European Economic
and Social Committee
Seminar bil-parteċipazzjoni tal-Kummissarju Johansson: “Il-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni ekonomika: ir-rispons għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet”
Mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE
L-impjegaturi jqisu li l-migrazzjoni ekonomika qed ikollha rwol dejjem akbar fit-taħlita ta’ politika tal-UE biex jiġu pprovduti l-ħiliet u l-ħaddiema li l-kumpaniji Ewropej jeħtieġu sabiex ikunu kompettivi, produttivi u innovattivi. Ir-rwol tal-migrazzjoni ekonomika bħala parti mir-rispons ta’ politika tal-UE għat-tisħiħ tad-disponibbiltà ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati huwa fl-isfond ta’ popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qed tonqos; mobilità intra-UE staġnata, u spariġġ fil-ħiliet u nuqqas ta' ħaddiema f’firxa ta’ setturi.
Is-seminar: “Il-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni ekonomika: ir-rispons għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet” esplora kif il-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni ekonomika tista’ tikkontribwixxi biex tippromovi approċċ għall-migrazzjoni aktar immexxi mid-domanda. Is-seminar qies l-għodod, l-approċċi ta’ politika u l-inizjattivi differenti fil-livell tal-UE, dak nazzjonali u dak settorjali li jsawru r-rwol tal-migrazzjoni biex tgħin sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ min iħaddem b’rabta mal-ħiliet.
L-avveniment ġie koorganizzat minn BusinessEurope u mill-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE fis-7 ta’ Novembru 2022. Fost il-kelliema u l-parteċipanti kien hemm Ylva Johansson, Kummissarju għall-Affarijiet Interni, u rappreżentanti mill-Kummissjoni Ewropea, minn Cedefop, mill-imsieħba soċjali tal-UE u dawk nazzjonali, mill-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll membri tal-KESE.
Fl-avveniment, il-President tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE Stefano Mallia enfasizza l-importanza tal-migrazzjoni ekonomika: “F’sitwazzjoni fejn il-forza tax-xogħol domestika tal-UE waħedha mhijiex biżżejjed biex iżżomm l-ekonomija Ewropea għaddejja, l-UE u l-Istati Membri jeħtiġilhom ikomplu jiffaċilitaw il-migrazzjoni ta’ ħaddiema b’ħiliet minn pajjiżi mhux tal-UE, u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi nazzjonali tagħhom, pereżempju t-testijiet tas-suq tax-xogħol, ikunu mibnija b’mod li jiffaċilitaw sabiex in-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet jiġu indirizzati b’mod effettiv”.
Markus Beyrer, CEO ta’ BusinessEurope, qabel ma’ dan: “Nistiednu lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel progress għal espressjoni ta’ interess tal-UE għal tip ta’ sistema ta’ migrazzjoni ekonomika li tgħin lill-Ewropa ssir aktar attraenti għat-talent disponibbli madwar id-dinja. Ninsabu ħerqana biex flimkien mal-Kummissjoni nikkontribwixxu għat-tfassil tal-verżjoni kompleta tar-Riżerva ta’ Talent tal-UE proposta, sabiex niżguraw li din tkun allinjata tajjeb mal-ħtiġijiet tal-impjegaturi madwar l-Ewropa”.
Id-diskussjonijiet urew li l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati (speċjalment l-impjegaturi) hija meħtieġa biex jiġi żgurat li l-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni ekonomika tkun tista’ tgħin biex jiġi promoss approċċ għall-migrazzjoni aktar immexxi mid-domanda. Ir-Riżerva ta’ Talent tal-UE jista’ jkollha rwol importanti biex tgħin tqabbel il-migranti minn pajjiżi mhux tal-UE mal-postijiet tax-xogħol vakanti disponibbli. Il-Pjattaforma għall-Migrazzjoni l-ġdida tal-UE dwar it-titjib tal-governanza tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, stabbilita fil-Pakkett dwar il-Ħiliet u t-Talent. għandha ttejjeb il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha. Minħabba l-importanza li jkun hemm oqfsa ta’ politika nazzjonali dwar il-migrazzjoni li jiffunzjonaw tajjeb, il-Kummissjoni għandha tidentifika opportunitajiet għal tagħlim reċiproku u rieżami bejn il-pari dwar kwistjonijiet bħall-iżgurar ta’ listi ta’ impjiegi b’nuqqas ta’ ħaddiema aġġornati regolarment u testijiet tas-suq tax-xogħol li jiffunzjonaw tajjeb.
Tista’ ssib is-sommarju sħiħ tas-seminar hawnhekk: https://www.eesc.europa.eu/mt/news-media/news/eu-economic-migration-policies-responding-labour-market-and-skills-needs-0 (dv)