Skip to main content
Newsletter Info

KESE info

European Economic and Social Committee A bridge between Europe and organised civil society

Jannar 2024 | MT

GENERATE NEWSLETTER PDF

Lingwi Disponibbli:

  • BG
  • CS
  • DA
  • DE
  • EL
  • EN
  • ES
  • ET
  • FI
  • FR
  • HR
  • HU
  • IT
  • LT
  • LV
  • MT
  • NL
  • PL
  • PT
  • RO
  • SK
  • SL
  • SV
Editorjal

Inħaddnu l-Bidla u Ninnavigaw l-Isfidi fl-2024

Għeżież qarrejja,

L-2024 se tkun is-sena tal-bidla, mhux biss fl-Ewropa iżda madwar id-dinja. Hekk kif qed iħejju għall-akbar eżerċizzju demokratiku ta’ dan il-kontinent, l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju, elezzjonijiet nazzjonali jew presidenzjali ser isiru f’aktar minn 50 pajjiż madwar id-dinja, fosthom l-Istati Uniti. Il-kostellazzjonijiet politiċi se jinbidlu, se jitfasslu mogħdijiet ġodda.

Read more in all languages

Għeżież qarrejja,

L-2024 se tkun is-sena tal-bidla, mhux biss fl-Ewropa iżda madwar id-dinja. Hekk kif qed inħejju għall-akbar eżerċizzju demokratiku ta’ dan il-kontinent, l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju, elezzjonijiet nazzjonali jew presidenzjali ser isiru f’aktar minn 50 pajjiż madwar id-dinja, fosthom l-Istati Uniti. Il-kostellazzjonijiet politiċi se jinbidlu, se jitfasslu mogħdijiet ġodda.

Għall-UE, l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew se jkunu test reali tal-fiduċja taċ-ċittadini. Iffaċċjajna sfidi bla preċedent f’dawn l-aħħar snin, u se tkun ir-rieda taċ-ċittadini Ewropej li jgħidulna jekk l-UE għaddietx mit-test. Peress li l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali huma l-ogħla prijorità għaċ-ċittadini tal-UE, nistenna li l-Unjoni tagħna mhux se tkun qiegħda tbaħħar bla xkiel. L-inflazzjoni, in-nuqqas ta’ sigurtà fl-impjiegi, u n-nuqqas ġenerali ta’ stabbiltà ekonomika joħolqu art fertili biex tinżera l-biża’, u jiġu alimentati narrattivi populisti u estremisti.

Għalkemm dan mhux se jkun kompitu faċli, l-UE tista’ twaqqaf din ix-xejra. Jeħtieġ li nibdew ninvolvu ruħna mal-votanti, inħalluhom jitkellmu u nsemmgħu leħinhom. F’dan il-kuntest, ninsab kburi li qed inħabbar l-ewwel Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE (4-8 ta’ Marzu), fejn ċittadini minn madwar l-Ewropa, kemm żgħażagħ kif ukoll anzjani, se jidħlu fi djalogu u jifformulaw messaġġi għaċ-ċiklu li jmiss ta’ mexxejja tal-UE fil-Kummissjoni Ewropea l-ġdida u l-Parlament il-ġdid.

L-UE se jkollha bżonn ukoll tinnaviga sfidi ġodda. Id-Deċiżjoni storika reċenti tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru biex jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni mal-Ukrajna u l-Moldova, u li jingħata status ta’ kandidat lill-Georgia, indikat fażi kruċjali għat-tkabbir. Il-ballun jinsab f’saqajn il-pajjiżi kandidati biex iwettqu r-riformi meħtieġa, iżda l-mexxejja tal-UE impenjaw ruħhom ukoll li jindirizzaw ir-riformi interni, b’konklużjonijiet mistennija fis-sajf tal-2024. Mill-perspettiva tal-KESE, qed navvanzaw il-kawża permezz ta’ integrazzjoni progressiva tal-“Membri Kandidati tat-Tkabbir” fil-ħidma tagħna, li se jikkontribwixxu għall-abbozzar tal-Opinjonijiet tagħna u jipparteċipaw fis-sessjonijiet plenarji. Wara t-tnedija ta’ sejħa, ninsabu fil-proċess li nagħżlu l-membri l-ġodda, u ser inniedu l-ħidma tagħhom matul is-sessjoni plenarja tal-KESE tax-xahar li jmiss.

Dan kollu se jseħħ taħt is-superviżjoni tal-Presidenza Belġjana tal-UE, li għandha l-kompitu li tagħlaq il-fajls leġiżlattivi u tħejji għall-elezzjonijiet tal-PE. Għal dawk li tilfu l-prijoritajiet tal-Presidenza Belġjana, ingħaqdu magħna għas-Sessjoni Plenarja tagħna ta’ Jannar.

Hekk kif nibdew il-vjaġġ tal-2024, huwa importanti li niftakru li l-bidla mhijiex ostaklu, iżda opportunità biex nikbru. Din hija opportunità biex insawru n-narrattivi u naħdmu biex ikollna Ewropa aktar b’saħħitha u aktar magħquda.

Oliver Röpke

Il-President tal-KESE

Dati tad-Djarju

14-15 ta’ Frar 2024

Sessjoni plenarja tal-KESE

4-7 ta’ Marzu 2024

Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili

Dritt għall-punt

Fil-parti Dritt għall-punt, Sandra Parthie, membru tal-KESE, President tas-Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum u relatur tal-Opinjoni, tissottolinja l-proposti tal-Kumitat għall-Istrateġija Ewropea Ġdida għas-Suq Intern, li għandha tiġi adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Jannar.

Read more in all languages

Fil-parti Dritt għall-punt, Sandra Parthie, membru tal-KESE, President tas-Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum u relatur tal-Opinjoni, tissottolinja l-proposti tal-Kumitat għall-Istrateġija Ewropea Ġdida għas-Suq Intern, li għandha tiġi adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Jannar.

Sandra Parthie: It-Tfassil ta’ Strateġija Ewropea Ġdida għas-Suq Intern

Minn meta nibtet l-idea ta’ suq uniku Ewropew fis-snin tmenin, sad-disinn u t-tnedija tiegħu fil-bidu tas-snin disgħin seħħew ħafna bidliet storiċi fil-kontinent tagħna u lil hinn minnu. Minn dak iż-żmien ’il hawn, id-daqs u l-għadd ta’ membri tal-UE rduppjaw u l-UE ffaċċjat kriżijiet u kunflitti, kif ukoll sfidi naturali, ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi.

Read more in all languages

Minn meta nibtet l-idea ta’ suq uniku Ewropew fis-snin tmenin, sad-disinn u t-tnedija tiegħu fil-bidu tas-snin disgħin seħħew ħafna bidliet storiċi fil-kontinent tagħna u lil hinn minnu. Minn dak iż-żmien ’il hawn, id-daqs u l-għadd ta’ membri tal-UE rduppjaw u l-UE ffaċċjat kriżijiet u kunflitti, kif ukoll sfidi naturali, ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi.

Maż-żmien is-sitwazzjoni ġeopolitika nbidlet b’mod drammatiku wkoll. Fl-Asja ħarġet fid-dieher superpotenza ġdida li saret rivali sistemika għall-UE f’ħafna livelli. Matul is-snin, il-prinċipji tas-suq intern, jiġifieri l-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-kapital u tal-ħaddiema, tejbu l-prestazzjoni ekonomika tal-UE. Madankollu, is-suq uniku għadu ’l bogħod milli jkun perfett.

L-implimentazzjoni tar-regoli maqbula b’mod komuni hija pjuttost frammentata, ir-rekwiżiti amministrattivi mmultiplikaw u l-kapaċità ta’ sorveljanza tas-suq hija estremament limitata. Barra minn hekk, bħalissa s-suq intern qed jiffaċċja għanijiet konfliġġenti: talbiet għal sussidji mill-industrija iżda wkoll minn atturi oħra fil-livell nazzjonali kontra sejħiet biex tiġi limitata l-għajnuna mill-Istat u jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha; rekwiżiti biex il-produzzjoni lokali żżomm il-ħolqien ta’ valur u l-impjiegi fl-Ewropa kontra talbiet għal swieq miftuħa u aċċess għalihom bħala mod kif jibqgħu kostkompetittivi fir-rigward tal-kompetituri globali u biex il-konsumaturi jiġu pprovduti bi prodotti affordabbli; aċċess għal materja kritika indispensabbli għall-produzzjoni ta’ beni, mill-karozzi sat-turbini eoliċi jew il-pannelli solari u t-tagħmir tal-kċejjen jew tal-ġonna, kontra l-kundizzjonijiet tal-provvista ta’ dawn ir-riżorsi, bħall-garanzija tal-istandards tax-xogħol u dawk ambjentali u l-indirizzar tal-kompetituri għal dawn ir-riżorsi.

Il-ftuħ tas-swieq u l-fruntieri tal-UE, aspett ewlieni li fuqu huwa bbażat il-ħsieb oriġinali tas-suq uniku, mhuwiex biżżejjed f’dinja li m’għadhiex tirrispetta regoli kummerċjali internazzjonali maqbula b’mod multilaterali. Fil-fatt, hemm ir-riskju li dan isir punt dgħajjef għall-UE jekk ma jkunx mgħammar b’ċerti salvagwardji, bħal sorveljanza stretta tal-kwalità u s-sikurezza tal-prodotti li jidħlu fis-suq tal-UE jew l-iskrinjar tal-investimenti u l-objettivi relatati mill-investituri. F’dinja li qed titbiegħed minn sistemi multilaterali bbażati fuq ir-regoli lejn stati li jirristrinġu jew jillimitaw l-aċċess għar-riżorsi abbażi tal-interessi nazzjonali tagħhom, l-ekonomija tal-globalizzazzjoni u tal-ktajjen ta’ provvista li jkunu integrati internazzjonalment m’għadhiex tiffunzjona.

Għaldaqstant, suq intern ibbażat fuq dawn ir-regoli jeħtieġ strateġija ġdida. Din għandha tiffoka fuq diversi aspetti: politika industrijali Ewropea, qafas favorevoli għan-negozji u l-SMEs, intrapriżi tal-ekonomija soċjali, appoġġ pubbliku għall-proġett Ewropew, servizzi organizzati tajjeb u effiċjenti ta’ interess ġenerali u passi biex jiġi ppreservat u żviluppat il-mudell soċjali tagħna.

Fil-fehma tal-KESE, it-tlestija tas-suq kapitali tal-UE hija kruċjali għall-approfondiment tas-suq intern. Is-suq kapitali għandu jiġi ffukat fuq il-finanzjament tal-produzzjoni, ix-xiri u l-fluss ta’ oġġetti u servizzi, b’mod partikolari billi jappoġġja r-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni tal-intrapriżi u s-servizzi ta’ interess ġenerali u jħeġġeġ l-intraprenditorija.

Barra minn hekk, għandha tingħata prijorità lill-politiki li jipprovdu qafas għall-innovazzjoni minn kumpaniji privati u li jippromovu l-innovazzjoni permezz tal-aċċess għall-kapital ta’ riskju u l-kooperazzjoni bejn l-industrija u x-xjenza. L-infurzar tal-acquis għandu jkun prijorità ulterjuri għat-tisħiħ tas-suq intern. Sfortunatament, ħafna minn dawn ir-regoli ma ġewx trasposti fil-liġi nazzjonali, huma implimentati b’mod differenti ħafna, jew huma applikati fi gradi differenti ħafna. Dan huwa ostaklu serju u sostanzjali għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

Mistoqsija lil ...

Fir-rubrika Mistoqsija lil..., il-membru tal-KESE Stoyan Tchoukanov wieġeb il-mistoqsija dwar l-Opinjoni tiegħu li ġiet adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Jannar. Mistoqsija tal-KESE: Inti r-relatur tal-Opinjoni dwar Il-promozzjoni tal-produzzjoni awtonoma u sostenibbli tal-ikel: strateġiji għall-Politika Agrikola Komuni wara l-2027. X’inhuma l-proposti tal-Kumitat fl-Opinjoni tiegħu, b’mod partikolari dwar il-PAK wara l-2027 fir-rigward tal-produzzjoni sostenibbli tal-ikel?

Read more in all languages

Taħt it-titlu Mistoqsija lil..., il-membru tal-KESE Stoyan Tchoukanov wieġeb il-mistoqsija dwar l-Opinjoni tiegħu li ġiet adottata fis-sessjoni plenarja ta’ Jannar.

