European Economic
and Social Committee
Breadcrumb
- Home
- Current: Giuseppe Guerini – L- ekonomija tal-pjattaformi diġitali: fenomenu li qed jespandi b’mod rapidu, li jmur lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni Ewropea stess
Giuseppe Guerini – L- ekonomija tal-pjattaformi diġitali: fenomenu li qed jespandi b’mod rapidu, li jmur lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni Ewropea stess
Giuseppe Guerini – L- ekonomija tal-pjattaformi diġitali: fenomenu li qed jespandi b’mod rapidu, li jmur lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni Ewropea stess
Il-pjattaformi diġitali jibnu “spazju virtwali” fejn iseħħu l-interazzjonijiet u l-iskambji, li huma ħafna aktar minn sempliċi tqabbil bejn il-provvista u d-domanda, li jistgħu jeżerċitaw setgħa ta’ kontroll dejjem aktar irfinuta u influwenza fil-konfront tal-ħaddiema, il-fornituri u l-utenti. Huma wkoll opportunità straordinarja għal innovazzjoni fixkiela, billi joffru servizzi ġodda għall-klijenti u opportunitajiet ġodda ta’ impjieg. Dan huwa possibbli permezz tal-użu ta’ sistemi ta’ tfassil ta’ profili u l-użu estensiv ta’ data, bl-applikazzjoni ta’ sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali u algoritmi determinati minn dawk li jirregolaw il-pjattaformi.
Hekk kif dan il-fenomenu qed jikber, immultiplikaw ukoll il-modi li permezz tagħhom jinħolqu relazzjonijiet ta’ xogħol fuq pjattaformi diġitali: relazzjonijiet ta’ xogħol awtonomu, relazzjonijiet ta’ kollaborazzjoni mhux kontinwi, kuntratti ta’ impjieg individwalizzati. F’dan il-kuntest, il-kooperattivi stabbiliti bejn il-ħaddiema jistgħu jirrappreżentaw strument interessanti biex ikunu iżjed stabbli r-relazzjonijiet ta’ xogħol, karatterizzati minn rwol ewlieni tal-ħaddiema li huma wkoll is-sidien tal-pjattaforma u tal-algoritmi li jħaddmuha.
X’inhi kooperattiva ta’ pjattaforma?
Bil-fatti, hija impriża kooperattiva u mmexxija demokratikament, bl-involviment tal-partijiet interessati, li torganizza l-produzzjoni u l-iskambju ta’ oġġetti u servizzi permezz ta’ infrastruttura tal-IT u protokolli li jinteraġixxu ma’ apparati differenti, kemm fissi kif ukoll mobbli.
Bħal kull kooperattiva, il-kooperattivi ta’ pjattaforma huma proprjetà ta’ u mmexxija minn dawk li huma l-aktar dipendenti fuqhom, f’dan il-każ il-ħaddiema, l-utenti u partijiet interessati oħra. Naturalment, dan isir billi jitqies il-qafas kuntrattwali adatt tal-impjegati tal-kooperattiva, kemm f’każ li dawn jaħdmu bħala impjegati, kif ukoll f’każijiet fejn dawn jiksbu l-istatus ta’ persuni li jaħdmu għal rashom.
Għaldaqstant, huwa importanti li fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għat-tranżizzjoni diġitali jiġu inklużi inizjattivi li jappoġġjaw il-ħolqien ta’ kooperattivi għall-ġestjoni ta’ pjattaformi diġitali, anke bil-għan li tiġi promossa s-sjieda kollettiva tas-servizzi diġitali, tad-data u tal-infrastruttura teknoloġika, biex b’hekk ikun hemm diversifikazzjoni akbar tal-ambjent ekonomiku u l-firxa tad-demokrazija ekonomika, anke fil-kuntest tal-organizzazzjoni diġitali tax-xogħol u tal-impriżi. Peress li, kif inhu spjegat fl-Opinjoni, jeżistu ċerti limiti fuq iċ-ċertezza tad-dritt tal-ħaddiema u tal-konsumaturi li jinteraġixxu fuq il-pjattaformi, huwa importanti li jiġi rikonoxxut minn lat il-funzjoni tad-”djalogu soċjali” u minn lat ieħor, ir-rwol f’dan il-kuntest li jistgħu u għandhom jassumu l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali.
B’din l-Opinjoni l-KESE qed jikkontribwixxi b’mod f’waqtu u b’koerenza għall-proċess tal-Kummissjoni Ewropea lejn ir-regolazzjoni tal-ħaddiema fuq pjattaformi diġitali, iżda anke għad-dibattitu usa’ internazzjonali dwar il-fenomenu tal-pjattaformi kooperattivi, u b’hekk juru li huwa tassew korp attent u kapaċi jirrappreżenta s-soċjetà ċivili u l-partijiet soċjali Ewropej.