European Economic
and Social Committee
Il-politika tal-kompetizzjoni għandha taqbel mal-ambizzjonijiet il-ġodda tal-UE
Ir-regoli dwar il-fużjonijiet, l-antitrust u l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għandhom jiġu riveduti biex jaqdu l-ambizzjonijiet klimatiċi u diġitali tal-Unjoni u jgħinu tinkiseb awtonomija strateġika, li kollha kemm huma se jeħtieġġu investiment massiv. Żewġ Opinjonijiet ġodda tal-KESE jispjegaw kif għandha ssir din ir-reviżjoni.
Dibattitu li sar fid-19 ta’ Mejju waqt il-plenarja tal-KESE ffoka fuq żewġ rapporti ġodda li jindirizzaw il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE u l-għajnuna mill-Istat għas-servizzi tas-saħħa u soċjali f’kuntest globali li nbidel.
Fir-rapport dwar “Politika ta’ kompetizzjoni lesta għal sfidi ġodda”, il-KESE ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel iktar minn qatt qabel fir-reviżjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE li għaddejja bħalissa.
Il-miżuri meħuda biex tiġi indirizzata l-COVID-19 u aktar tard l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna għenu ħafna lin-negozji, iżda jeħtieġ li jittejbu. Hemm ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kriterji ta’ eliġibbiltà jippermettu lis-setturi kollha jibbenefikaw u ma jagħlqux il-bibien għan-negozji l-aktar milquta.
Fir-rigward tal-qafas ġenerali tal-dritt tal-kompetizzjoni, filwaqt li aġġusta ruħu għal għadd ta’ sfidi, ma żviluppax biżżejjed biex jassorbi l-għanijiet strateġiċi tal-UE – jiġifieri t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali iżda wkoll ir-reżiljenza. Il-KESE jenfasizza li dawn l-ambizzjonijiet jeħtieġu investiment pubbliku u privat enormi u għandhom jingħataw l-appoġġ massimu.
Il-miżuri biex jiġu kkontrollati l-konċentrazzjonijiet u l-fużjonijiet xi drabi jidhru li qed jostakolaw l-isforz biex l-Unjoni tibqa’ kompetittiva fir-rigward tal-Istati Uniti u ċ-Ċina. Id-dispożizzjonijiet dwar l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti mhumiex neċessarjament imfassla għall-isfidi ekoloġiċi u diġitali l-ġodda.
“Nissuġġerixxu xi aġġustamenti tekniċi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-appoġġ, iżda wkoll modi aħjar kif jitqiesu l-innovazzjoni u l-iżviluppi diġitali. Għamilna wkoll suġġerimenti biex is-setturi kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw, mhux biss l-industrija. Qed naħseb b’mod partikolari fis-settur tal-kummerċ u l-SMEs,” qalet ir-relatur tal-Opinjoni, Emilie Prouzet.
F’Opinjoni oħra, il-KESE indirizza l-għajnuna mill-istat għas-servizzi tas-saħħa u soċjali.
Ir-relatur Giuseppe Guerini (Diversità Ewropa, IT) qal li “il-pandemija tal-COVID-19 uriet li s-sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali jeħtieġ li jkunu jistgħu jaġġustaw malajr għal kwalunkwe bidla u li l-miżuri li nipproponu jgħinu jissemplifikaw u jgħaġġlu l-għoti tal-għajnuna mill-Istati.”
Il-KESE jindika li dan is-settur ma tantx għandu impatt fuq il-kompetizzjoni transkonfinali. Is-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali huma fil-biċċa l-kbira organizzati lokalment fil-pajjiżi u essenzjalment jintużaw fejn jiġu pprovduti. L-għajnuna mill-istat lil dan is-settur m’għandhiex titqies li xxekkel lill-kompetizzjoni.
Proposta importanti oħra tikkonċerna l-ammont massimu ta’ għajnuna mill-Istat permessa. Il-KESE jgħid li l-limitu biex tiġi nnotifikata l-għajnuna lill-Kummissjoni (attwalment EUR 500 000 fuq tliet snin fiskali), li jwassal għal proċess twil u kumpless, għandu jkun ogħla għal dawn is-servizzi milli għal servizzi oħra ta’ interess ġenerali. Dan ikun iġġustifikat mir-rwol tagħhom ta’ interess pubbliku, l-impatt limitat tagħhom fuq il-kummerċ transkonfinali u r-ritorn tal-inflazzjoni. (dm)