F’Opinjoni reċenti, il-KESE jitlob li jsir aktar biex jiġu mmirati n-nies u l-organizzazzjonijiet li huma s-sors tad-diżinformazzjoni, filwaqt li tingħata prijorità lill-prevenzjoni aktar milli l-kura.
Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat dejjem iżjed it-theddida tad-diżinformazzjoni. Fuq dan l-isfond, wara valutazzjoni kritika, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat gwida f’Mejju 2021 bil-għan li ssaħħaħ il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni tal-UE sabiex toħloq spazju online iżjed sikur u li jispira fiduċja.
F’Opinjoni maħruġa bħala tweġiba, il-KESE jgħid.li l-Kummissjoni tiffoka wisq fuq kontenut u l-moderazzjoni tiegħu – u mhux biżżejjed fuq dawk li joħolqu u jxerrduh l-ewwelnett.
Il-kontenut qed jinbidel il-ħin kollu l-pjattaformi li jintużaw jevolvu, iżda l-atturi ewlenin bażikament jibqgħu l-istess u l-motivi tagħhom ma jinbidlux, qal Thierryu Libaert, relatur għall-Opinjoni.
Il-KESE jinnota li d-diżinformazzjoni hija negozju li qed jikber sew u jilqa’ l-enfasi tal-Kummissjoni fuq il-ġlieda kontra s-setgħa ta’ gwadann finanzjarju li għandha d-diżinformazzjoni. L-informazzjoni falza tinxtered sitt darbiet aktar malajr mill-informazzjoni vera, tirċievi “likes” u “shares” aktar siktwit, toħloq aktar attività online, tiġġenera iktar viżitaturi, u għaldaqstant aktar valur u aktar dħul mir-reklamar.
Kif żvelat reċentement il-whistleblower dwar Facebook, Frances Haugen, bil-kontra li jiġġieled kontra dan il-fenomenu, l-impjegatur tagħha għamlu parti integrali tal-mudell kummerċjali tiegħu.
Madankollu, sabiex tiġi indirizzata aħjar id-diżinformazzjoni fis-sors, il-Kummissjoni għandha tikkunsidera “armata” ta’ għodod aktar vinkolanti ekonomiċi, legali u finanzjarji, li jmorru lil hinn mill-impenji volontarji ta’ dawk li jirreklamaw online.
L-Unjoni Ewropea trid takkwista aktar kapaċitajiet biex tkun tista’ tiġġieled b’mod effettiv kontra d-diżinformazzjoni, li tinxtered sistematikament minn poteri ostili, sikwit xprunata minn gvernijiet ta’ ċerti pajjiżi terzi, fosthom ir-Russja u ċ-Ċina, qal ir-relatur.
L-awtoritajiet nazzjonali jeħtieġu aktar appoġġ mis-servizzi tal-intelliġenza, qal il-KESE, filwaqt li ħeġġeġ kooperazzjoni u qsim tal-għarfien mal-UE kollha. Madankollu, billi l-libertà tal-midja u sistemi legali huma f’riskju f’diversi pajjiżi tal-UE, il-Kummissjoni trid tiżgura li l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni ma tintużax bħala skuża biex jiġu limitati l-libertajiet pubbliċi - l-ewwel u qabel kollox il-libertà tal-espressjoni.
B’mod partikolari għal pajjiżi li jinsabu fuq il-fruntiera mar-Russja, il-Kummissjoni għandha tippromovi aktar azzjoni rigward kontenut prodott f’lingwi barra l-Ingliż u tiffoka aktar fuq pjattaformi inqas magħrufa, bħal Vkontakte, Rumble, Odysee, Gab u Parler, kif ukoll fuq dawk l-iktar magħrufin. Filwaqt li tal-ewwel għandhom udjenzi iżgħar, jafu jkunu inqas trasparenti u jimmiraw b’iżjed faċilità lejn gruppi speċifiċi.
Billi qed jinħolqu networks ġodda l-ħin kollu, u l-użu tagħhom qed isir dejjem iżjed sofistikar (bħal “deep fakes”) u xi applikazzjonijiet jistgħu jintużaw kemm bħala pjattaforma kif ukoll bħala servizz għal messaġġi privati (bħal Telegram), riskji ġodda jridu jiġu indirizzati malli jinstabu. (dm)