Mistoqsija tal-KESE: “Inti r-relatur tal-Opinjoni dwar Il-promozzjoni tal-produzzjoni awtonoma u sostenibbli tal-ikel: strateġiji għall-Politika Agrikola Komuni wara l-2027. X’inhuma l-proposti tal-Kumitat fl-Opinjoni tiegħu, b’mod partikolari dwar il-PAK wara l-2027 fir-rigward tal-produzzjoni sostenibbli tal-ikel?

Stoyan Tchoukanov: Liema direzzjoni għandha tieħu l-politika agrikola komuni wara l-2027?

Inti r-relatur tal-Opinjoni dwar Il-promozzjoni tal-produzzjoni awtonoma u sostenibbli tal-ikel: strateġiji għall-Politika Agrikola Komuni wara l-2027. X’inhuma l-proposti tal-Kumitat fl-Opinjoni tiegħu, b’mod partikolari dwar il-PAK wara l-2027 fir-rigward tal-produzzjoni sostenibbli tal-ikel?

Read more in all languages

Inti r-relatur tal-Opinjoni dwar Il-promozzjoni tal-produzzjoni awtonoma u sostenibbli tal-ikel: strateġiji għall-Politika Agrikola Komuni wara l-2027. X’inhuma l-proposti tal-Kumitat fl-Opinjoni tiegħu, b’mod partikolari dwar il-PAK wara l-2027 fir-rigward tal-produzzjoni sostenibbli tal-ikel?

Stoyan Tchoukanov: Il-PAK għamlitha possibbli li l-Unjoni Ewropea tassigura provvista stabbli tal-ikel bi kwalità għolja li dejjem qed tidied għall-popolazzjoni tagħha li dejjem qed tikber, waqt li żżomm mudell tal-biedja mill-familji. F’dawn l-aħħar 65 sena, il-politika evolviet, iżda għad hemm ħafna kritika tat-tliet dimensjonijiet tas-sostenibbiltà tal-verżjoni l-ġdida li daħlet fis-seħħ fl-2021.

Quddiem sfidi ġodda, issa aktar minn qatt qabel, neħtieġu qafas ta’ politika stabbli fit-tul immirat lejn il-produzzjoni sostenibbli tal-ikel u awtonomija strateġika miftuħa għall-Unjoni Ewropea. Dan għandu jimxi id f’id mal-protezzjoni tad-diversità tat-tipi ta’ biedja fl-UE u r-rispons għall-ħtiġijiet soċjetali u ekoloġiċi (“fondi pubbliċi għall-beni pubbliċi”), filwaqt li jiġi żgurat l-iżvilupp rurali.

Il-politiki ambjentali u klimatiċi m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala piż fl-irkupru mill-kriżi attwali, iżda pjuttost bħala parti mis-soluzzjonijiet fit-tul u l-linji gwida għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-futur. L-aħħar riforma saħħet il-prinċipju li kull ettaru appoġġjat irid ipatti billi jipprovdi servizzi ambjentali lis-soċjetà.

Madankollu, il-finanzjament uniformi għal kull ettaru ma jirriflettix ir-realtà ekoloġika jew l-appoġġ ġust minn perspettiva soċjali. Aħna nemmnu li l-PAK li jmiss għandha taħdem iktar f’dan ir-rigward, billi ssaħħaħ ir-rekwiżiti ambjentali u soċjali li għandhom jiġu ppremjati u ssalvagwardjati kif imiss mill-kompetizzjoni inġusta.

Għalhekk, il-pagamenti skont is-superfiċje għandhom jingħataw skop ġdid u jkunu mmirati bħala inċentivi minflok bħala kumpens għas-servizzi ta’ benefiċċju, b’perjodu ta’ tranżizzjoni raġonevoli li jista’ jmur lil hinn minn perjodu ta’ Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) wieħed.

L-azjendi agrikoli żgħar tal-familja għandu jkollhom l-opportunità li jagħżlu li jżommu appoġġ għall-introjtu bbażat fuq il-pagamenti skont is-superfiċje u l-unitajiet tax-xogħol fl-azjenda agrikola, waqt li l-Istati Membri jitħallew jiddefinixxu l-kriterji fil-pjani strateġiċi. Sabiex ma jkomplix jonqos l-għadd ta’ azjendi agrikoli fl-UE minħabba n-nuqqas ta’ tiġdid ġenerazzjonali, jeħtieġ li tittieħed azzjoni rigward it-tisħiħ tal-qligħ medju mill-biedja, l-aċċess għall-art (permezz ta’ għotjiet ta’ investiment, kreditu preferenzjali, leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-trasferiment tal-art), il-kundizzjonijiet ta’ investiment favorevoli taħt it-tieni pilastru (li jġibu flus privati addizzjonali), it-titjib tal-ħiliet (tal-bdiewa, tal-ħaddiema tal-azjendi agrikoli, u tal-konsulenti), it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, it-titjib tal-prospetti fit-tul għall-bdiewa (pensjonijiet, eċċ.) kif ukoll l-attraenza ġenerali taż-żoni rurali.

Il-PAK trid tikkontribwixxi lejn il-promozzjoni tad-domanda tal-konsumatur fl-UE għal dieti iktar tajbin għas-saħħa u iktar sostenibbli (prodotti organiċi, staġjonali, lokali), tnaqqas il-ħela tal-ikel, u tirregola s-swieq tal-ikel biex b’hekk tindirizza l-finanzjalizzazzjoni tas-settur tal-ikel li tikkawża spekulazzjoni severa, peress li qed isiru profitti kbar mentri l-Ewropej qed ibatu biex ilaħħqu maż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel. Iż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u r-riskji ta’ tfixkil fil-provvista tal-enerġija u tal-fertilizzanti huma parti min-normalità l-ġdida, u l-PAK għandha tikkunsidra l-inklużjoni ta’ komponenti kontroċikliċi u tipprovdi skemi ta’ appoġġ għall-investiment iddedikati għat-titjib fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-livell tal-azjendi agrikoli u fil-livell lokali fiż-żoni rurali.

Fl-Opinjoni tagħna nissuġġerixxu li l-Kummissjoni tikkunsidra r-rinfurzar ta’ skemi ta’ assigurazzjoni tas-sħubija pubblika/privata – li huma voluntarji fl-Istati Membri individwali – fl-istrumenti tal-PAK wara l-2027 bħala rispons għall-konsegwenzi tal-kundizzjonijiet klimatiċi estremi. Fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2024 u t-tkabbir futur tal-UE, il-KESE jqis din l-Opinjoni bħala opportunità biex jiġu stabbiliti xi kunsiderazzjonijiet/linji gwida/proposti mis-soċjetà ċivili organizzata dwar il-forma u d-direzzjoni ġdida tal-PAK wara l-2027 bil-għan li tinkiseb produzzjoni awtonoma u sostenibbli tal-ikel fi ħdan politika dwar l-ikel iktar olistika u komprensiva. L-għan huwa li jingħata kontribut għall-proposta tal-Kummissjoni għall-PAK li jmiss billi jiġu enfasizzati l-ħtiġijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-aspettattivi tas-soċjetà.

Tribute to Jacques Delors

B’tifkira ta’ Jacques Delors, Eks President tal-Kummissjoni Ewropea

Jacques Delors miet fis-27 ta’ Diċembru li għadda. Kien President tal-Kummissjoni Ewropea mill-1985 sal-1995 u Eks Ministru għall-Finanzi fil-Gvern ta’ François Mitterrand mill-1981 sal-1985. Sébastien Maillard, Eks Direttur u l-konsulent speċjali attwali tal-Istitut Delors f’Pariġi, kif ukoll eks korrispondent tal-UE fi Brussell, tah ġieħ kbir.

Read more in all languages

Jacques Delors miet fis-27 ta’ Diċembru li għadda. Kien President tal-Kummissjoni Ewropea mill-1985 sal-1995 u Eks Ministru għall-Finanzi fil-Gvern ta’ François Mitterrand mill-1981 sal-1985.

Sébastien Maillard, Eks Direttur u l-konsulent speċjali attwali tal-Istitut Delors f’Pariġi, kif ukoll eks korrispondent tal-UE fi Brussell, tah ġieħ kbir.

Lorenzo Consoli, wieħed mill-aktar ġurnalisti magħrufa fl-Ewropa, min-naħa tiegħu qasam mal-qarrejja tal-KESE Info l-memorji tiegħu tal-President Jacques Delors.

Lorenzo Consoli, ġurnalist Taljan u korrispondent Ewropew sa mill-1991, huwa wieħed mill-ispeċjalisti bl-aktar esperjenza fil-qasam tal-politika Ewropea u jaħdem b’mod partikolari għall-aġenzija Taljana tal-aħbarijiet Askanews. Huwa kien President tal-Assoċjazzjoni tal-Istampa Internazzjonali (API) ta’ Brussell mill-2006 sal-2010 u professur mistieden fil-qafas tal-programm tal-Master Eżekuttiv fil-Ġurnaliżmu Ewropew u l-Komunikazzjoni fl-IHECS fi Brussell. (ehp)

Jacques Delors, ir-raġel tal-azzjoni kollettiva

Jacques Delors ħalla din id-dinja wara ħajja twila ta’ impenn produttiv li kellu impatt dejjiemi. Huwa kkontribwixxa direttament għall-bini ta’ kapitoli sħaħ tal-proġett Ewropew kif nafuh illum: is-suq uniku, iż-żona Schengen, l-Erasmus, l-ewro, il-fondi ta’ koeżjoni. Wara l-kisba Ewropea, hemm l-etika tal-azzjoni.

Read more in all languages

Jacques Delors ħalla din id-dinja wara ħajja twila ta’ impenn produttiv li kellu impatt dejjiemi. Huwa kkontribwixxa direttament għall-bini ta’ kapitoli sħaħ tal-proġett Ewropew kif nafuh illum: is-suq uniku, iż-żona Schengen, l-Erasmus, l-ewro, il-fondi ta’ koeżjoni. Wara l-kisba Ewropea, hemm l-etika tal-azzjoni.

Jacques Delors ta ċertu sens ta’ nobbiltà lill-involviment pubbliku. Fil-ħidma tiegħu fil-komunità, dik trejdjunjonistika u aktar tard fil-politika, l-attivist, kif kien jippreferi jiddefinixxi b’mod umli lilu nnifsu, ispira ruħu b’mod partikolari mill-ħsibijiet personali ta’ Emmanuel Mounier. Huwa kien Kristjan devot b’mod diskret, u kien jara lil kull persuna bħala individwu uniku parti minn network ta’ rabtiet soċjali li huwa kien jaf kien għandhom jiġu mobilizzati sabiex tittieħed azzjoni fuq skala kbira.

Imħasseb dwar iż-żieda tal-individwaliżmu, is-soċjaldemokratiku emmen fl-involviment fis-soċjetà, fejn kulħadd jista’ jagħti sehmu għall-ġid komuni. Ismu għadu marbut b’mod inseparabbli mal-konsultazzjoni, mal-ġestjoni konġunta, mal-kolleġġjalità u ma’ forom oħra ta’ azzjoni kollettiva, li huwa ppromova u sostna. Huwa għalhekk li huwa ta importanza kbira lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, li huwa għen biex jinħolqu. Huwa kien jirrispetta l-korpi intermedjarji u kien jemmen fi djalogu soċjali sinċier, fl-ispirtu ta’ kompromess.

Huwa pprattika dan fil-livell Ewropew. Huwa estedna dan ukoll għad-djalogu mar-reliġjonijiet. Delors ma kienx bniedem tal-providenza. Għalkemm huwa kien bniedem li għallem lil nnifsu, huwa qatt ma qies ruħu bħala persuna li bdiet mix-xejn iżda bħala persuna li tfasslet minn oħrajn u flimkien ma’ oħrajn, u permezz tal-azzjoni. Il-mod kif huwa kien jaħseb kien il-ħin kollu jevovli skont il-feedback minn azzjoni f’ċirku vizzjuż. Għalkemm Delors kien raġel ta’ prinċipji u twemmin fl-għeruq tal-fidi b’saħħitha tiegħu, huwa ma kienx marbut mal-ideoloġija truxa. Peress li huwa kien jara biċ-ċar ir-realtajiet, jifhem is-sitwazzjonijiet u jirrispetta t-tradizzjonijiet nazzjonali, huwa seta’ jsib it-triq ’il quddiem.

