Minn meta nibtet l-idea ta’ suq uniku Ewropew fis-snin tmenin, sad-disinn u t-tnedija tiegħu fil-bidu tas-snin disgħin seħħew ħafna bidliet storiċi fil-kontinent tagħna u lil hinn minnu. Minn dak iż-żmien ’il hawn, id-daqs u l-għadd ta’ membri tal-UE rduppjaw u l-UE ffaċċjat kriżijiet u kunflitti, kif ukoll sfidi naturali, ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi.

Maż-żmien is-sitwazzjoni ġeopolitika nbidlet b’mod drammatiku wkoll. Fl-Asja ħarġet fid-dieher superpotenza ġdida li saret rivali sistemika għall-UE f’ħafna livelli. Matul is-snin, il-prinċipji tas-suq intern, jiġifieri l-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-kapital u tal-ħaddiema, tejbu l-prestazzjoni ekonomika tal-UE. Madankollu, is-suq uniku għadu ’l bogħod milli jkun perfett.

L-implimentazzjoni tar-regoli maqbula b’mod komuni hija pjuttost frammentata, ir-rekwiżiti amministrattivi mmultiplikaw u l-kapaċità ta’ sorveljanza tas-suq hija estremament limitata. Barra minn hekk, bħalissa s-suq intern qed jiffaċċja għanijiet konfliġġenti: talbiet għal sussidji mill-industrija iżda wkoll minn atturi oħra fil-livell nazzjonali kontra sejħiet biex tiġi limitata l-għajnuna mill-Istat u jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha; rekwiżiti biex il-produzzjoni lokali żżomm il-ħolqien ta’ valur u l-impjiegi fl-Ewropa kontra talbiet għal swieq miftuħa u aċċess għalihom bħala mod kif jibqgħu kostkompetittivi fir-rigward tal-kompetituri globali u biex il-konsumaturi jiġu pprovduti bi prodotti affordabbli; aċċess għal materja kritika indispensabbli għall-produzzjoni ta’ beni, mill-karozzi sat-turbini eoliċi jew il-pannelli solari u t-tagħmir tal-kċejjen jew tal-ġonna, kontra l-kundizzjonijiet tal-provvista ta’ dawn ir-riżorsi, bħall-garanzija tal-istandards tax-xogħol u dawk ambjentali u l-indirizzar tal-kompetituri għal dawn ir-riżorsi.

Il-ftuħ tas-swieq u l-fruntieri tal-UE, aspett ewlieni li fuqu huwa bbażat il-ħsieb oriġinali tas-suq uniku, mhuwiex biżżejjed f’dinja li m’għadhiex tirrispetta regoli kummerċjali internazzjonali maqbula b’mod multilaterali. Fil-fatt, hemm ir-riskju li dan isir punt dgħajjef għall-UE jekk ma jkunx mgħammar b’ċerti salvagwardji, bħal sorveljanza stretta tal-kwalità u s-sikurezza tal-prodotti li jidħlu fis-suq tal-UE jew l-iskrinjar tal-investimenti u l-objettivi relatati mill-investituri. F’dinja li qed titbiegħed minn sistemi multilaterali bbażati fuq ir-regoli lejn stati li jirristrinġu jew jillimitaw l-aċċess għar-riżorsi abbażi tal-interessi nazzjonali tagħhom, l-ekonomija tal-globalizzazzjoni u tal-ktajjen ta’ provvista li jkunu integrati internazzjonalment m’għadhiex tiffunzjona.

Għaldaqstant, suq intern ibbażat fuq dawn ir-regoli jeħtieġ strateġija ġdida. Din għandha tiffoka fuq diversi aspetti: politika industrijali Ewropea, qafas favorevoli għan-negozji u l-SMEs, intrapriżi tal-ekonomija soċjali, appoġġ pubbliku għall-proġett Ewropew, servizzi organizzati tajjeb u effiċjenti ta’ interess ġenerali u passi biex jiġi ppreservat u żviluppat il-mudell soċjali tagħna.

Fil-fehma tal-KESE, it-tlestija tas-suq kapitali tal-UE hija kruċjali għall-approfondiment tas-suq intern. Is-suq kapitali għandu jiġi ffukat fuq il-finanzjament tal-produzzjoni, ix-xiri u l-fluss ta’ oġġetti u servizzi, b’mod partikolari billi jappoġġja r-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni tal-intrapriżi u s-servizzi ta’ interess ġenerali u jħeġġeġ l-intraprenditorija.

Barra minn hekk, għandha tingħata prijorità lill-politiki li jipprovdu qafas għall-innovazzjoni minn kumpaniji privati u li jippromovu l-innovazzjoni permezz tal-aċċess għall-kapital ta’ riskju u l-kooperazzjoni bejn l-industrija u x-xjenza. L-infurzar tal-acquis għandu jkun prijorità ulterjuri għat-tisħiħ tas-suq intern. Sfortunatament, ħafna minn dawn ir-regoli ma ġewx trasposti fil-liġi nazzjonali, huma implimentati b’mod differenti ħafna, jew huma applikati fi gradi differenti ħafna. Dan huwa ostaklu serju u sostanzjali għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.