Eċċezzjonalment, il-premju ta’ din is-sena ngħata għal żewġ settijiet ta’ rebbieħa minn żewġ kategoriji: dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ u dwar is-soċjetà ċivili Ewropea għall-Ukrajna
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ta premjijiet lil sitt organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-proġetti eċċezzjonali tagħhom, li huma eżempji mill-aqwa tal-impenn tas-soċjetà ċivili biex jinħoloq futur aħjar għaż-żgħażagħ tal-Ewropa u biex tittaffa l-qagħda mwiegħra tal-Ukreni li qed ibatu minħabba l-invażjoni brutali tar-Russja f’pajjiżhom.
Il-premju ta’ EUR 60 000 tqassam bejn sitt proġetti rebbieħa. L-assoċjazzjoni Spanjola Fundación Secretariado Gitano ħadet l-ewwel premju ta’ EUR 14 000 fil-kategorija taż-żgħażagħ. Il-proġett tagħhom “Learning by Doing” jindirizza l-kwistjoni tal-qgħad fost iż-żgħażagħ Rom. L-istess ammont ingħata lill-Asociația SUS INIMAtar-Rumanija, ir-rebbieħa tal-ewwel premju għal proġett relatat mal-Ukrajna. L-assoċjazzjoni Rumena qed tgħin lir-refuġjati Ukreni biex jintegraw bla xkiel fis-soċjetà Rumena.
L-erba’ assoċjazzjonijiet l-oħra rċevew EUR 8 000 kull wieħed. Il-klassifikazzjoni finali tagħhom hija kif ġej:
KATEGORIJA 1 - ŻGĦAŻAGĦ
It-2 Premju -Movimento Transformers (il-Portugall)
It-3 Premju - Associazione Agevolando (l-Italja)
KATEGORIJA 2 - UKRAJNA
It-2 Premju - Villavecchia Foundation (Spanja)
It-3 Premju - Polish Scouting and Guiding Association (il-Polonja)
Waqt iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni li saret fi Brussell, il-President tal-KESE Christa Schweng ferħet lis-sitt rebbieħa u rringrazzjat lill-kandidati kollha għall-applikazzjonijiet tagħhom mimlijin ideat: “Is-solidarjetà u l-inizjattivi tagħkom favur l-Ukrajna għamlu differenza għal mijiet ta’ eluf ta’ nies. L-inizjattivi tagħkom biex isaħħu l-pożizzjoni taż-żgħażagħ żvantaġġati se jkollhom impatt fuq ħajjithom. Il-proġetti u l-impenn tagħkom biex timplimentawhom huma eżempju ġenwin ta’ ċittadinanza attiva. F’dawn iż-żminijiet diffiċli, l-Ewropa teħtieġ dawn l-eżempji u l-impenn tagħkom aktar minn qatt qabel!”
Waqt li qassam il-premijiet, il-Viċi President tal-KESE għall-Komunikazzjoni, Cillian Lohan, qal “Bħalissa qed naffaċċjaw sfidi globali enormi: it-tibdil fil-klima, il-paċi, is-sigurtà tal-enerġija, l-intelliġenza artifiċjali u teknoloġiji emerġenti oħra, l-iżvilupp sostenibbli u ħafna aktar. Irridu nivvalutaw kif imiss l-impatt tal-politiki kollha tagħna fuq iż-żgħażagħ u jeħtieġ ukoll li ninvolvuhom fl-istadji kollha tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Wasal iż-żmien li mis-smigħ u l-konsultazzjoni taż-żgħażagħ ngħaddu għall-kokreazzjoni, il-kodisinn u l-koproduzzjoni.
REBBIEĦ TAL-EWWEL PREMJU
“Learning by Doing”, immexxi mill-Fundación Secretariado Gitano, ta’ Spanja, ġie vvutat bħala l-aktar proġett eċċellenti relatat maż-żgħażagħ. Dan jittratta l-qgħad fost iż-żgħażagħ Rom ta’ bejn is-16 u t-30 sena. Permezz ta’ sħubija pubblika-privata, il-programm jgħaqqad it-taħriġ teoretiku u prattiku bil-għan li jelimina l-isterjotipi u l-preġudizzji kontra l-popolazzjoni Rom fil-kumpaniji involuti fl-inizjattiva, u jindirizza l-esklużjoni soċjali aktar ġenerali.
Bil-proġett tagħha dwar Integrazzjoni bla xkiel tar-refuġjati Ukreni fin-nisġa soċjali Rumena - punt fokali fil-kontea ta’ Sibiu, l-assoċjazzjoni tar-Rumanija SUS INIMA ħadet l-ewwel premju fil-kategorija “Is-soċjetà ċivili Ewropea għall-Ukrajna”. Sal-lum, din l-NGO għenet għexieren ta’ eluf ta’ refuġjati Ukreni. B’differenza mill-ħidma tas-soltu tagħha li toffri appoġġ għall-pazjenti bil-kanċer, SUS INIMA żviluppat għadd ta’ inizjattivi biex tgħin lill-Ukreni, li jvarjaw minn attivitajiet tal-iskola u t-tfittxija ta’ impjieg, sal-għoti ta’ terapija u appoġġ psikoloġiku. Dan min-naħa tiegħu ppermetta lill-familji Ukreni biex jintegraw bla xkiel fis-soċjetà Rumena, peress li ngħataw sens ta’ appartenenza u rifuġju sikur – kemm fiżiku kif ukoll mentali.