Għalih, ir-realtà kienet tiġi qabel l-idea, u kien jagħraf kif ifassal it-triq ’il quddiem meta ċ-ċirkostanzi kienu jesiġu dan. Għalhekk, huwa għaraf li jikkunsidra l-idea ta’ munita unika, u jappoġġja mill-bidu nett ir-riunifikazzjoni tal-Ġermanja, li kienet saret inevitabbli wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin. Ċertament, id-dinja u t-taqlib attwali m’għadhomx l-istess bħal dawk li l-Ewropa kienet għaddejja minnhom fi żmien Delors. Il-kisbiet tiegħu, bħas-suq intern, iridu jiġu adattati u integrati biex jilqgħu għas-setgħat tat-theddid. Madankollu, huma jipprovdu l-bażi għall-azzjoni tal-lum. U l-approċċ tiegħu ta’ kif jinkorpora u jara biċ-ċar ir-realtajiet, filwaqt li jemmen bis-sħiħ fil-prinċipji u jibqa’ miftuħ għall-kompromess sabiex tinstab it-triq ’il quddiem flimkien, għandu jerġa’ jintuża mill-mexxejja Ewropej.

Sébastien Maillard, eks direttur (2017-2023) u kunsillier speċjali tal-Istitut Jacques Delors.

Lorenzo Consoli: Il-kobor u t-tmiem ta’ Jacques Delors

Jacques Delors, li ħalliena fis-27 ta’ Diċembru 2023, se jibqa’ mfakkar bħala l-akbar President tal-Kummissjoni Ewropea, l-aktar President effettiv, viżjonarju u jħares ’il quddiem, u “missier fundatur” ta’ Ewropa magħquda, bħal kif kienu Jean Monnet u Robert Schuman ħafna qablu.

Read more in all languages

Jacques Delors, li ħalliena fis-27 ta’ Diċembru 2023, se jibqa’ mfakkar bħala l-akbar President tal-Kummissjoni Ewropea, l-aktar President effettiv, viżjonarju u jħares ’il quddiem, u “missier fundatur” ta’ Ewropa magħquda, bħal kif kienu Jean Monnet u Robert Schuman ħafna qablu.

Qablu, il-President tal-Kummissjoni Ewropea ftit li xejn kien aktar minn uffiċjal Ewropew; kien hu li ta lil dan ir-rwol l-istatus, li mbagħad ġie rikonoxxut universalment, ta’ kap ta’ stat jew ta’ gvern. Matul il-mandat ta’ għaxar snin tiegħu, mill-1985 sal-1995, bis-saħħa wkoll tal-appoġġ tal-Kanċillier Ġermaniż Helmut Kohl u l-President Franċiż François Mitterrand, mexxa ’l quddiem b’mod qawwi u deċiżiv il-proċess tal-integrazzjoni Ewropea. Mill-ewwel beda billi tah ħajja ġdida bil-għan li jittrasforma s-suq komuni, abbażi tal-unjoni doganali, f’suq uniku ġenwin sal-1992. Imbagħad, hekk kif is-suq uniku kien għadu qed jinbena, nieda l-proġett il-kbir l-ieħor tiegħu – l-Unjoni Monetarja – waqt li fl-istess ħin ħadem fuq it-twessigħ tal-kompetenzi Komunitarji permezz tat-Trattat ta’ Maastricht li stabbilixxa l-Unjoni Ewropea.

Għall-ewwel darba, indirizza wkoll “id-defiċit demokratiku” tal-Unjoni, billi ppropona, u kiseb, aktar setgħat għall-Parlament Ewropew, l-ewwel permezz tal-proċedura ta’ kooperazzjoni (prevista fl-Att Uniku Ewropew), imbagħad b’dik ta’ kodeċiżjoni (li bdiet bir-riforma ta’ Maastricht), biex fl-aħħar l-Assemblea ta’ Strażburgu ngħatat rwol ġenwin ta’ koleġiżlatur fi kwistjonijiet soġġetti għal deċiżjoni b’maġġoranza kwalifikata fi ħdan il-Kunsill.

Il-perkors lejn l-objettiv strateġiku tas-suq uniku tnieda permezz ta’ żewġ dokumenti: ir-Rapport dwar il-Kost tan-Non-Ewropa, li ħareġ fid-dieher il-benefiċċji ekonomiċi tat-tneħħija tal-ostakli regolatorji interni li kien għad fadal, u l-ewwel White Paper li identifikat il-miżuri leġiżlattivi kollha (madwar 200) meħtieġa biex dawn l-ostakli jiġu eliminati.

Sa mill-bidu nett, Delors identifika t-tisħiħ tal-mekkaniżmi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u tal-istituzzjonijiet Ewropej bħala l-għodda essenzjali għat-twettiq tal-proġett. Għalhekk, ippropona l-Att Uniku Ewropew bħala l-ewwel riforma ġenwina tat-Trattat ta’ Ruma tal-1957 li stabbilixxa l-Komunitajiet Ewropej (is-suq komuni u l-Euratom), u kkonvinċa lill-Istati Membri japprovawh (1987).

Wara dan, Delors qeda rwol essenzjali fid-definizzjoni mill-ġdid tal-qafas finanzjarju Komunitarju, b’żieda sinifikanti fir-riżorsi baġitarji għal 1,20 % tal-PDG totali tal-Istati Membri bis-saħħa tal-Pakkett Delors I (1988-92) u għal 1,27 % bil-Pakkett Delors II (1993-99), u b’żieda sostanzjali fil-fondi għall-koeżjoni ekonomika u soċjali (politiki reġjonali u strutturali), li kienet kontroparti neċessarja għall-unifikazzjoni tas-suq intern. Iżda, l-aktar ħaġa importanti kienet il-bidla sistemika li seħħet fil-qafas tal-baġit Komunitarju peress li mad-dħul fis-seħħ taż-żewġ pakketti Delors ma baqax baġit annwali iżda sar baġit fuq perjodu medju (7 snin).

B’hekk, ġew evitati negozjati finanzjarji fit-tul bejn l-Istati Membri li ta’ kull sena kienu jtawlu b’diversi xhur l-ħidma tal-istituzzjonijiet Ewropej. Element ewlieni ieħor introdott minn Delors fil-politiki Ewropej kien l-enfasi fuq id-dimensjoni soċjali (kien hu li, fost l-oħrajn, nieda “djalogu soċjali” bejn in-negozji, it-trade unions u l-istituzzjonijiet Ewropej). Madankollu, il-programm soċjali tiegħu, li pprovda wkoll għall-armonizzazzjoni tal-istrumenti li jipproteġu lill-ħaddiema f’każ ta’ kriżi u intiżi biex imorru kontra l-pressjoni tar-rilokazzjoni tal-attivitajiet ta’ produzzjoni, kellu jkun wieħed mill-proġetti inkompluti tiegħu.

L-aktar telfa iebsa tiegħu, madankollu, kienet it-tieni White Paper dwar it-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività, li tnediet b’mod grandjuż fl-1993 bħala l-aħħar proġett kbir tal-mandat tiegħu. Din kienet proposta biex titnieda mill-ġdid u tingħata spinta lill-ekonomija (li kellha tiġi ffinanzjata b’EUR 20 biljun fuq perjodu ta’ 20 sena) abbażi, fost l-oħrajn, ta’ ħruġ ta’ dejn komuni (EUR 8 biljun fis-sena) u kontribuzzjonijiet mill-baġit Komunitarju u self mill-Bank Ewropew tal-Investiment. L-għan kien li jiġi appoġġjat il-bini tal-infrastruttura tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni u għadd ta’ inizjattivi ekonomiċi u soċjali oħra (essenzjalment huwa antiċipa n-NextGenerationEU li ġie stabbilit 20 sena wara b’reazzjoni għall-kriżi pandemika).

Għall-ewwel, il-pjan tiegħu intlaqa’ mill-Kunsill Ewropew, iżda wara ġie kkritikat u abbandunat mill-Ministri għall-Finanzi tal-UE. Id-deċennju ta’ Jacques Delors qabad in-niżla, hekk kif inqalbet il-paġna u ġie akkużat b’ambizzjoni eċċessiva, Ġakobiżmu ċentralizzat, u regolamentazzjoni esaġerata. Madankollu, xi wħud mill-ideat tiegħu ġew adottati aktar tard, bħan-Networks Trans-Ewropej u l-Istrument SURE għall-appoġġ tal-iskemi ta’ qgħad temporanju matul il-kriżi tal-COVID-19.

Aħbarijiet tal-KESE

Il-Ġubilew tal-KESE: l-UE teħtieġ saħansitra aktar djalogu soċjali

Il-KESE huwa storja ta’ suċċess, iżda l-Unjoni Ewropea teħtieġ tagħmel sforz saħansitra aktar b’saħħtu biex tkompli bil-kuntratt soċjali tagħha, is-solidarjetà, ekonomija ġusta u l-inklużività. Dan huwa l-muftieħ biex jiġu ppreservati l-valuri Ewropej tagħha.

Read more in all languages

Il-KESE huwa storja ta’ suċċess, iżda l-Unjoni Ewropea teħtieġ tagħmel sforz saħansitra aktar b’saħħtu biex tkompli bil-kuntratt soċjali tagħha, is-solidarjetà, ekonomija ġusta u l-inklużività. Dan huwa l-muftieħ biex jiġu ppreservati l-valuri Ewropej tagħha.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ġie stabbilit mit-Trattat ta’ Ruma (iffirmat f’Marzu 1957) u kellu l-ewwel sessjoni plenarja tiegħu f’Mejju 1958. L-esperjenza tal-passat u t-tagħlimiet għall-futur kienu s-suġġett ta’ dibattitu intitolat “Ċelebrazzjoni tal-65 anniversarju tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Insaħħu l-pożizzjoni tas-Soċjetà Ċivili, Niddefendu d-Demokrazija”, li sar fit-13 ta’ Diċembru 2023 fi Brussell. “Matul dawn l-aħħar 65 sena, il-Kumitat bena pjattaforma ġenwina li fi ħdanha s-soċjetà ċivili tista’ tesprimi l-fehmiet tagħha b’mod liberu u b’hekk tħabrek biex ittejjeb il-leġiżlazzjoni tal-UE. Fil-kuntest ġeopolitiku li qed jinbidel, leħen soċjetà ċivili b’saħħitha u indipendenti huwa aktar importanti minn qatt qabel. Hija s-soċjetà ċivili, fir-rwol tagħha bħala gwardjana, li tiżgura li ħadd ma jiddiżattiva l-kontrolli u l-bilanċi, l-istat tad-dritt jew id-drittijiet u l-valuri fundamentali – ħalli ħadd ma “jitfi d-demokrazija””, qal il-President tal-KESE Oliver Röpke.

Il-membri tal-KESE jirrappreżentaw id-diversità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Ewropa, fosthom in-negozji, it-trade unions u gruppi oħra ta’ interess. Huwa korp konsultattiv tal-UE li jippubblika Opinjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-UE u lill-Parlament Ewropew u jaġixxi bħala pont bejn l-istituzzjonijiet tal-UE li jieħdu d-deċiżjonijiet u ċ-ċittadini tal-UE. “Il-KESE għalaq 65 sena u forsi tħossu li wasal iż-żmien li jirtira. Iżda dan huwa ’l bogħod mill-verità. Il-KESE issa huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel, meta ħafna Ewropej qed jiffaċċjaw diffikultajiet. It-tentattiv biex jiġi injorat ir-rwol tad-djalogu soċjali organizzat għandu jiġi reżistit. L-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE għandhom jagħtuna aktar widen”, ħeġġeġ George Dassis, eks President tal-KESE u President tal-Assoċjazzjoni tal-Eks Membri tal-KESE.

Kif enfasizzat matul id-dibatittu, f’dawn l-aħħar snin il-KESE kien imsieħeb mexxej fid-dibattitu dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-KESE kien ukoll parti integrali mill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li r-rakkomandazzjonijiet finali tagħha semmew b’mod espliċitu lill-KESE bħala strument biex jiżdiedu l-parteċipazzjoni u t-trasparenza fid-demokrazija tal-UE. Eżempji reċenti tar-rwol pijunier tal-KESE jinkludu li jkun l-ewwel wieħed li jappella għal Unjoni Ewropea tas-Saħħa adatta u li jkun fuq quddiem nett biex jipproponi d-“dritt għat-tiswija”. Stefano Mallia, President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem, enfasizza l-importanza tal-impatt tal-ħidma tal-KESE kif ukoll it-titjib li sar fil-leġiżlazzjoni mill-1958 ’l hawn: “Fix-xhur reċenti ksibna diversi għanijiet prinċipali, inklużi l-kontroll tal-kompetittività u Patt Blu tal-UE. U se nkomplu naħdmu biex inwasslu l-fehmiet ta’ dawk li nirrappreżentaw.”

