Kważi xahrejn ’l bogħod mill-elezzjonijiet Ewropej li jmiss, id-diżinformazzjoni qed issir ta’ importanza dejjem akbar fil-ħajja politika Ewropea minħabba l-influwenza ħażina li jista’ jkollha fuq ir-riżultati tal-elezzjoni.

Għal snin sħaħ il-konsegwenzi dannużi tad-diżinformazzjoni kienu kwistjoni ta’ tħassib għall-pubbliku inġenerali, u għall-politiċi b’mod partikolari. Is-soċjetà demokratika u l-istil ta’ ħajja kosmopolitan tagħna qed jiġu kontestati. Il-forzi tal-lemin estrem u forzi Ewropej estremisti oħra u reġimi awtokratiċi f’pajjiżi terzi qed isawru alleanzi biex iwettqu kampanji ta’ diżinformazzjoni li qed jimminaw il-proġett Ewropew, u qed jużaw il-media soċjali u l-algoritmi biex jagħmlu dan. Qed jużaw it-teknoloġija bħala l-għodda ewlenija tagħhom għal din il-kampanja malizzjuża.

Hija meħtieġa strateġija b’diversi fatturi biex tiġi protetta d-demokrazija u nirbħu kontra d-diżinformazzjoni, u t-teknoloġija eżistenti tista’ tgħinna niġġielduha b’suċċess. Huwa kruċjali li t-tliet oqsma tal-ġlieda diġitali – id-diżinformazzjoni, it-theddid ibridu u ċ-ċibersigurtà – jingħaqdu b’mod effettiv, u li jinħolqu sinerġiji u tissaħħaħ is-sigurtà, filwaqt li jiġi rrispettat l-istat tad-dritt.

Bl-istess mod, huwa essenzjali li jiġu rregolati l-ħolqien u t-tħaddim tal-algoritmi sabiex in-nies ikunu jistgħu jiddeċiedu li jaċċettaw jew jirrifjutaw ċerti karatteristiċi algoritmiċi, u jsibu l-bilanċ it-tajjeb bejn id-drittijiet fundamentali tan-nies minn naħa, u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-kumpaniji min-naħa l-oħra. Madankollu, mhuwiex aċċettabbli li l-kumpaniji tat-teknoloġija jittrasformaw il-manipulazzjoni u d-diskors ta’ mibegħda fi profitt. L-interessi privati ma jistgħux jipprevalu fuq l-interess pubbliku.

Huwa essenzjali li informazzjoni pubblika, pluralistika u indipendenti fil-lingwi kollha tal-UE twassal fatti inkontestabbli relatati mal-promozzjoni ta’ informazzjoni nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri.

Fuq l-aġenda hemm il-ħolqien ta’ kanal tal-aħbarijiet pubbliku Ewropew, disponibbli fuq pjattaformi differenti, b’impenn serju għall-indipendenza editorjali, li jippermetti lill-Ewropej jaċċessaw l-informazzjoni li jeħtieġu sabiex jagħmlu għażliet infurmati. Il-klassifikazzjoni tal-ġurnaliżmu bħala ġid pubbliku Ewropew, kif propost mill-UNESCO, u t-tisħiħ tal-modi kif jiġu difiżi l-ġurnalisti, huma passi li jeħtieġ li jittieħdu.

Dwar il-litteriżmu u l-għoti tas-setgħa lill-pubbliku ġenerali, huwa essenzjali li jiġi segwit l-eżempju eċċellenti tal-Finlandja fil-promozzjoni tal-ħsieb kreattiv tan-nies. Dan jirrikjedi miżuri li jipprovdu għodod li jippromovu l-litteriżmu medjatiku, kulturali u demokratiku fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, u li jindirizzaw il-gruppi tal-etajiet u l-minoranzi kollha.

Id-demokrazija hija l-gvern tal-poplu mill-poplu, u l-aħjar mod biex tiġi protetta d-demokrazija huwa li n-nies jesprimu x-xewqa qawwija tagħhom li jgħixu f’demokrazija!

Il-mudell soċjali Ewropew – permezz tal-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali u reġjonali, l-ugwaljanza u s-solidarjetà – huwa l-aktar mod effettiv (u l-aktar razzjonali) biex in-nies iħossu li l-benesseri ġenerali tagħhom jimxi id f’id mad-demokrazija, u għalhekk iħossu l-ħeġġa li jiġġieldu d-diżinformazzjoni.

Sabiex tiġi protetta d-demokrazija hemm ħtieġa urġenti għal approċċ aktar fil-fond, strateġija olistika u regolamentazzjoni Ewropea aħjar tal-bosta dimensjonijiet ta’ dan il-fenomenu. Dan kollu huwa indirizzat fl-Opinjoni TEN/830.

Carlos Trindade, membru tal-KESE