AKTAR DWAR PROĠETTI REBBIEĦA OĦRAJN
KATEGORIJA 1: INSAĦĦU L-POŻIZZJONI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
It-tieni premju fil-kategorija taż-żgħażagħ ingħata lill-assoċjazzjoni Portugiża Movimento Transformers u lill-programm ta’ volontarjat Superpower School tagħhom, fejn il-mentors jagħtu klassijiet kull ġimgħa lill-istudenti, l-aktar lit-tfal u ż-żgħażagħ f’riskju ta’ esklużjoni soċjali. Il-programm jippermetti liż-żgħażagħ jiskopru t-talenti tagħhom – f’oqsma bħat-tisjir, l-arti marzjali, il-fotografija u l-kitba kreattiva – u jiżviluppaw ħiliet li jagħtuhom il-mezzi biex isiru aġenti tal-bidla u jagħtu lura dak li tgħallmu biex jittrasformaw b’mod pożittiv il-komunità tagħhom.
Ir-rebbieħa tat-tielet premju,Associazione Agevolando mill-Italja, hija favur id-drittijiet u l-benesseri tal-minorenni u l-adulti żgħażagħ li qattgħu parti mit-tfulija jew tfulithom kollha tagħhom f’foster care jew f’kura residenzjali u li jeħtieġ li jsiru indipendenti malli jilħqu l-età maġġuri. L-inizjattiva Care Leavers Network Italia hija network informali madwar il-pajjiż kollu ta’ żgħażagħ ta’ bejn is-16 u s-26 sena li kienu fis-sistema tal-kura tas-saħħa. L-għanijiet ewlenin tagħha huma li tinkoraġġixxi l-opportunitajiet għall-iskambju u t-tagħlim.
KATEGORIJA 2 – IS-SOĊJETÀ ĊIVILI EWROPEA GĦALL-UKRAJNA
It-tieni premju ngħata lill-Villavecchia Foundation (Spanja). Bil-fond ta’ emerġenza tagħha “You are in a Safe Place”, din ipprovdiet kura tas-saħħa għall-pazjenti żgħażagħ bil-kanċer u l-ġenituri tagħhom. Tfal Ukreni morda serjament tneħħew mit-tkexkix tal-gwerra minn organizzazzjonijiet internazzjonali li wassluhom lura f’sikurezza biex jissoktaw bit-trattament tagħhom. Wieħed minn dawn il-postijiet sikuri kien Barċellona, fejn il-fondazzjoni kienet qed tistinka biex lil dawn il-pazjenti Ukreni żgħażagħ u l-familji tagħhom toffrilhom l-aħjar kwalità tal-ħajja possibbli billi tiżgura li jiksbu kura komprensiva fil-livelli kollha.
It-tielet post ħaditu Polish Scouting and Guiding Association (ZHP), l-akbar organizzazzjoni mhux formali tal-edukazzjoni taż-żgħażagħ tal-pajjiż, li mmobilizzat biex tgħin lill-Ukreni hekk kif bdiet il-gwerra. Il-voluntiera ta’ ZHP żammew preżenza fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri, iggwidaw lin-nies lejn is-sikurezza, ipprovdew informazzjoni, ġabru u ttrasportaw donazzjonijiet u organizzaw “rondi mal-fruntieri” biex joffru l-ewwel għajnuna. Hija ffokat b’mod partikolari fuq it-tfal Ukreni, il-ġbir ta’ ġugarelli, l-appoġġ psikoloġiku tagħhom u l-inklużjoni tagħhom f’attivitajiet ta’ scouting.
DWAR IL-PREMJU GĦAS-SOĊJETÀ ĊIVILI 2022
Il-Premju għas-Soċjetà Ċivili ta’ din is-sena attira 106 kandidat minn 21 Stat Membru: 60 għall-kategorija 1 (Żgħażagħ) u 46 għall-kategorija 2 (l-Ukrajna).
Il-KESE jittama li l-premju tiegħu jħeġġeġ lis-soċjetà ċivili tkompli turi solidarjetà mal-poplu Ukren u tkompli tagħti l-vuċi u l-mezzi lill-ġenerazzjoni li hija l-futur tal-Ewropa.
Il-Premju għas-Soċjetà Ċivili jingħata għal “eċċellenza f’inizjattivi tas-soċjetà ċivili”. Kull sena, il-premju jkopri aspett differenti tal-ħidma tal-KESE. Fl-2021, ippremja proġetti li kienu qed jindirizzaw b’mod kreattiv il-kriżi klimatika. Fl-2020, il-KESE nieda Premju ta’ darba għas-Solidarjetà Ċivili, li kien iddedikat għall-ġlieda kontra l-COVID-19. It-tema fl-2019 kienet l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa.
Aktar informazzjoni dwar il-Premju għas-Soċjetà Ċivili tal-2022 hija disponibbli hawnhekk.