It-tranżizzjoni tal-enerġija, il-ġlieda kontra l-kriżi klimatika u r-rispons għat-theddida ġeopolitika imposta mir-Russja huma biss xi wħud mill-isfidi li jsaħħu l-ħtieġa għal KESE li jgħin jinbena kunsens għall-ġid komuni, jiġu promossi l-valuri tal-integrazzjoni Ewropea u tiġi promossa l-kawża ta’ demokrazija parteċipattiva u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. “Għal 65 sena, il-KESE pprovda pjattaforma għar-rappreżentanti tat-trade unions biex jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet sinifikanti mal-impjegaturi, mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ma’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea. Is-suċċess tal-KESE jinsab fil-kollaborazzjoni. Billi nlaqqgħu flimkien rappreżentanti minn ħafna gruppi differenti fis-soċjetà, jirnexxielna nfasslu Opinjonijiet b’ħafna perspettivi differenti. Din l-inklużività tiżgura li l-ħidma tagħna tibqa’ konformi mal-prinċipji demokratiċi” qalet Lucie Studničná, President tal-Grupp tal-Ħaddiema.

Séamus Boland, President tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili, appella biex il-KESE jkun totalment mobilizzat għall-elezzjonijiet Ewropej. “L-UE trid issolvi l-problemi tal-isfidi komuni Ewropej b’mod kollettiv. Jekk dan niksbuhx jiddependi ħafna mir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Il-KESE u l-membri tiegħu għandhom mandat u responsabbiltà li jilħqu liċ-ċittadini permezz tan-networks tagħhom ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jindirizzaw id-diżinformazzjoni, il-biżgħat u n-nuqqas ta’ fiduċja. Irridu nirrepetu l-appell tagħna għal miżuri ġenwini biex id-djalogu mas-soċjetà ċivili jiġi implimentat fil-livell tal-UE fl-oqsma kollha ta’ politika.”

Kun af aktar dwar l-istorja tal-KESE (ab)

Isabelle Le Galo Flores hija s-Segretarja Ġenerali l-ġdida tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Fit-12 ta’ Diċembru 2023, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iddeċieda li jaħtar lil Isabelle Le Galo Flores bħala s-Segretarja Ġenerali l-ġdida tal-KESE.

Read more in all languages

Fit-12 ta’ Diċembru 2023, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iddeċieda li jaħtar lil Isabelle Le Galo Flores bħala s-Segretarja Ġenerali l-ġdida tal-KESE.

Is-Sinjura Le Galo Flores għandha Masters fl-inġinerija matematika kif ukoll fil-komunikazzjoni, l-istudji tal-media u r-relazzjonijiet internazzjonali. Matul il-karriera tagħha, hija kellha diversi karigi maniġerjali, l-aktar reċenti l-kariga ta’ Viċi Direttur Ġenerali għal Spanja fil-Fondazzjoni Daniel u Nina Carasso, f’liema kariga kienet involuta, fost l-oħrajn, f’sistemi tal-ikel sostenibbli u ċ-ċittadinanza permezz tal-arti.

Il-kariga ta’ Segretarja Ġenerali tal-KESE tikkostitwixxi funzjoni eżekuttiva, li tinvolvi l-għoti ta’ assistenza u pariri lill-korpi statutorji tal-KESE u l-ġestjoni ta’ forza tax-xogħol ta’ madwar 700 membru tal-persunal. Is-Sinjura Le Galo Flores bdiet il-mandat tagħha fis-16 ta’ Jannar għal perjodu ta’ ħames snin, wara Gianluca Brunetti, li l-mandat tiegħu wasal fi tmiemu fil-31 ta’ Diċembru 2023. (ehp)

Il-KESE jitlob li jiżdiedu l-isforzi politiċi biex tintemm il-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar

Fl-UE, kull lejl, kważi 900 000 persuna ma jkollhomx għażla oħra ħlief li jorqdu barra fit-triq jew f’xi refuġju. Il-problema ta’ persuni mingħajr dar żdiedet b’aktar mid-doppju f’dawn l-aħħar 15-il sena, u għalhekk il-KESE jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jieħdu azzjoni.

Read more in all languages

Fl-UE, kull lejl, kważi 900 000 persuna ma jkollhomx għażla oħra ħlief li jorqdu barra fit-triq jew f’xi refuġju. Il-problema ta’ persuni mingħajr dar żdiedet b’aktar mid-doppju f’dawn l-aħħar 15-il sena, u għalhekk il-KESE jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jieħdu azzjoni.

Il-KESE qed jappella għal strateġija komprensiva tal-UE dwar il-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar u jitlob li malajr kemm jista’ jkun jiġu adottati politiki nazzjonali effettivi f'dan ir-rigward biex sal-2030 titnaqqas b’mod sostanzjali dik li hija waħda mill-aktar forom estermi ta’ esklużjoni soċjali.

“Nappellaw għal strateġija tal-UE kontra l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar li tintegra bis-sħiħ il-Pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra l-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar u li tippermetti li l-politiki nazzjonali dwar din il-kundizzjoni jiġu inklużi fis-Semestru Ewropew,” qalet Maria del Carmen Barrera Chamorro, relatur għall-Opinjoni tal-KESE dwar Qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali għall-persuni mingħajr dar.

L-Istrateġija trid tiġi appoġġjata minn Rakkomandazzjoni tal-Kunsill u l-KESE jappella lill-Presidenza Belġjana l-ġdida tal-Kunsill tal-UE biex tibda taħdem fuqha. Jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tfassal mingħajr dewmien proposta għal programm multiannwali ġdid ta’ ħidma li jkompli tul il-mandat li jmiss kollu.

“Il-KESE jrid li l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar tibqa’ prijorità tal-politika soċjali għall-UE fit-tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej u l-perjodu ta’ wara. Neħtieġu bidla strateġika fl-enfażi minn li niġġestixxu din il-kundizzjoni għal li effettivament neliminawha sal-2030”, qal Ákos Topolánszky, il-korelatur tal-Opinjoni.

Il-KESE ssuġġerixxa li b’mod attiv jiġi promoss il-prinċipju ta’ “l-akkomodazzjoni l-ewwel” biex tiġi indirizzata l-kundizzjoni kronika ta’ persuni mingħajr dar. Skont dan il-prinċipju, l-akkomodazzjoni mhijiex biss kenn: hija wkoll għodda għar-riintegrazzjoni. Dan jipprovdi soluzzjonijiet fit-tul ta’ akkomodazzjoni u ma jiddependix minn kundizzjonijiet bħall-bżonn li wieħed juri żvilupp personali jew li jaċċetta l-appoġġ.

L-approċċ immexxi mill-akkomodazzjoni diġà ġie approvat fid-Dikjarazzjoni ta’ Liżbona, li ġiet iffirmata mis-27 Stat Membru kollha tal-UE, l-istituzzjonijiet Ewropej u diversi NGOs Ewropej fl-2021. Id-Dikjarazzjoni hija l-bażi politika għall-Pjattaforma Ewropea għall-ġlieda kontra l-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar, u l-firmatarji tagħha impenjaw ruħhom li jikkooperaw dwar il-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar fil-livell tal-UE u li jaħdmu biex dan il-fenomenu jintemm sal-2030. Madankollu, fl-Opinjoni l-KESE jirrimarka li, minkejja l-isforzi politiċi, mhux qed isir biżżejjed biex il-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar tiġi indirizzata fil-livell Ewropew jew nazzjonali.

Matul l-aħħar 20 sena, il-Finlandja hija l-uniku pajjiż li rnexxielu jnaqqas dan il-fenomenu b’mod konsistenti. (ll)

Il-Viċi Prim Ministru ta’ Spanja, Nadia Calviño, tgħid li l-Ewropa jeħtiġilha tkompli tmexxi

L-ekonomija u l-finanzi, id-diġitalizzazzjoni, il-kompetittività u n-negozju, u l-kummerċ. Dawn huma l-erba’ oqsma fejn il-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għamlet progress minn Lulju sa Diċembru 2023.

Read more in all languages

L-ekonomija u l-finanzi, id-diġitalizzazzjoni, il-kompetittività u n-negozju, u l-kummerċ. Dawn huma l-erba’ oqsma fejn il-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għamlet progress minn Lulju sa Diċembru 2023.

Waqt li tkellmet fis-sessjoni plenarja ta’ Diċembru, l-Ewwel Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Ekonomija u d-Diġitalizzazzjoni ta’ Spanja, Nadia Calviño, ġabret fil-qosor il-konklużjonijiet tal-Presidenza b’rotazzjoni tal-UE, u semmiet, fost affarijiet oħra, l-approfondiment tal-unjoni ekonomika u monetarja, il-pagamenti istantanji fis-settur bankarju, ir-riforma tas-suq tal-elettriku u l-iffirmar ta’ ftehim kummerċjali avvanzat maċ-Ċilì.

Is-Sinjura Calviño, li mistennija tieħu l-kariga bħala l-President li jmiss tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fl-1 ta’ Jannar 2024, enfasizzat ukoll il-punti li l-Unjoni Ewropea se jkollha bżonn tpoġġi fuq l-aġenda dalwaqt, speċjalment fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin. “Id-dinja għaddejja minn bidla kbira u l-plakki tettoniċi li nħolqu wara t-Tieni Gwerra Dinjija qed jinbidlu,” hija qalet. “Jeħtieġ li niżguraw li l-UE tkompli tmexxi l-aktar dibattiti importanti fid-dinja, tindirizza l-isfidi ewlenin u tipproteġi l-valuri Ewropej tagħha f’din id-dinja l-ġdida.”

B’referenza għas-semestru impenjattiv li wasal biex jintemm, hija żiedet li “il-kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet Ewropej oħra u, b’mod partikolari l-KESE, kienet strumentali għas-suċċess tiegħu. Il-preżenza tiegħi turi l-impenn qawwi tal-gvern Spanjol lejn l-imsieħba soċjali, id-djalogu soċjali u s-soċjetà ċivili. Aħna nippruvaw nisimgħu bir-reqqa u nintegraw il-fehmiet tas-soċjetà ċivili fil-ħidma tagħna.” (mp)

Il-Kard Ewropea tad-Diżabilità: pass eqreb lejn il-kisba tal-moviment liberu għall-persuni b’diżabilità fl-UE

Il-KESE jitlob li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Proposta tal-Kummissjoni għal Kard Ewropea tad-Diżabilità jiġi estiż biex ikopri soġġorni itwal għal xogħol jew studju, sabiex jinkiseb moviment liberu għall-persuni b’diżabilità fl-UE.

Read more in all languages

Il-KESE jitlob li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Proposta tal-Kummissjoni għal Kard Ewropea tad-Diżabilità jiġi estiż biex ikopri soġġorni itwal għal xogħol jew studju, sabiex jinkiseb moviment liberu għall-persuni b’diżabilità fl-UE.

Il-KESE faħħar il-Proposta tal-Kummissjoni għal Kard Ewropea tad-Diżabilità u għal Kard Ewropea għall-Parkeġġ u jqishom bħala l-ewwel pass biex il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jiċċaqilqu b’mod liberu fl-UE.

“Il-Proposta għaż-żewġ kards se taffettwa lil aktar minn 80 miljun ċittadin Ewropew b’diżabilità,” qal Ioannis Vardakastanis, relatur ġenerali tal-Opinjoni tal-KESE dwar Il-Kard Ewropea tad-Diżabilità u l-Kard Ewropea għall-Parkeġġ, li ġiet ippreżentata fis-sessjoni plenarja tal-KESE tal-14 ta’ Diċembru. “Dan huwa pass importanti ħafna lejn it-tneħħija ta’ ostakli serji u l-iżgurar li l-persuni b’diżabilità, kemm Ewropej kif ukoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru, ikunu jistgħu jgawdu l-prinċipju fundamentali li fuqu hija msejsa l-Unjoni: il-libertà ta’ moviment. Dan se jkun il-bażi għall-politiki futuri.”

Madankollu, il-KESE wissa li l-Proposta tonqos milli tneħħi wħud mill-aktar ostakli sinifikanti għall-moviment liberu taċ-ċittadini Ewropej b’diżabilità, jiġifieri n-nuqqas ta’ portabbiltà tal-benefiċċji relatati mad-diżabilità meta jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor fl-UE għal xogħol jew studju. Fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu, il-KESE jitlob li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Proposta jiġi estiż sabiex persuna b’diżabilità li tkun irrilokat tkun tista’ tuża l-kards, fuq bażi temporanja, biex tkompli tirċievi benefiċċji marbuta mal-politiki soċjali jew is-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali.

