Ir-rebbieħa tal-ewwel premju, Fundación Secretariado Gitano ta’ Spanja, nediet il-proġett tagħha “Aprender Trabajando” (Nitgħallem billi Naħdem) fl-2013. F’dawn l-10 snin, il-proġett ta opportunità lil aktar minn nofs iż-żgħażagħ Rom li ħadu sehem biex isibu xogħol, u lil terz minnhom biex jirritornaw fis-sistema tal-edukazzjoni biex itemmu l-edukazzjoni sekondarja obbligatorja tagħhom. Madankollu, l-aktar fatt impressjonanti huwa li 87% taż-żgħażagħ li pparteċipaw jgħidu li ħajjithom marret għall-aħjar, u 94% tal-kumpaniji li ħadu sehem fil-proġett billi impjegawhom qalu li huma lesti li jerġgħu jagħmlu dan. Raúl Pérez minn Fundación Secretariado Gitano jagħtina aktar informazzjoni.

KESE info: X’ħeġġiġkom tibdew il-proġett jew l-inizjattiva tagħkom?
Il-proġett Aprender Trabajando (Nitgħallem billi Naħdem) tnieda fl-2013 fi żmien ta’ kriżi ekonomika globali, li fil-każ ta’ Spanja wasslet għal rati għoljin ta’ qgħad, fost affarijiet oħra. Il-qgħad affettwa l-aktar liż-żgħażagħ: “Fl-2013. ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ kienet f’livell inaċċettabbli ta’ 55.48% (Rapport dwar iż-Żgħażagħ u is-Suq tax-Xogħol, Ġunju 2014, Ministru għall-Impjieg u s-Sigurta Soċjali). Fil-każ tal-popolazzjoni Rom fi Spanja, li 60% minnhom huma taħt it-30 sena u li r-rata ta’ qgħad hija ġeneralment tliet darbiet aktar minn dik tal-popolazzjoni ġenerali, is-sitwazzjoni kienet aggravata mill-fatt li ħafna drabi huma ma għandhomx kwalifiki bażiċi obbligatorji (17% biss itemmu l-edukazzjoni minima obbligatorja), u la jkollhom taħriġ u lanqas esperjenza ta’ xogħol preċedenti (66% taż-żgħażagħ Rom huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ) (Studju komparattiv dwar is-sitwazzjoni tal-popolazzjoni Rom fi Spanja fir-rigward tal-impjieg u l-faqar (2018), Fundación Secretariado Gitano).

Ittieħdu bosta miżuri fil-livell nazzjonali sabiex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni (eż. l-Istrateġija għall-intraprenditorija u l-impjieg taż-żgħażagħ 2013-2016), kif ukoll fil-livell tal-UE (eż. il-Garanzija għaż-Żgħażagħ). Il-Fundación Secretariado Gitano, li dak iż-żmien irċeviet fondi mill-programm operazzjonali tal-Fond Soċjali Ewropew “Il-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni” biex tiżviluppa Acceder, programm ta’ taħriġ u ta’ impjieg immirat għall-popolazzjoni Rom, kellha l-opportunità (permezz tal-fondi Ewropej) biex tittestja mudell ta’ taħriġ ġdid għaż-żgħażagħ Rom li ġejjin minn sfondi vulnerabbli.

Kif intlaqa’ l-proġett tagħkom? Ksibtu xi feedback miċ-ċittadini li għintu? (Tista’ tagħtina xi eżempju?)
Matul l-10 snin tal-iżvilupp tiegħu, il-proġett Aprender Trabajando ħarreġ aktar minn 3 500 persuna Rom taħt it-30 sena, bħala benefiċjarji tal-iskema nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ li kienu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ. Permezz ta’ dan il-proġett, 55% minnhom daħlu f’impjieg, u 32% irritornaw fis-sistema tal-edukazzjoni sabiex itemmu l-edukazzjoni sekondarja obbligatorja tagħhom. 87% taż-żgħażagħ li pparteċipaw qalu li ħajjithom marret għall-aħjar, u 96% tal-kumpaniji msieħba huma lesti li jaħdmu mill-ġdid ma’ Aprender Trabajando (skont ir-Rapport Eżekuttiv tal-proġett Aprender Trabajando 2013-2021).

Hawnhekk nippreżentaw żewġ testimonjanzi ta’ żewġ persuni li pparteċipaw fil-proġett Aprender Trabajando, li jidhru wkoll fil-vidjo li għamilna sabiex niċċelebraw l-10 anniversarju tal-proġett: 10 años. Aprender Trabajando, 2022:
“Kont mingħajr xogħol għal sentejn. Spiċċajna mingħajr dar, interrqu minn post għall-ieħor, mingħajr idea fejn se nispiċċaw. Ikkuntattjajt lil Aprender Trabajando għax ridt nitħarreġ u nsib xogħol”. Din hija t-testimonjanza ta’ Manuel Lizárraga, li pparteċipa f’Aprender Trabajando fis-sede ta’ Fundación Secretariado Gitano f’Burgos. Illum huwa jaħdem mal-kumpanija Alcampo.
Maria Bruno bi kburija tistqarr li: “Jien ridt naħdem u nisfrutta l-potenzjal tiegħi bħala persuna bħal ħaddieħor. Il-fatt li jien Rom ma jfissirx li ma rridx naħdem jew nisfrutta l-potenzjal tiegħi”. Maria ħadet sehem f’Aprender Trabajando f’Madrid mal-kumpanija Bricodepot, li tinsab f’Getafe. “Tassew nieħu gost naħdem. Inħobb il-post u ninsab imdawra minn nies meraviljużi. Jittrattawni bħala persuna, mhux bħala t-tfajla l-ġdida jew ir-Rom il-ġdida”.

