European Economic
and Social Committee
Mhux biss ekoloġiku u diġitali: il-ġejjieni tal-Ewropa jrid ikun ukoll demokratiku
Ir-rikostruzzjoni wara l-pandemija trid tkun opportunità biex l-Ewropa tinbena mill-ġdid fuq pedament ġdid ta’ parteċipazzjoni demokratika. Ikun żball kbir jekk id-destin u l-ġejjieni tal-ħafna jiġu deċiżi minn daqstant ftit nies, kif stajna nisimgħu waqt il-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili 2021 tal-KESE.
Il-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE, bit-tema “Irkupru sostenibbli għall-ġejjieni taċ-ċittadini tal-Ewropa”, sar bejn l-1 u l-5 ta’ Marzu – ħamest ijiem ta’ dibattiti interattivi online bl-involviment ta’ 1 400 persuna, bi spettaturi li qabdu minn reġjuni ’l bogħod ħafna bħall-Afrika, l-Asja, u l-Amerika ta’ Fuq u ta’ Isfel.
Il-kelliema raw aspett pożittiv fil-pandemija peress li, għalkemm kien hemm bżonn li l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa tiġi posposta, enfasizzat ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala l-alleati tal-gvernijiet li sabuha diffiċli jiffaċċaw kriżi profonda. Skonthom, dan ma kienx l-aħjar prova li s-soċjetà ċivili jistħoqqilha post mal-mejda li ser tiddeċiedi dwar il-ġejjieni tal-Ewropa?
Il-President tal-KESE, Christa Schweng, qalet “Ninsab ferħana li l-Kummissjoni tagħti daqstant importanza lill-involviment taċ-ċittadini fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Tistgħu sserħu fuq il-Kumitat biex jagħti kontribut sostanzjali għad-dibattiti, billi jinvolvi lill-ħaddiema, lill-impjegati u lis-soċjetà ċivili organizzata, u bħala multiplikaturi u ambaxxaturi, li jwasslu d-dibattitu fl-organizzazzjonijiet tal-membri tagħna.”
Waqt li li rriflettiet ir-rwol ewlieni moqdi mill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, Brikena Xhomaqi, ko-President tal-Grupp ta’ Kuntatt li koorganizza l-avveniment, għalqet il-ħidmiet billi qalet: “Nistieden lil kulħadd jagħmel is-solidarjetà interġenerazzjonali l-munità tagħna għall-irkupru sostenibbli għall-ġejjieni tal-Ewropa.”
Il-konklużjonijiet tat-tmien workshops intraċċaw id-direzzjoni lejn ġejjieni aħjar għaċ-ċittadini tal-Ewropa, u ġiet enfasizzata l-ħtieġa, fost affarijiet oħra:
- li jissaħħu l-organizzazzjonijiet intermedjarji (organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, partiti, trade unions, eċċ.), li tissaħħaħ l-edukazzjoni ċivika u diġitali u li jinħolqu assemblej taċ-ċittadini għat-teħid ta’ deċiżjonijiet;
- li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar l-ekonomija soċjali bħala mudell ta’ negozju vijabbli għall-irkupru sostenibbli li jmur lil hinn mill-profitt u jgħin jiġu indirizzati l-inugwaljanzi u t-tibdil fil-klima, b’fondi mwarrbin fil-Pjan ta’ Rkupru u fin-NextGenerationEU;
- li jkun hemm investiment fil-kultura u l-edukazzjoni biex jinbena ġejjieni aktar reżiljenti u sostenibbli għall-Ewropa. L-investiment fl-infrastruttura materjali mhuwiex biżżejjed: il-persuni jridu jitqiegħdu fil-qalba tal-irkupru;
- li tiġi depolitiċizzata u studjata aħjar l-għażla ta’ introjtu bażiku universali u skemi li jigarantixxu l-impjiegi bħala soluzzjoni vijabbli għall-benefiċċju tal-persuni u tal-pjaneta;
- li ż-żgħażagħ jingħataw il-possibbiltà li jipparteċipaw b’mod utli u jibqgħu impenjati fl-Ewropa kollha, u li jsemmgħu leħinhom mhux biss fuq kwistjonijiet speċifiċi għaż-żgħażagħ, iżda f’varjetà ta’ oqsma ta’ politika;
- li jiġi żgurat li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jikkontribwixxi b’mod effettiv sabiex jinqerdu l-faqar, l-inġustizzja u l-inguwaljanza bejn il-ġeneri;
- li titħaffef ir-rinovazzjoni tal-bini fl-Ewropa, billi jiżdied l-għarfien dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li din tippreżenta u timmobilizza lill-gruppi tas-soċjetà ċivili bħar-rappreżentanti tas-sidien tal-bini u l-periti sabiex jiksbu l-għanijiet tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni fl-Ewropa;
- li jiġu involuti mill-qrib l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali ta’ rkupru, waqt li titreġġa’ lura t-tendenza stabbilita fil-fażi preparatorja fejn il-parteċipazzjoni tagħhom kienet limitata. Dawk li jfasslu l-politika jridu jifhmu l-valur tal-volontarjat, mhux biss f’termini ta’ ammont ta’ sigħat investit, iżda bħala esprezzjoni tal-valuri Ewropej u eżempju għall-oħrajn biex ikun hemm il-bidla lejn is-soċjetà li rridu, abbażi tas-solidarjetà, l-inklużjoni u l-prinċipji demokratiċi.
Il-konklużjonijiet sħaħ tal-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili ser jiġu ppubblikati dalwaqt fis-sit web tal-KESE. (dm)