Bħalissa, dan mhuwiex il-każ. Meta persuna tiċċaqlaq minn Stat Membru għal ieħor, titlef id-dritt tagħha għal kwalunkwe benefiċċju relatat mad-diżabilità ladarba taqsam il-fruntiera, sakemm id-diżabilità tagħha tiġi evalwata mill-ġdid fl-Istat Membru l-ġdid.

Dan il-proċess ta’ valutazzjoni jista’ jdum aktar minn sena u matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni l-persuna tibqa’ mingħajr rikonoxximent jew appoġġ. “Qed nitolbu li l-kamp ta’ applikazzjoni jiġi estiż biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda vojt ġuridiku u l-ebda lakuna matul dan il-perjodu fil-pajjiż il-ġdid. Dan se jippermetti lill-persuni b’diżabilità jgħixu b’mod dinji sa mill-bidu nett,” qal is-Sur Vardakastanis. (ll)

COP28: Is-soċjetà ċivili tagħmel pressjoni għal aktar azzjoni biex issalva l-klima

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jesprimu d-diżappunt tagħhom dwar l-eżiti tal-COP28, iżda jqisuhom bħala pjattaforma għal aktar azzjoni Ewropea fix-xena globali. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jibqa’ impenjat li jindirizza l-kriżi klimatika, u fl-istess ħin jenfasizza l-ħtieġa li nkunu aktar ambizzjużi u ninvolvu aktar liż-żgħażagħ.

Read more in all languages

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jesprimu d-diżappunt tagħhom dwar l-eżiti tal-COP28, iżda jqisuhom bħala pjattaforma għal aktar azzjoni Ewropea fix-xena globali. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jibqa’ impenjat li jindirizza l-kriżi klimatika, u fl-istess ħin jenfasizza l-ħtieġa li nkunu aktar ambizzjużi u ninvolvu aktar liż-żgħażagħ.

Il-COP28 timmarka bidla storika hekk kif għall-ewwel darba fi tletin sena l-pajjiżi ħadu l-impenn li jitbiegħdu mill-fjuwils fossili fis-sistemi tal-enerġija. Il-President tal-KESE Oliver Röpke jirrikonoxxi dan il-progress iżda jinsisti li l-fjuwils fossili jiġu eliminati kompletament b’mod gradwali u jenfasizza l-importanza li ż-żgħażagħ jiġu involuti f'dawn l-isforzi.

In-negozjaturi tal-UE jaffermaw li rnexxielhom iżommu ħaj l-għan tal-Ftehim ta’ Pariġi li jillimita ż-żieda fit-temperatura globali. Il-COP28 tiffoka fuq is-settur tal-enerġija, billi timmira lejn tnaqqis ta’ 43 % fl-emissjonijiet sal-2030 u għandha fil-mira tagħha emissjonijiet żero netti sal-2050. Madankollu, il-ftehim safa l-mira ta’ kritika minħabba n-nuqqasijiet tiegħu, inkluż l-inċertezzi dwar il-kisba tal-mira ta’ 1,5°C, l-influwenza tal-Istati li jipproduċu ż-żejt u d-dgħufija tal-dispożizzjonijiet finanzjarji fir-rigward tat-tranżizzjoni.

Sandrine Dixson-Declève, kopresident ta’ The Club of Rome, twissi dwar iż-żieda fl-inugwaljanza tal-ġid u t-tensjonijiet soċjali li jirriżultaw minn kondiviżjoni inadegwata tal-piżijiet. Id-delegat taż-Żgħażagħ tal-KESE Diandra Ni Bhuachalla tgħid li tinsab diżappuntata ferm mill-eżitu tal-COP28, u tenfasizza l-importanza tal-esperjenzi reali tan-nies fil-ġlieda kontra l-lobbyists tal-fjuwils fossili.

Minkejja t-tħassib, il-membri tal-KESE jirrikonoxxu aspetti pożittivi tal-ftehim ta’ Dubai u jwiegħdu li se jindirizzaw il-lakuni, u fl-istess ħin iħeġġu istituzzjonijiet oħra tal-UE biex jagħmlu l-istess. Il-messaġġ ġenerali mid-dibattitu tal-KESE huwa impenn riżolut: “Mhux se naqtgħu qalbna” biex nindirizzaw b’mod urġenti l-kriżi tal-klima permezz ta’ azzjoni kontinwa tal-UE u tan-NU. (ks)

Jeħtieġ li l-UE tagħti prijorità lid-diplomazija dwar il-klima fil-politika tal-azzjoni esterna tagħha

Fl-Opinjoni tiegħu adottata fil-plenarja ta’ Diċembru, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew enfasizza li l-UE għandha tippromovi d-diplomazija dwar il-klima bħala politika ewlenija fl-azzjoni esterna tagħha. Hemm bżonn pjan strateġiku robust u kredibbli li jaġġusta d-diplomazija tal-UE dwar il-klima skont ix-xenarju ġeopolitiku attwali u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

Read more in all languages

Fl-Opinjoni tiegħu adottata fil-plenarja ta’ Diċembru, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew enfasizza li l-UE għandha tippromovi d-diplomazija dwar il-klima bħala politika ewlenija fl-azzjoni esterna tagħha. Hemm bżonn pjan strateġiku robust u kredibbli li jaġġusta d-diplomazija tal-UE dwar il-klima skont ix-xenarju ġeopolitiku attwali u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

Il-KESE jemmen li t-triq ’il quddiem hija li d-diplomazija dwar il-klima tingħata status ta’ azzjoni ewlenija tar-relazzjonijiet barranin tal-UE.

Il-Presdient tal-Grupp tal-KESE ta’ Min Iħaddem u relatur tal-Opinjoni, Stefano Mallia, enfasizza li: “M’hemmx ħin x’nitilfu jekk irridu nevitaw li ssir ħsara irreparabbli. Id-diplomazija dwar il-klima hija diplomazija preventiva. Din hija r-raġuni għaliex hemm ħtieġa urġenti li naġġornaw id-diplomazija dwar il-klima, biex nagħmluha l-azzjoni ewlenija tal-affarijiet esterni u tal-politika barranija tal-UE.”

Il-KESE jħeġġeġ lill-UE tadotta strateġija komprensiva għad-diplomazija dwar il-klima bi prijoritajiet fuq terminu qasir u twil u li tintegra l-azzjonijiet klimatiċi fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet esterni, inklużi s-sigurtà u d-difiża, il-kummerċ, l-investimenti, it-trasport, il-migrazzjoni, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-assistenza finanzjarja u teknika, il-kultura u s-saħħa.

Bl-implimentazzjoni effettiva tal-Patt Ekoloġiku Ewropew fi ħdanha l-UE se jkollha l-kredibbiltà biex tinfluwenza u tispira lil oħrajn biex jibdew isegwu approċċ simili b’rabta mas-sostenibbiltà. Huwa għalhekk li l-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet jiżguraw koordinazzjoni aħjar fost l-atturi tal-UE sabiex jallinjaw il-politiki rispettivi tagħhom mal-objettivi klimatiċi kif ukoll jaċċelleraw l-azzjoni domestika biex jimplimentaw il-Patt Ekoloġiku.

Kif qal ir-relatur għall-Opinjoni, Stefano Mallia: “Jeħtieġ inwettqu analiżi interna biex nivvalutaw jekk aħniex kapaċi nilħqu l-miri li stabbilixxejna fi ħdan il-Patt Ekoloġiku. Ladarba jkollna l-affarijiet f’posthom, imbagħad għandna naħdmu mal-pajjiżi ġirien, inrawmu d-diversifikazzjoni ekonomika tagħhom, infasslu pjani ta’ tranżizzjoni ġusta u nappoġġjaw proġetti ta’ adattament u ġestjoni tar-riskju biex nipprevjenu u nnaqqsu r-riskji ta’ fraġilità”. (mt)

Att dwar il-Mediċini Kritiċi biex tiġi żgurata l-indipendenza farmaċewtika tal-Ewropa

F’Opinjoni li ġiet adottata reċentement, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iwissi li s-sovradipendenza tal-UE mill-importazzjonijiet ta’ ingredjenti farmaċewtiċi attivi u ta’ mediċini lesti mill-Asja hija ta’ theddida għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tal-UE. Għalhekk, il-KESE qed jipproponi Att dwar il-Mediċini Kritiċi.

Read more in all languages

F’Opinjoni li ġiet adottata reċentement, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) iwissi li s-sovradipendenza tal-UE mill-importazzjonijiet ta’ ingredjenti farmaċewtiċi attivi u ta’ mediċini lesti mill-Asja hija ta’ theddida għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tal-UE. Għalhekk, il-KESE qed jipproponi Att dwar il-Mediċini Kritiċi.

L-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja sfida dejjem akbar biex tiżgura l-provvista tagħha ta’ prodotti mediċinali essenzjali, meta wieħed iqis li l-maġġoranza tal-ingredjenti farmaċewtiċi attivi (APIs) u l-mediċini lesti tagħha bħalissa jiġu importati mill-Asja. Din id-dipendenza minn fornituri esterni tqajjem tħassib dwar ir-reżiljenza tal-UE fir-rigward ta’ tfixkil fil-ktajjen ta’ provvista, il-volatilità tal-prezzijiet u riskji ġeopolitiċi potenzjali.

“Qed nipperikolaw is-saħħa taċ-ċittadini tagħna peress li niddependu minn fornituri esterni għall-prodotti mediċinali essenzjali. Irridu naġixxu issa biex niżguraw li ċ-ċittadini Ewropej ikollhom aċċess għall-mediċini li għandhom bżonn,” qal Lech Pilawski, ir-relatur tal-KESE għall-Opinjoni.

Biex jindirizza dan it-tħassib, il-KESE jirrakkomanda li jiġi stabbilit mekkaniżmu ġdid tal-UE biex jappoġġja l-produzzjoni ta’ APIs u mediċini lesti fl-Ewropa. L-Att dwar il-Mediċini Kritiċi propost huwa maħsub bħala mekkaniżmu komprensiv tal-UE, ippreżentat fil-forma ta’ regolament, biex jappoġġja b’mod attiv il-produzzjoni ta’ APIs u mediċini lesti fl-Unjoni Ewropea. Il-mekkaniżmu jipprovdi finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp, l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-ispejjeż operatorji.

L-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet se teħtieġ investiment sinifikanti u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tieħu rwol ta’ tmexxija fil-koordinazzjoni ta’ dan l-isforz u tiżviluppa strateġija komprensiva li tista’ tissalvagwardja s-sigurtà tas-saħħa tal-Ewropa, tippromovi l-prosperità ekonomika u tiżgura l-affordabbiltà tal-mediċini għaċ-ċittadini tal-UE. (gb)

Il-KESE jappella għal patti mfasslin apposta biex jappoġġjaw ir-reġjuni imbiegħda tal-UE

F’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ippropona strateġija biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjoekonomiċi li qed jiffaċċjaw il-gżejjer, ir-reġjuni muntanjużi u ż-żoni skarsament popolati tal-UE. Il-KESE qed jappella sabiex l-azzjoni tal-UE tittieħed permezz tal-politika ta’ koeżjoni, u jenfasizza l-ħtieġa għal strateġiji mfasslin apposta, data affidabbli u mekkaniżmi speċifiċi għat-tkabbir sostenibbli.

Read more in all languages

F’Opinjoni adottata fis-sessjoni plenarja tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ippropona strateġija biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjoekonomiċi li qed jiffaċċjaw il-gżejjer, ir-reġjuni muntanjużi u ż-żoni b’popolazzjoni baxxa tal-UE. Il-KESE qed jappella sabiex l-azzjoni tal-UE tittieħed permezz tal-politika ta’ koeżjoni, u jenfasizza l-ħtieġa għal strateġiji mfasslin apposta, data affidabbli u mekkaniżmi speċifiċi għat-tkabbir sostenibbli.

