Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Turkija

This page is also available in

Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt UE-Turkija ġie stabbilit fl-1995, u l-mandat tiegħu joriġina mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u t-Turkija. Huwa magħmul minn membri tal-KESE u membri li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili) fit-Turkija.

L-għan ewlieni tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt (JCC) huwa li jissorvelja t-triq tat-Turkija lejn l-UE u li jadotta rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Gvern tat-Turkija u lill-istituzzjonijiet tal-UE. Ir-rwol tal-JCC huwa wkoll li jagħti lir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Torok il-possibbiltà li jsiru midħla tal-proċess ta’ konsultazzjoni fl-UE, kif ukoll li jippermetti lir-rappreżentanti mill-UE li jsiru jafu aħjar l-istrutturi soċjali u l-impatt ekonomiku u soċjali tar-riformi fit-Turkija.

Il-JCC jiddiskuti firxa wiesgħa ta’ suġġetti, fosthom il-kooperazzjoni bejn it-Turkija u l-UE f’diversi oqsma bħall-migrazzjoni, l-enerġija, l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju u t-taħriġ vokazzjonali. Suġġetti reċenti tal-laqgħat tal-JCC inkludew it-titjib u l-modernizzazzjoni tal-unjoni doganali bejn l-UE u t-Turkija, disparitajiet reġjonali fit-Turkija, l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà fis-soċjetà, in-nisa u l-impjieg, kif ukoll id-drittijiet tat-trade unions.