European Economic
and Social Committee
Kont ġenwinament ixxukkjat meta sirt naf li, wara l-aħbar inkoraġġanti tal-10 ta’ Novembru meta t-timijiet tan-negozjati tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill laħqu qbil dwar id-dettalji finali tal-Qafas Finanzjarju u l-Fond għall-Irkupru, żewġ Stati Membri – li aktar tard ingħaqad Stat Membru ieħor magħhom – ħadu d-deċiżjoni għall-għarrieda li jżommu ostaġġ lill-bqija tal-Ewropa. Lanqas il-vidjokonferenza bejn il-mexxejja Ewropej tad-19 ta’ Novembru ma sabet tarf ta’ dan l-imblokk.
Il-pakkett Next Generation EU, flimkien mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-perjodu 2021-2027, li jammontaw għal EUR 1,85 triljun, huma meħtieġa b’mod urġenti sabiex ikun hemm irkupru rapidu u effettiv fil-pajjiżi kollha, u għaċ-ċittadini kollha tagħna. Jekk ma jkun hemm ebda qbil dwar il-baġit u l-fond ta’ rkupru f’qasir żmien, allura se niffaċċjaw waħda mill-akbar kriżijiet istituzzjonali u politiċi tal-UE. Lil hinn minn kriżi purament politika u istituzzjonali, hija se taggrava wkoll il-kriżi ekonomika u soċjali li ninsabu fiha.
Jiena rreaġixxejt minnufih għal dan l-imblokk fil-Kunsill billi ħriġt stqarrija għall-istampa flimkien mal-kollegi ferm apprezzati tiegħi Aurel Laurențiu Plosceanu, President tal-kummissjoni SOC, u Cristian Pîrvulescu, President tal-Grupp tal-KESE dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Istat tad-Dritt.
L-aktar ħaġa xokkanti hija li żewġ gvernijiet qegħdin jimblukkaw il-fond għall-irkupru sabiex jimpedixxu li l-baġit tal-UE jkun marbut mar-rispett għall-istat tad-dritt. Id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt huma intrinsiċi għal soċjetajiet demokratiċi. Ma għandu jkun hemm l-ebda oppożizzjoni għalihom, dawn il-valuri huma minquxa fl-Artikolu 2 tat-Trattat tal-UE. Dawn il-prinċipji mhumiex negozzjabbli!
Nixtieq nagħlaq b’nota pożittiva: fl-istorja twila tagħha, l-UE wriet li hija “magna sabiex jintlaħaq ftehim”, anke fuq kwistjonijiet kumplessi u politikament kontroversjali. Sinċerament nittama li fl-aħħar mill-aħħar, se noħorġu wkoll minn dan l-impass. F’dan il-mument ma rrid lanqas nimmaġina ebda eżitu ieħor.
Xi analisti politiċi u ekonomiċi pproponew kif għandna nimxu ’l quddiem fir-rigward tal-fond għall-irkupru permezz ta’ proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa, u diżakkoppjament mill-QFP, jekk ma jkunx possibbli li jintlaħaq qbil bejn l-Istati Membri. Huma jsostnu li t-Trattat jipprovdi din il-possibbiltà. Filwaqt li naħseb li din tista’ titqies bħala l-aħħar alternattiva, jiena konvint bis-sħiħ li l-għan irid ikun li jintlaħaq qbil bejn is-27 Stati Membri kollha, u jkun qbil li jirrispetta l-istat tad-dritt.
Iż-żmien qed jagħfas. Għalhekk inħeġġeġ lill-Istati Membri, u b’mod partikolari lil dawk li bħalissa qed jimblukkaw il-ftehim, biex ma jkomplux iċaħħdu liċ-ċittadini Ewropej mill-flus ta’ rkupru li huma tant meħtieġa.