 

Ir-reġjuni mbiegħda tal-UE, minn gżejjer sa żoni muntanjużi u żoni skarsament popolati, qed iħabbtu wiċċhom mal-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jxekklu l-progress tagħhom. Il-gżejjer iżolati jiffaċċjaw spejjeż għoljin minħabba l-iżolament tagħhom, waqt li t-tibdil fil-klima joħloq riskji għaż-żoni muntanjużi. Il-popolazzjonijiet li qed jonqsu f’żoni skarsament popolati jeżiġu strateġiji innovattivi ta’ tkabbir. Ir-relatur tal-KESE Ioannis Vardakastanis jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ approċċi mfasslin apposta, li jirrikonoxxu l-karatteristiċi distinti ta’ kull reġjun. Fl-Opinjoni tiegħu, il-Kumitat jirrakkomanda azzjoni koeżiva tal-UE, u jenfasizza s-solidarjetà reġjonali biex tiġi evitata l-marġinalizzazzjoni. Il-KESE jipproponi li tintuża l-bażi legali b’saħħitha tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE, u jirrakkomanda fondi u patti speċifiċi bħall-“Patt tal-Gżejjer” jew il-“Patt dwar iż-Żoni Muntanjużi” biex jiġu indirizzati sfidi uniċi, li jirriflettu strateġiji ta’ suċċess fiż-żoni urbani u rurali. Is-soluzzjonijiet jinkludu aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali, li jeħtieġu diversi miżuri, mit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-operat sat-trawwim tal-ħolqien tal-impjiegi u l-preservazzjoni tal-kultura lokali. It-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati jiddependi minn data preċiża u l-bini tal-kapaċità, il-promozzjoni ta’ djalogu attiv fost il-partijiet ikkonċernati tal-UE, nazzjonali u lokali biex jitfasslu politiki li jirriflettu ċ-ċirkostanzi uniċi ta’ dawn ir-reġjuni fi ħdan l-UE. (tk)

Il-KESE jiżviluppa viżjoni biex issaħħaħ il-vantaġġ kompetittiv tas-settur finanzjarju tal-UE

Is-settur finanzjarju, b’mod partikolari dak bankarju, huwa strumentali biex l-ekonomija tal-UE ssir aktar kompetittiva, peress li għandu influwenza konsiderevoli fuq il-finanzjament u t-tranżizzjoni essenzjali lejn is-sostenibbiltà. F’Opinjoni adottata matul is-sessjoni plenarja, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza l-metodi ewlenin li jsaħħu s-settur u jagħtu spinta lill-kontribut tiegħu għall-awtonomija strateġika tal-UE u għall-għanijiet biex din tintlaħaq.

Read more in all languages

Is-settur finanzjarju, b’mod partikolari dak bankarju, huwa strumentali biex l-ekonomija tal-UE ssir aktar kompetittiva, peress li għandu influwenza konsiderevoli fuq il-finanzjament u t-tranżizzjoni essenzjali lejn is-sostenibbiltà. F’Opinjoni adottata matul is-sessjoni plenarja, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza l-metodi ewlenin li jsaħħu s-settur u jagħtu spinta lill-kontribut tiegħu għall-awtonomija strateġika tal-UE u għall-għanijiet biex din tintlaħaq.

 

Sistema finanzjarja reżiljenti hija ta’ prijorità għat-trasformazzjoni ekonomika tal-UE, iżda għad hemm sfidi, minkejja l-isforzi biex jiġu inkorporati l-kontrolli tal-kompetittività u biex ir-regolamentazzjoni tiġi rfinata permezz tar-REFIT. Ir-relatur tal-KESE, Antonio García del Riego jirrimarka li l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali mhux kompluti huma ostakli għall-unità tas-suq, li jwasslu biex il-banek tal-UE jibqgħu lura meta mqabbla mal-atturi globali. Dan se jkollu jiġi indirizzat permezz ta’ evalwazzjonijiet bir-reqqa sabiex jiġi żgurat settur finanzjarju kompetittiv u reżiljenti. Il-kompetizzjoni ġusta hija kruċjali għall-istabbiltà u t-tkabbir, iżda teħtieġ oqfsa regolatorji aktar b’saħħithom li jissalvagwardjaw id-diversità tas-settur bankarju. Il-KESE jenfasizza r-rwol li taqdi l-kompetizzjoni ġusta biex tiżgura l-istabbiltà u tattira l-investiment, u jappella għal approċċ ibbilanċjat għas-sorveljanza li jippromovi d-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà tas-suq. Filwaqt li jfaħħar il-fatt li l-UE tinkludi kontroll tal-kompetittività fil-politiki futuri, il-KESE jirrimarka li l-kompetittività trid tissaħħaħ mingħajr ma titbiegħed mill-istandards globali bħal dawk ta’ Basel III. Huwa essenzjali li dan il-kontroll ikun allinjat mal-ispeċifiċitajiet tas-settur finanzjarju. L-ikkompletar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali se jiġġieled il-frammentazzjoni tas-suq, issaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja u jrawwem l-integrazzjoni. Il-KESE jenfasizza li l-metodi ta’ evalwazzjoni effettivi, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-valutazzjonijiet tal-impatt, u data robusta għal teħid ta’ deċiżjonijiet infurmat huma ċ-ċavetta biex is-settur jitmexxa ’il quddiem. (tk)

Il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu prinċipji gwida għall-istrateġija tal-Global Gateway

L-inizjattiva tal-Global Gateway għandha l-għan li tiżgura l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE, iżda trid tkun ibbażata fuq valutazzjonijiet tal-impatt, kif enfasizzat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-Opinjoni tiegħu adottata fil-plenarja ta’ Diċembru. Il-KESE jipproponi li jaqdi rwol aktar attiv fl-istadji ewlenin tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għal proġetti ta’ żvilupp assoċjati mal-Global Gateway.

Read more in all languages

L-inizjattiva tal-Global Gateway għandha l-għan li tiżgura l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE, iżda trid tkun ibbażata fuq valutazzjonijiet tal-impatt, kif enfasizzat mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-Opinjoni tiegħu adottata fil-plenarja ta’ Diċembru. Il-KESE jipproponi li jaqdi rwol aktar attiv fl-istadji ewlenin tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għal proġetti ta’ żvilupp assoċjati mal-Global Gateway.

L-istrateġija Global Gateway twiegħed li jiġu mobilizzati sa EUR 300 biljun f’investimenti bejn l-2021 u l-2027 biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, tittejjeb il-konnettività diġitali, tal-enerġija u tat-trasport, u tissaħħaħ l-infrastruttura tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tar-riċerka madwar id-dinja.

Madankollu, il-KESE jenfasizza li l-programmi ta’ investiment fl-inizjattiva tal-Global Gateway iridu jkunu bbażati fuq valutazzjonijiet ta’ impatt, l-iżgurar ta’ sjieda demokratika ta’ inizjattivi ta’ żvilupp fil-pajjiżi msieħba, kif ukoll is-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali tal-proġetti. Fl-istess ħin jesprimi riservi dwar proġetti ffinanzjati minn fondi oħra tal-UE, li jistgħu jiddevjaw mill-proċess standard ta’ monitoraġġ minħabba nuqqas ta’ ċarezza tal-proċeduri biex jiġi vvalutat l-impatt ta’ kull proġett.

Il-membru tal-KESE u r-relatur tal-Opinjoni Stefano Palmieri enfasizza l-bżonn li proġetti tal-Global Gateway jirrispettaw numru ta’ prinċipji u objettivi, u ddikjara li “l-konformità mal-valuri tal-UE u s-sottomissjoni ta’ valutazzjonijiet ta’ impatt iddettaljati huma importanti biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ta’ dawn il-proġetti”.

Fl-istess ħin, il-Kumitat jiddispjaċih li hemm nuqqas ta’ involviment sinikattiv tal-partijiet ikkonċernati Ewropej lokali fil-proċess ta’ żvilupp globali. Il-KESE jixtieq jaqdi rwol aktar attiv fl-istadji ewlenin tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għal proġetti ta’ żvilupp assoċjati mal-Global Gateway, li jibda bl-organizzazzjoni ta’ laqgħat regolari bejn il-Kumitat tal-Global Gateway u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali. (mt)

Għadu kif ġie ppubblikat: L-attivitajiet tagħna matul il-Presidenza Belġjana tal-UE

Il-Belġju ħa f’idejh it-tmexxija tal-UE fl-1 ta’ Jannar u ser ikollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE matul l-ewwel nofs kruċjali tal-2024. Bla dubju, l-enfasi se tkun fuq l-elezzjonijiet Ewropej f’Ġunju, meta ċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar il-perkors futur tal-Unjoni. Aħna se jkollna rwol attiv biex nikkomunikaw l-informazzjoni dwar l-elezzjonijiet u biex inħeġġu l-votanti jivvutaw.

Read more in all languages

Il-Belġju ħa f’idejh it-tmexxija tal-UE fl-1 ta’ Jannar u ser ikollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE matul l-ewwel nofs kruċjali tal-2024. Bla dubju, l-enfasi se tkun fuq l-elezzjonijiet Ewropej f’Ġunju, meta ċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar il-perkors futur tal-Unjoni. Aħna se jkollna rwol attiv biex nikkomunikaw l-informazzjoni dwar l-elezzjonijiet u biex inħeġġu l-votanti jivvutaw. “Il-KESE, bħala d-dar tas-soċjetà ċivili organizzata, ser jaħdem mill-qrib mal-Presidenza Belġjana biex tinbena Ewropa aktar b’saħħitha, aktar reżiljenti u aktar demokratika”, qal il-President tal-KESE Oliver Röpke.

Dan il-fuljett il-ġdid jippreżenta l-attivitajiet tagħna matul l-ewwel nofs tas-sena u l-fajls ewlenin li s-Sezzjonijiet tagħna qed jaħdmu fuqhom, kif ukoll l-Opinjonijiet esploratorji mitluba mill-Presidenza Belġjana.
Tixtieq issir taf min huma l-membri Belġjani tagħna?

Hawnhekk tista’ tiskopri min huma u liema partijiet tas-soċjetà ċivili jirrappreżentaw. L-informazzjoni hija bin-Netherlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż u bl-Ingliż (cw).

Il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE 2024, 4-7 ta’ Marzu – Niżżel id-Data!

L-elezzjonijiet Ewropej f’Ġunju 2024 se jiddeterminaw il-futur tal-Ewropa, għalhekk il-KESE, l-imsieħeb istituzzjonali tas-soċjetà ċivili, se jniedi l-ewwel Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tiegħu.

Tinsiex tniżżel id-data!

Read more in all languages

L-elezzjonijiet Ewropej f’Ġunju 2024 se jiddeterminaw il-futur tal-Ewropa, għalhekk il-KESE, l-imsieħeb istituzzjonali tas-soċjetà ċivili, se jniedi l-ewwel Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili tiegħu.

Tinsiex tniżżel id-data!

Dan l-avveniment ewlieni se jlaqqa’ flimkien nies ta’ kull età u sfond, fosthom żgħażagħ, ġurnalisti u istituzzjonijiet tal-UE, għal dibattitu vivaċi dwar temi importanti għal ħajja tagħna ta’ kuljum u għall-futur tal-Ewropa.

Bit-titolu Rise up for democracy! (Nimmobilizzaw ruħna għad-demokrazija), se niddiskutu t-theddid u l-isfidi biex nissalvagwardjaw il-valuri demokratiċi, u nidentifikaw dak li s-soċjetà ċivili tistenna mill-mexxejja futuri tal-Ewropa. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna se jkunu parti mir-Riżoluzzjoni tal-KESE dwar l-elezzjonijiet Ewropej.

Il-Ġimgħa tas-Soċjetà Ċivili se tkopri ħames inizjattivi ewlenin tal-KESE:

  • Ġranet tas-Soċjetà Ċivili: l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili: pilastru tad-demokrazija u atturi kruċjali biex jingħelbu l-isfidi attwali
  • Jum l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej: punt ta’ kuntatt komuni għal-leġiżlaturi tal-UE u dawk nazzjonali, għall-attivisti, għaċ-ċittadini u għall-atturi tas-soċjetà ċivili
  • L-Ewropa Tiegħek, Leħnek: iddefendi d-demokrazija u tkellem dwar l-Ewropa: il-prijoritajiet taż-żgħażagħ għall-mandat leġiżlattiv li jmiss tal-UE
  • Premju għas-Soċjetà Ċivili: l-14-il Premju tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE ddedikat għas-saħħa mentali
  • Seminar għall-Ġurnalisti: nimmobilizzaw lill-Ewropej għall-elezzjonijiet Ewropej: Sfida

Ingħaqad magħna u ispira ruħek mill-workshops tagħna mmexxija mill-esperti u mid-dibatitti ta’ livell għoli. Semma leħnek dwar kwistjonijiet ewlenin għaċ-ċiklu l-ġdid tal-Ewropa u għamel kuntatt mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ma’ dawk li jfasslu l-bidla minn madwar l-Ewropa kollha!

Ir-reġistrazzjoni se tiftaħ f’Jannar 2024.

Dalwaqt se jkun hemm aktar informazzjoni disponibbli fuq is-sit web #CivSocWeek  (mt)

Aħbarijiet mill-Gruppi

L-UE kif tista’ tikseb awtonomija strateġika ġenwina fil-qasam ekonomiku?

