mill-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE

Waqt il-plenarja ta’ Marzu, il-KESE adotta Opinjoni importanti dwar il-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar it-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol fix-xogħol fuq il-pjattaformi. B’żieda mal-Proposta, il-KESE kkunsidra li huwa fundamentali li tiġi enfasizzata l-preżunzjoni li jeżistu relazzjonijiet ta’ impjieg, u li jissaħħu dawn id-dispożizzjonijiet sabiex jiġu evitati aktar lakuni li jippermettu li l-impjegati jiġu kklassifikati bħala persuni li jaħdmu għal rashom. L-Opinjoni tiffoka wkoll fuq ir-rwol tal-ġestjoni algoritmika u d-drittijiet kollettivi tal-ħaddiema tal-pjattaformi.

Id-dibattitu dwar din id-Direttiva l-ġdida għall-ħaddiema tal-pjattaformi, li għandha l-għan li tiżgura li jiġu kklassifikati b’mod ċar bħala impjegati sabiex jiġu pprevenuti l-prattiki attwali, intlaqa’ b’reżistenza b’saħħitha minn ħafna impjegaturi fl-Ewropa kollha. Ir-rifjut dirett minn ħafna minn dawk li jirregolarizzaw ix-xogħol indipendenti prekarju u fittizju jpoġġi aktar f’evidenza l-ħtieġa għal din il-leġiżlazzjoni: il-kwistjoni mhiex ser tissolva mill-awtoregolamentazzjoni tal-industrija. Mingħajr leġiżlazzjoni, il-pjattaformi se jkomplu jaġixxu f’żona griża fejn it-tifsira ta’ “impjegat” mhijiex ċara, filwaqt li jevitaw in-negozjar kollettiv u l-protezzjoni soċjali. B’dan il-mod, huma joffru prezzijiet orħos lill-konsumaturi, u, bħas-soltu, jgħaddu l-konsegwenzi drammatiċi u l-kostijiet moħbija ta’ dan il-mudell lis-soċjetà kollha.

Madankollu, din l-azzjoni biex jiġu żgurati ċertezza u ċarezza fl-Ewropa kollha ma tiddefendix biss l-interessi tal-ħaddiema. Ħafna kumpaniji li leħinhom ma nstemax, u li jirrispettaw mhux biss l-ittra iżda wkoll l-ispirtu tal-leġiżlazzjoni tax-xogħol, jiffaċċjaw kompetizzjoni inġusta minħabba dawn il-forom ta’ dumping soċjali. Hekk kif niddiskutu l-Futur tal-Ewropa, din hija parti integrali minn dik id-diskussjoni: konverġenza soċjali ’l fuq, jew tiġrija lejn l-aktar livell baxx. Fl-aħħar mill-aħħar, il-paċi soċjali li jgawdi minnha kulħadd, inklużi n-negozji, tiddependi wkoll mill-koeżjoni soċjali u ċertu grad ta’ ugwaljanza, u dawn huma mhedda mill-kapitaliżmu predatorju.

Forom ġodda ta’ xogħol, min-natura tagħhom stess, dejjem se jwasslu għall-kontroversji, u x-xogħol fuq il-pjattaformi, evidentement, mhuwiex eċċezzjoni. Minn naħa waħda, il-progress teknoloġiku joffri possibbiltajiet organizzattivi u opportunitajiet ta’ impjieg ġodda. Min-naħa l-oħra, dan spiss iġib miegħu l-prekarjetà. Il-proċess fil-fatt mhuwiex ġdid: mill-bidu nett tar-rivoluzzjoni industrijali, it-trade unions twieldu bħala risposta ta’ solidarjetà kontra kondizzjonijiet tax-xogħol inumani maħluqa mill-fabbriki Ġara ħafna minn dak iż-żmien ’l hawn, u ġeneralment hemm fis-seħħ protezzjoni tax-xogħol b’saħħitha, tal-inqas fl-Ewropa. Madankollu, għal darb’oħra hija meħtieġa korrezzjoni biex jiġi żgurat li din l-innovazzjoni ma sseħħx għad-detriment tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol taċ-ċittadini u tal-ħaddiema tagħna. (pbr)