involut fil-volontarjat. Stħarriġ reċenti wera li 25% taż-żgħażagħ Ewropej kienu involuti f’attività organizzata ta’ volontarjat kull sena. Kuljum, voluntieri ta’ kull età u ta’ kull sfond soċjali jiddedikat ħinhom għal attivitajiet għal persuni oħrajn jew għall-ambjent, u b’hekk isaħħu s-soċjetà u jibnu futur sostenibbli.

“Huwa meħtieġ appoġġ sistematiku u komplet fil-livell tal-UE u dak nazzjonali għaliex l-impatt tal-volontarjat huwa ħafna drabi ikbar mill-ispejjeż potenzjali,” qal is-Sur Pater. Skont id-data disponibbli, l-attività tal-voluntieri għandha valur ekonomiku reali, li f’ħafna pajjiżi jammonta għal aktar minn 2% tal-PDG.

Mill-aħħar Sena Ewropea tal-Volontarjat fl-2011, il-volontarjat beda gradwalment jisparixxi mill-aġenda Ewropea. Deher biss b’mod sporadiku: l-UE ħolqot il-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u għamlet il-volontarjat prijorità fil-programm tagħha "L-Ewropa għaċ-Ċittadini".

Fil-fehma tal-KESE, il-kontribut tal-voluntieri, u l-benessri u s-sens ta’ konnessjoni li jesperjenzaw, jistħoqqilhom rikonoxximent usa’. (ll)