Studju ġdid mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

L-UE dejjem ippromoviet b’mod qawwi l-integrazzjoni ekonomika mal-bqija tad-dinja. F’dinja paċifika rregolata minn sistema bbażata fuq ir-regoli, din l-istrateġija għamlet lill-Ewropa waħda mill-aktar setgħat kummerċjali globali importanti u wieħed mill-aktar reġjuni prosperi.

Read more in all languages

Studju ġdid mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE

L-UE dejjem ippromoviet b’mod qawwi l-integrazzjoni ekonomika mal-bqija tad-dinja. F’dinja paċifika rregolata minn sistema bbażata fuq ir-regoli, din l-istrateġija għamlet lill-Ewropa waħda mill-aktar setgħat kummerċjali globali importanti u wieħed mill-aktar reġjuni prosperi.

Il-pandemija tal-COVID-19 u l-invażjoni sussegwenti tal-Ukrajna mir-Russja biddlu b’mod fundamentali d-dinamika tal-ftuħ u l-integrazzjoni ekonomika u pprevedew ġlieda twila u diffiċli biex tiġi ppreservata l-prosperità tal-UE. Dawn l-avvenimenti fixkiela wrew kemm huwa importanti li l-UE ssir aktar reżiljenti u li tkun kapaċi tissalvagwardja l-interessi strateġiċi tagħha b’mod effettiv.

L-UE qed tlesti ruħha biex tirreaġixxi għall-isifidi li jistgħu juru bidla lil hinn minn sistema ta’ negozjar multilaterali u bbażata fuq ir-regoli, li hija l-karatteristika distintiva tal-era ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija, u ma tistax tkun ambigwa dwar it-tifsira tal-awtonomija strateġika.

L-istudju li sar miċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej (CEPS) janalizza dawn il-kwistjonijiet kumplessi u l-vulnerabbiltajiet tal-Ewropa u jipproponi għadd ta’ rakkomandazzjonijiet għall-ksib tal-awtonomija strateġika. L-istudju ġiet ikkummissjonat mill-KESE fuq it-talba tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE u tħejja mis-CEPS.

L-istudju sħiħ jinsab disponibbli hawnhekk:https://europa.eu/!n98Tdd

L-UE fl-2030, il-COP28 u l-ħtieġa urġenti għal Tranżizzjoni Ġusta

mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Ir-rapport ta’ progress annwali tal-2023 tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) ma kienx partikolarment inkoraġġanti: l-UE tista’ ma tilħaqx il-maġġoranza tal-miri sal-2030. B’mod partikolari, il-prospetti għall-impronta tal-konsum, il-livelli tal-konsum tal-enerġija, il-produzzjoni ċirkolari u l-biedja organika huma partikolarment ħżiena, għalkemm il-bqija – mill-bijodiversità sal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih – ma jidhrux tant aħjar.

Read more in all languages

mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Ir-rapport ta’ progress annwali tal-2023 tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) ma kienx partikolarment inkoraġġanti: l-UE tista’ ma tilħaqx il-maġġoranza tal-miri sal-2030. B’mod partikolari, il-prospetti għall-impronta tal-konsum, il-livelli tal-konsum tal-enerġija, il-produzzjoni ċirkolari u l-biedja organika huma partikolarment ħżiena, għalkemm il-bqija – mill-bijodiversità sal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih – ma jidhrux tant aħjar.

Fir-rigward tar-riżultati tal-COP28, dawn ftit li xejn joffru mistrieħ. Kif wera d-dibattitu fil-plenarja tal-KESE ta’ Diċembru, is-soċjetà ċivili għadha ’l bogħod milli tkun kuntenta bil-konklużjonijiet: it-test huwa dgħajjef dwar kif u min għandu jħallas, u aktar għani fi kliemu milli f’azzjonijet konkreti (minkejja li għall-ewwel darba individwa l-fjuwils fossili bħala l-għeruq tat-tibdil fil-klima). Il-mira li ż-żieda fit-temperatura medja globali sa tmiem is-seklu tiġi limitata għal 1,5° x’aktarx li ma tintlaħaqx peress li dik iż-żieda fit-temperatura x’aktarx se tintlaħaq fi żmien ħames snin. L-aktar sena sħuna rreġistrata kienet l-2023 u kull xahar minn Ġunju ‘l hawn kien l-aktar xahar sħun minn mindu beda jinżamm rekord.

Din l-istampa xejn pożittiva m’għandhiex tiskoraġġina, iżda għall-kuntrarju għandha tkun ta’ motivazzjoni għalina: hija meħtieġa azzjoni. Issa mhuwiex iż-żmien għal intenzjonijiet timidi tajbin (kellna ħafna minn dawk fil-passat, u ara sa fejn wasluna), jew għal ritorn għall-miżuri ta’ awsterità. Il-prinċipji tat-Tranżizzjoni Ġusta, b’sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali, iridu jsibu posthom f’kull politika tal-UE. U din għandha tinkludu, f’konformità mal-aħħar Opinjoni tal-KESE dwar il-kwistjoni, l-adozzjoni ta’ Direttiva għal Tranżizzjoni Ġusta fil-livell tal-UE għad-dinja tax-xogħol: huwa biss jekk kulħadd ikun involut li l-kompitu ġgantesk quddiemna jkun jista’ jsir. Jekk l-ispiża tiegħu tingħadda lil dawk l-aktar vulnerabbli, kif ħafna drabi diġà huwa l-każ, il-populiżmu tal-lemin estrem se jikber. Sa meta jasal dak iż-żmien meta lanqas huma ma jkunu jistgħu jiċħdu l-effetti katastrofiċi tat-tibdil fil-klima, ikun tard wisq.

Studju ġdid jixħet dawl fuq il-kost tat-tibdil fil-klima għall-unitajiet domestiċi madwar l-UE

Minn Lorenza Campagnolo, koordinatur tar-riċerka, u t-tim tas-CMCC involut f’dan l-istudju

L-istudju dwar Il-kost tat-tibdil fil-klima fuq l-unitajiet domestiċi u l-familji fl-UE kien opportunità kbira biex jinxteħet dawl fuq kif l-ispejjeż assoċjati mal-miżuri ta’ adattament, il-politiki ta’ mitigazzjoni u l-impatt tat-tibdil fil-klima jaffettwaw lill-unitajiet domestiċi fl-UE skont liema reġjun jinsabu fih u l-karatteristiċi soċjoekonomiċi tagħhom. L-istudju jirrikonoxxi li hemm lakuna fil-letteratura, mingħajr valutazzjoni wiesgħa tal-ispejjeż tat-tibdil fil-klima li tiffoka fuq l-unitajiet domestiċi tal-UE.

Read more in all languages

Minn Lorenza Campagnolo, koordinatur tar-riċerka, u t-tim tas-CMCC involut f’dan l-istudju

L-istudju dwar Il-kost tat-tibdil fil-klima fuq l-unitajiet domestiċi u l-familji fl-UE kien opportunità kbira biex jinxteħet dawl fuq kif l-ispejjeż assoċjati mal-miżuri ta’ adattament, il-politiki ta’ mitigazzjoni u l-impatt tat-tibdil fil-klima jaffettwaw lill-unitajiet domestiċi fl-UE skont liema reġjun jinsabu fih u l-karatteristiċi soċjoekonomiċi tagħhom. L-istudju jirrikonoxxi li hemm lakuna fil-letteratura, mingħajr valutazzjoni wiesgħa tal-ispejjeż tat-tibdil fil-klima li tiffoka fuq l-unitajiet domestiċi tal-UE.

Jipproponi wkoll metodoloġija u riżultati ġodda li jikkombinaw l-informazzjoni tal-Eurostat dwar l-introjtu u n-nefqa tal-unitajiet domestiċi, il-perikli relatati mal-klima u l-għodod ta’ mmudellar. L-istudju tagħna jqis kemm it-telf tal-introjtu tal-unitajiet domestiċi kif ukoll l-infiq ikkawżat mill-klima bħala konsegwenza diretta tal-impatti tat-tibdil fil-klima jew tal-ħtiġijiet ta’ adattament.

It-tibdil fil-klima se jkollu impatt differenti fuq reġjuni u gruppi soċjoekonomiċi differenti tal-UE fl-2050. F’xenarju ta’ tibdil fil-klima moderat x’aktarx li jkun hemm żidiet fin-nefqa domestika għas-saħħa fil-partijiet tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-UE, fin-nefqa tal-ikel fiż-żoni tal-Lvant, tal-Punent u tan-Nofsinhar, fin-nefqa fuq l-elettriku fir-reġjuni kollha u fl-assigurazzjoni, speċjalment fit-Tramuntana. Din iż-żieda fin-nefqa se tpoġġi piż kbir fuq unitajiet domestiċi ifqar, li se jkunu inqas kapaċi jiddiversifikaw il-konsum u se jkollhom kapaċità limitata biex jadattaw. Fl-istess ħin, it-telf tal-introjtu mix-xogħol se jitfaċċa fin-Nofsinhar tal-UE u t-telf ġenerali tal-introjtu se jkun mifrux madwar ir-reġjuni kollha.

Se jkun hemm impatti negattivi u rigressivi (b’piż akbar fuq unitajiet domestiċi ifqar milli fuq dawk aktar sinjuri) fuq firxa wiesgħa ta’ nefqiet fuq oġġetti/servizzi u sorsi ta’ introjtu, speċjalment fin-Nofsinhar tal-UE (nefqa fuq is-saħħa, l-elettriku u l-assigurazzjoni, u l-introjtu totali mix-xogħol), iżda wkoll marġinalment fil-Lvant (nefqa fuq l-ikel) u fir-reġjuni tat-Tramuntana (nefqa fuq l-elettriku u l-assigurazzjoni). It-tibdil fil-klima x’aktarx se jżid l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar madwar l-UE; ix-xenarji tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima x’aktarx li jnaqqsu dan, u jiffavorixxu tkabbir aktar mgħaġġel fil-pagi ta’ ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet meta mqabbla ma’ ħaddiema b’livell għoli ta’ ħiliet.

Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin għal dawk li jfasslu l-politika huma li tingħata prijorità lir-reġjuni, bħal fil-każ tal-partijiet tan-Nofsinhar tal-UE, li qed jesperjenzaw impatti negattivi fuq l-unitajiet domestiċi u r-rigressività fl-istess ħin, u li jissaħħu l-miżuri ta’ appoġġ għall-introjtu u jfassluhom apposta għas-segmenti l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni f’dawn ir-reġjuni. Barra minn hekk, in-natura multisettorjali tal-ispejjeż tat-tibdil fil-klima titlob integrazzjoni orizzontali tal-politika biex it-tfassil tal-politika jsir aktar effettiv.

L-istudju, li twettaq mis-CMCC fuq talba tal-Grupp tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tiegħu, u s-sommarju eżekuttiv jista’ jitniżżel mis-sit web tal-KESE.

Jien se nivvota. U inti?

“Jien se nivvota. U inti?”

Minn Diċembru ’l hawn, bdejna nippowstjaw l-opinjonijiet tal-mistednin tagħna dwar l-elezzjonijiet Ewropej fil-kolonna: “Jien se nivvota. U inti?” Din id-darba, il-mistiedna tagħna hija Malgorzata Molęda-Zdziech, soċjologa Pollakka, xjenzata politika u kummentatriċi attiva dwar avvenimenti fil-Polonja.

Read more in all languages

Minn Diċembru ’l hawn, bdejna nippowstjaw l-opinjonijiet tal-mistednin tagħna dwar l-elezzjonijiet Ewropej fil-kolonna: “Jien se nivvota. U inti?” Din id-darba, il-mistiedna tagħna hija Malgorzata Molęda-Zdziech, soċjologa Pollakka, xjenzata politika u kummentatriċi attiva dwar avvenimenti fil-Polonja.

Hija l-kap tad-Dipartiment tal-Istudji Politiċi fl-Iskola tal-Ekonomija ta’ Varsavja u r-rappreżentant tar-rettur għall-kooperazzjoni mal-Unjoni Ewropea. Fl-artiklu tagħha, hija tikkummenta dwar ir-rwol sinifikanti tas-soċjetà ċivili Pollakka fl-influwenzar tal-eżitu tal-aħħar elezzjonijiet nazzjonali Pollakki f’Ottubru 2023. Hija tirreferi wkoll għal waħda mill-prijoritajiet tal-Presidenza Pollakka futura tal-Kunsill tal-UE rigward ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-protezzjoni tal-istat tad-dritt. (ehp)

Małgorzata Molęda-Zdziech: Is-soċjetà ċivili u l-elezzjonijiet Ewropej tal-2024

Is-soċjetà ċivili hija, fil-qosor, gruppi ta’ komunitajiet kapaċi li jorganizzaw lilhom infushom u jiddefinixxu u jilħqu objettivi magħżula. F’sistemi demokratiċi, il-gruppi tas-soċjetà ċivili huma numerużi u diversi sabiex jirrappreżentaw kemm jista’ jkun id-diversità tal-ilħna u l-opinjonijiet tal-membri tagħhom. F’reġimi mhux demokratiċi, l-NGOs ħafna drabi jopponu lill-mexxejja. Is-soċjetà ċivili tista’ taġixxi permezz ta’ ċittadinanza attiva u xewqa li tikkoopera għall-ġid komuni, indipendentement mill-istituzzjonijiet tal-istat.

