European Economic
and Social Committee
Għajnuna biex tingħalaq id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi qabel l-2104
Mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE
Bħala medja, in-nisa jaqilgħu 14% inqas mill-irġiel fl-Ewropa. F’xi pajjiżi s-sitwazzjoni qed titjieb bil-mod; f’oħrajn qed tmur għall-agħar. Id-differenza hija mistennija li tiġi fix-xejn bejn wieħed u ieħor fis-seklu tnejn u għoxrin fl-Unjoni Ewropea, iżda f’pajjiżi bħal Franza hija mistennija li ddum 1000 sena oħra.
Ir-raġunijiet għad-differenza fil-pagi jvarjaw: segregazzjoni settorjali (in-nisa huma rrappreżentati żżejjed f’setturi b’pagi baxxi); il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata (in-nisa jqattgħu aktar ħin f’xogħol mhux imħallas fid-dar); is-saqaf tal-ħġieġ (inqas minn 10% tas-CEOs huma nisa); u diskriminazzjoni pura, minkejja l-liġi.
Biex tgħin fl-indirizzar tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u biex tintemm id-diskriminazzjoni fir-rigward ta’ pagi, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet proposta għal Trasparenza fil-Pagi b’mekkaniżmi ta’ infurzar biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali. Il-proposta tinkludi l-kunċett fundamentali ta’ regoli vinkolanti dwar it-trasparenza fil-pagi, b’titjib ukoll fl-aċċess għall-ġustizzja.
Filwaqt li t-trasparenza fil-pagi bl-ebda mod ma hija l-unika għodda għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-pagi, li wieħed ikun jista’ jidentifika strutturi ta’ preġudizzju fir-rigward tal-ġeneru huwa punt kruċjali biex jiġu indirizzati d-differenzi fil-pagi.
Il-KESE ssuġġerixxa titjib fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni f’Opinjoni li tappella biex id-direttiva tissaħħaħ billi tiggarantixxi li l-ħaddiema kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dan il-vantaġġ, mhux biss dawk li jaħdmu għal kumpaniji kbar. Is-suċċess ta’ dawn il-miżuri jiddipendi fuq impenn ġenwin mill-imsieħba soċjali.
L-iżgurar ta’ pagi iktar ġusti u tmiem id-diskriminazzjoni tal-pagi huma miri ewlenini għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema kollha fl-Ewropa.