Kif se tużaw dan il-finanzjament speċifiku biex tipprovdu aktar għajnuna fil-komunità? Diġà qed tippjanaw proġetti ġodda?
Sa mill-bidu tagħhom, il-programmi Acceder u Aprender Trabajando kellhom dimensjoni urbana, ġew żviluppati fil-bliet prinċipali ta’ Spanja u ffukaw l-aktar fuq l-impjieg fis-settur tas-servizzi, b’mod partikolari fiż-żoni urbani. B’hekk l-ambitu tagħhom huwa limitat u jħalli barra lill-popolazzjoni Rom li tinsab f’żoni rurali, li minkejja li taffaċċja l-istess problemi bħal dawk li jiġu affaċċjati fil-bliet f’termini ta’ diskriminazzjoni jew restrizzjonijiet għall-aċċess tagħhom għall-impjieg, huma ma għandhomx l-istess opportunitajiet biex jaċċessaw dan it-tip ta’ appoġġ.

Waħda mill-isfidi hija li nestendu din l-esperjenza lill-akbar numru possibbli ta’ persuni Rom, nadattaw il-mudell sabiex nilħqu lil dawk iż-żoni fejn jgħixu għadd sinifikanti ta’ persuni Rom, iżda fejn l-organizzazzjoni ma għandhiex uffiċċji (prinċipalment ambjenti rurali), u ninvolvu negozji minn setturi oħra minbarra dawk mis-setturi tradizzjonali tal-kummerċ u tal-ospitalita.

Għal dan il-għan, jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu, nippjanaw li nużaw dawn il-fondi sabiex niffinanzjaw studju (jew parti minn studju) biex nadattaw il-mudell tal-proġett Aprender Trabajando għal ambjenti rurali, u għal setturi ġodda lil hinn mis-setturi tal-kummerċ u tal-ospitalità.
F’każ li ma jkunx possibbli li l-fondi jintużaw għal dan l-istudju, aħna se ninvestuhom fil-proġett Aprender Trabajando, billi nixtru materjali għall-attivitajiet fil-fażi tat-teorija.

X’parir tagħti lil organizzazzjonijiet oħra dwar il-kisba ta’ riżultati minn attivitajiet u programmi bħal dawn?

  • Kull proġett ta’ integrazzjoni jrid jinkludi kooperazzjoni ma’ kumpaniji matul il-proċess kollu ta’ tfassil, implimentazzjoni u monitoraġġ.
  • Huwa importanti li fil-bidu jkun hemm proġetti pilota, u li mill-bidu tiġi antiċipata l-possibbiltà ta’ tkabbir ulterjuri, jekk l-esperjenza tkun pożittiva.
  • Huwa tajjeb li jkun hemm rwol ta’ tutur, kemm mill-NGO kif ukoll mill-kumpanija, u li jiġi żgurat li l-proċess ta’ komunikazzjoni u ta’ koordinazzjoni bejn iż-żewġ partijiet ikun ċar.
  • Huwa tajjeb li jkun hemm taħlita ta’ taħriġ teoretiku u prattiku f’ambjenti ta’ xogħol reali bħala mod effettiv sabiex it-taħriġ jirrispondi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u mod biex jiġu promossi opportunitajiet ta’ xogħol.
  • Il-korsijiet u l-proċessi ta’ taħriġ jeħtieġ li jkunu adattati għall-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi tal-benefiċjarji, sabiex jiġi żgurat li huma jkollhom aċċess ugwali għal riżorsi ta’ taħriġ u ta’ impjieg.

Taħseb li l-UE qed tagħmel biżżejjed biex tgħin liż-żgħażagħ żvantaġġati? Għandek pariri jew rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet speċifiċi?
Jeħtieġ li jkun hemm mekkaniżmi li jiżguraw li l-pajjiżi (fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali) jimplimentaw proġetti effettivi sabiex jintegraw liż-żgħażagħ l-aktar żvantaġġati fis-suq tax-xogħol, u li dawn il-proġetti verament jilħqu lil dawk li jeħtiġuhom l-aktar, bħall-popolazzjoni Rom. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-interventi jkollhom approċċ fit-tul, dan huwa fundamentali biex verament ikun hemm bidla fil-ħajja ta’ dawn iż-żgħażagħ.
Jista’ jkun hemm kofinanzjament akbar għal dan it-tip ta’ proġetti mill-fondi Ewropej sabiex ikun aktar faċli li jsir investiment fihom.
Meta jintużaw riżorsi finanzjarji Ewropej għall-impjieg (eż. investimenti kbar li qed isiru jew se jsiru permezz tal-fondi NextGenerationEU), għandu jitħeġġeġ l-użu ta’ klawżoli li jirrikjedu l-impjieg ta’ żgħażagħ żvantaġġati.