Read more in all languages

Is-soċjetà ċivili hija, fil-qosor, gruppi ta’ komunitajiet kapaċi li jorganizzaw lilhom infushom u jiddefinixxu u jilħqu objettivi magħżula. F’sistemi demokratiċi, il-gruppi tas-soċjetà ċivili huma numerużi u diversi sabiex jirrappreżentaw kemm jista’ jkun id-diversità tal-ilħna u l-opinjonijiet tal-membri tagħhom. F’reġimi mhux demokratiċi, l-NGOs ħafna drabi jopponu lill-mexxejja. Is-soċjetà ċivili tista’ taġixxi permezz ta’ ċittadinanza attiva u xewqa li tikkoopera għall-ġid komuni, indipendentement mill-istituzzjonijiet tal-istat.

Meta l-PiS kienet fil-poter, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mmobilizzaw ruħhom kontra bidliet li kienu ta’ detriment għas-sistema tal-gvern tal-pajjiż u għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Mill-2016 sal-2022, kif jidher fir-rapport Pressjoni u mobilizzazzjoni: is-soċjetà ċivili u l-kriżi tal-istat tad-dritt mill-Fondazzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem ta’ Helsinki, komunitajiet mhux governattivi organizzaw ħafna protesti tal-massa biex jiddifendu l-istat tad-dritt u kontra l-ksur tal-valuri kostituzzjonali, u offrew assistenza legali lil gruppi li kienu fir-riskju ta’ diskriminazzjoni jew ripressjoni. Is-settur mhux governattiv kompla jfittex mezzi ġodda biex jipparteċipa fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluż permezz tal-organizzazzjoni ta’ koalizzjonijiet effettivi għall-elezzjoni tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ombudsman għad-Drittijiet tat-Tfal, u panels taċ-ċittadini.

Ir-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari li saru fil-15 ta’ Ottubru 2023 huma xhieda tas-saħħa tas-soċjetà ċivili fil-Polonja. Parteċipazzjoni storika tal-votanti ta’ 74.38% u l-gruppi tal-oppożizzjoni li kisbu vantaġġ elettorali huma prova ta’ mobilizzazzjoni ċivika effettiva li wasslet għal bidla fil-gvern. Il-kandidati tal-partit Liġi u Ġustizzja (PiS) kisbu 35.38% tal-voti. B’dan il-mod, dan il-partit kien l-ewwel wieħed mill-1989 li rebaħ l-elezzjonijiet parlamentari għat-tielet darba konsekuttiva, iżda, għall-kuntrarju tal-elezzjonijiet tal-2015 u l-2019, il-lista tal-kandidati tiegħu ma kisbitx il-maġġoranza tas-siġġijiet meħtieġa biex jiġi ffurmat gvern. Il-gruppi politiċi li daħlu wkoll fis-Sejm kienu: il-Koalizzjoni taċ-Ċittadini (30.7%), it-Tielet Triq PSL-PL (14.4%), ix-Xellug il-Ġdid (8.61%) u l-Konfederazzjoni Libertà u Indipendenza (7.16%). Tliet gruppi f’koalizzjoni – il-Koalizzjoni Ċivika, it-Tielet Triq PSL-PL u x-Xellug il-Ġdid – rebħu total ta’ 51.72% tal-voti, li tahom il-maġġoranza meħtieġa biex jiffurmaw gvern. Il-gvern b’Donald Tusk bħala Prim Ministru ġie ffurmat wara tentattiv inizjali li falla mill-PiS.

L-ebda wieħed mill-istħarriġiet ta’ qabel l-elezzjoni ma ppreveda parteċipazzjoni għolja bħal din. Biex infakkru, fl-elezzjonijiet parlamentari tal-2019 kienet 61.74% u 62.7% fl-elezzjonijiet storiċi tal-1989. Ir-riżultati tal-istħarriġiet (eż. CBOS u l-Fondazzjoni Batory) juru li x-xewqa għal bidla, ikkawżata mill-frustrazzjoni fit-tul tas-soċjetà, immotivat liċ-ċittadini biex jippreżentaw ruħhom quddiem il-kaxxa tal-vot. Ta’ min jinnota li qabel l-elezzjonijiet wieħed seta’ jara mobilizzazzjoni soċjali qawwija, li kienet tinkludi: l-għadd rekord ta’ votanti li rreġistraw biex jivvutaw minn barra l-post ta’ residenza tagħhom (sat-15:00 tat-12 ta’ Ottubru 960,000 persuna biddlu l-post tal-votazzjoni tagħhom u madwar 1 200 000 talbu li jagħmlu dan). L-għadd ta’ Pollakki li jgħixu barra mill-pajjiż li rreġistraw biex jivvutaw kważi rdoppja (madwar 600,000, meta mqabbel ma’ 350,000 fl-elezzjonijiet tal-2019).

It-tħabbir u l-organizzazzjoni ta’ referendum fil-pajjiż kollu setgħu kienu fattur ieħor fiż-żieda fil-mobilizzazzjoni ċivika għall-elezzjonijiet parlamentari. Il-parteċipazzjoni fir-referendum kien ta’ 40.91%, u għalhekk ma kienx vinkolanti. Fattur importanti ieħor f’din il-mobilizzazzjoni kien il-bosta azzjonijiet meħuda mill-NGOs biex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-votanti. Ta’ min jinnota b’mod partikolari dawk immirati lejn in-nisa u ż-żgħażagħ (eż. Hija l-Għażla Tiegħek mill-Inizjattiva Leħen in-Nisa, Xbajna nibqgħu siekta mill-Inizjattiva Wschód [Lvant] jew Id-Deċiżjoni hija tiegħek minn SexEd), li kkontribwew għaż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-votanti. Fl-elezzjonijiet parlamentari tal-2019, 61.5% tan-nisa vvutaw u 60.8% tal-irġiel. Il-parteċipazzjoni fost iż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u d-29 sena kien ta’ 46.4%. Aktar nisa (73.7%) minn-irġiel (72.0%) u 68.8% taż-żgħażagħ (18-29) ivvutaw fl-elezzjonijiet tal-2023. L-organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità wettqu mill-inqas 20 kampanja qabel l-elezzjonijiet biex iħeġġu lin-nies jivvutaw.

Il-kampanji twettqu prinċipalment fuq l-internet, iżda xi wħud kienu wkoll fuq it-TV, ir-radju u anke fis-swali taċ-ċinema. L-involviment ta’ ċelebritajiet, influwenzaturi, atturi u figuri pubbliċi żied il-kapaċità tagħhom li jilħqu udjenzi differenti. Skont l-istħarriġ tas-CBOS Motivi u deċiżjonijiet elettorali 2023, li sar f’Ottubru 2023, il-maġġoranza tal-votanti (madwar 70%) iddeċidew dwar il-vot tagħhom mill-inqas ftit ġimgħat qabel l-elezzjonijiet. Il-bqija għamlu dan aktar tard – fl-aħħar ġimgħa qabel l-elezzjonijiet (28%), fil-jum tal-elezzjoni (9%) jew lejliet l-elezzjonijiet (4%). Ir-relazzjoni tal-grupp mal-Unjoni Ewropea kienet partikolarment importanti għall-votanti tal-Koalizzjoni Ċivika (KO) (80%). Ix-xewqa għal bidla fit-tmexxija ssemmiet kważi bl-istess frekwenza bħala raġuni għal vot favur il-KO (77%). Sehem kbir tal-votanti għal dan ir-raggruppament (64%) ħassew li kien jirrappreżenta valuri u prinċipji li kienu qrib tagħhom. Il-votanti tal-PIS ħassew li dan il-partit irrappreżenta kemm l-interessi tagħhom (“jieħu ħsieb nies bħalhom” – 66%) kif ukoll il-valuri u l-prinċipji tagħhom (62%). Fl-istess waqt, s’issa kellhom opinjoni pożittiva dwar it-tmexxija ta’ dan il-grupp (64%) u l-programm ekonomiku tiegħu (59%).

F’Ġunju 2024 il-Pollakki se jivvutaw biex jeleġġu l-Membri tagħhom tal-Parlament Ewropew. L-elezzjonijiet tal-PE jistgħu jitqiesu bħala fażi oħra ta’ ċiklu elettorali li beda fl-2023 bl-elezzjonijiet parlamentari, peress li l-elezzjonijiet lokali se jsiru fil-Polonja f’April 2024. Is-suġġett tal-Ewropa se jkun preżenti fil-kampanji tal-gvern lokali, għalkemm sa ċertu punt inqas milli waqt l-elezzjonijiet parlamentari. Barra minn hekk, l-20 anniversarju tal-adeżjoni tal-Polonja fl-UE jista’ jkollu influwenza fuq il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej. Ftakar – għall-aħħar elezzjonijiet tal-PE fl-2019, il-parteċipazzjoni tal-votanti fil-Polonja kienet ta’ 45.68%.

Il-poplu Pollakk huwa ferm favur li pajjiżhom ikun parti mill-Unjoni Ewropea. Skont l-istudju tas-CBOS ta’ April 2023, 85% japprovaw is-sħubija fl-UE. Dan in-numru naqas, iżda għadu għoli ħafna. 10% huma kontra l-preżenza Pollakka fl-UE, u 5% m’għandhom l-ebda opinjoni dwar is-suġġett.

Għandna niftakru wkoll li din hija l-ewwel darba li se jsiru l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fid-dell ta’ polikriżi: eż. il-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna, il-kriżi klimatika, il-kriżi ekonomika, iż-żieda tal-lemin populista. Għalhekk, fid-dawl tal-intensifikazzjoni mistennija tal-attivitajiet ta’ diżinformazzjoni, se jkun importanti li jkun hemm politika ta’ komunikazzjoni effettiva u koerenti fil-kampanja li tkun adattata għal gruppi speċifiċi ta’ votanti. Dawn it-tensjonijiet internazzjonali jwasslu biex is-sostenituri tal-Unjoni Ewropea jaraw tama f’komunità li tiggarantixxi s-sigurtà tagħna.

Małgorzata Molęda-Zdziech

L-Iskola tal-Ekonomija ta’ Varsavja – Team Europe Direct Poland

Editur

Ewa Haczyk-Plumley (editor-in-chief)
Daniela Marangoni (dm)
Laura Lui (ll)

Il-kontributuri għal din l-edizzjoni huma

Christian Weger (cw)
Daniela Marangoni (dm)
Daniela Vincenti (dv)
Ewa Haczyk-Plumley (ehp)
Giorgia Battiato (gb)
Jasmin Kloetzing (jk)
Katerina Serifi (ks)
Katharina Radler (kr)
Laura Lui (ll)
Marco Pezzani (mp)
Margarita Gavanas (mg)
Margarida Reis (mr)
Millie Tsoumani (mt)
Pablo Ribera Paya (prp)
Thomas Kersten (tk)

 

Koordinazzjoni globali

Agata Berdys (ab)
Giorgia Battiato (gb)

Technical support
Bernhard Knoblach (bk)
Joris Vanderlinden (jv)

Indirizz

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Bini Jacques Delors, 99 Rue Belliard, B-1040
Brussell, il-Belġju
Tel. (+32 2) 546.93.96 jew 546.95.86
Indirizz elettroniku: eescinfo@eesc.europa.eu

KESE info huwa ppubblikat disa’ darbiet fis-sena matul is-sessjonijiet plenarji tal-KESE. KESE info huwa disponibbli fi 23 lingwa. Il-KESE Info ma tistax titqies bħala r-rapport uffiċjali tal-ħidmiet tal-KESE; għal dawn, jekk jogħġbok irreferi għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew għal pubblikazzjonijiet oħrajn tal-Kumitat. Ir-riproduzzjoni hija permessa jekk il-KESE Info jissemma bħala s-sors u tintbagħat link lill-editur.

Jannar 2024
01/2024

Follow us

  • Facebook
  • Twitter
  • LinkedIn
  • Instagram